Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #870 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jlaqqa' il-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva? Ix-xogħol li kien sar minn dak il-Kumitat se jitwarrab jew se jiġi addottat u żviluppat? Id-deċiżjonijiet li kien intlaħaq qbil dwarhom sa Settembru, 1998 se jerġgħu jiġu kkonsidrati kollha mill-ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

a) Kif ġa għidt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 711 biħsiebni nlaqqa' l-kumitat imsemmi fil-futur qrib. b) Ebda xogħol la ta' dan il-Kumitat u lanqas xogħol ieħor mhu ser jitwarrab imma ser jiġi żviluppat fid-dawl tal-politika tal-Gvern preżenti. c) Id-deċiżjonijiet imsemmija ser jiġu riveduti fid-dawl tal-Politika tal-Gvern preżenti li l-Persuni b'Diżabilita' u l-familji tagħna jkunu parti sħiħa mill-proċess ta' pjanar u deċiżjonijiet li jikkonċernawhom.
Leg 9 PQ #871 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu biex it-22 tifel u tifla bi bżonnijiet speċjali, li sal-bidu ta' Novembru, 1998 kien għadhom ma bdewx l-edukazzjoni tagħhom, jibdew jieħdu l-edukazzjoni tagħhom b'mod regolari fi skejjel ma' tfal oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dawn il-jiem li ġejjin id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ser toħroġ sejħa għall-ingaġġ ta' Supply Kindergarten Assistants għal tfal bi bżonnijiet speċjali.
Leg 9 PQ #778 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ex-Segretarju tal-Kabinett — Sur Joe Zammit

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'xogħol ingħata s-Sur Joe Zammit ex-Segretarju tal-Kabinett, 1996-98, mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? X'uffiċċju ngħata biex ikun jista' jaħdem? Fuq liema kriterji ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet? Kienu ispirati mill-kliem fid-diskors tal-President li int qed tmexxi gvern "ta' djalogu miftuħ għal kulħadd mingħajr l-esklużjoni ta' ħadd"?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-Sur Joe Zammit li serva bħala Segretarju tal-Kabinett għal 22 xahar bejn l-1996 u l-1998 u li kien ingħata promotion fil-21 ta' Awissu 1998 minn Grade 4 għal Grade 2, għadu mhux kuntent bil-kariga li ngħata.
Leg 9 PQ #860 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Msida - Skola Sta. Marija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li tiġi kkonsidrata l-proposta li kienet diġa' tressqet mill-Ministeru lill-MUT dwar il-pjani biex l-Iskola Santa Marija, fl-Imsida ssir istituzzjoni edukattiva li tħarreġ liż-żgħażagħ b'diżabilita' bħala tħejjija għad-dinja tax-xogħol u għall-ħajja soċjali? Jekk il-proposta se titwarrab, hemm xi pjan alternattiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-proposta li kienet magħmula f'laqgħa tal-Istatementing Board qed tiġi valutata. Jidher li hemm kwartieri fis-sezzjoni ta' l-Edukazzjoni Speċjali li ma jaqblux mal-proposta oriġinali iżda li qed jipprospettaw soluzzjoni għat-"Transition Services" differenti mill-oriġinali.
Leg 9 PQ #861 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużew Marittimu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-Mużew Marittimu jitmexxa bi skema ta' sħubija bejn il-Gvern u s-settur privat kif isir f'pajjiżi Ewropej? Fiex wasal ix-xogħol li kien beda qabel f'din id-direzzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif intqal fid-Diskors tal-President fl-okkażjoni tal-Ftuh tal-Parlament, ser jiġu kkunsidrati strutturi operattivi ġodda għall-Mużewijiet fuq linji speċjalizzati u alternattivi għal dawk li jeżistu fi strutturi Governattivi.
Leg 9 PQ #862 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Raħal Ġdid — Ipoġew

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq l-Ipoġew? Meta se jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol fl-Ipoġew mistenni jitlesta fil-bidu tas-sena d-dieħla. It-tiġdid tas-servizzi ta' l-ilma u d-drenaġġ fi Triq Ħal Luqa, li fil-preżent huwa sospiż sabiex ma jtellifx ix-xogħol tal-ħwienet ma tul il-Milied, ser jitkompla fil-bidu ta' Jannar. Informat li b'hekk l-Ipoġew mistenni jkun f'qagħda li jerġa' jinfetaħ għall-viżitaturi f'April ta' l-1998.
Leg 9 PQ #863 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Primarji - Sillabus

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jistenna l-Ministeru biex iqiegħed għall-bejgħ kopji tas-sillabu rivedut tal-klassijiet 4, 5 u 6 tal-primarja? Tista' ssir pubbliċita' qawwija li dawn il-kopji jinsabu għall-bejgħ biex il-ġenituri jkunu jistgħu jixtruhom? Meta se jkunu għall-bejgħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Kopji tas-sillabu rivedut tal-klassijiet 4,5 u 6 tal-primarja se jkunu għall-bejgħ ma jdumux. Il-ġenituri se jkunu mgħarrfin b'kull pubblikazzjoni li tagħmel id-Diviżjoni.
Leg 9 PQ #864 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kurrikulu Nazzjonali ġdid

Question

Il-konsultazzjoni msemmija minnek fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 181 dwar il-Kurrikulu Nazzjonali ġdid ma' min saret? Kemm il-laqgħa ta' konsultazzjoni saret u min attenda għaliha? Min qed jagħmel l-analizi tal-feedback li daħal diġa' u li rriferejt għalih ukoll fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 181?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa nbdiet konsultazzjoni dwar: a) il-kapitlu 'Il-Kurrikulu u l-Ilsna Uffiċjali' u saret laqgħa li għaliha attendew għalliema, Education Officers, membri ta' l-Institute of Linguistics u tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni. b) is-settur privat u saret laqgħa għall-membri kollha tal-PSA c) il-kapitli 14 u 15 u saru diversi laqgħat ma'għalliema fuq bażi individwali jew bħala team fi skola, skond is-settur u s-suġġett li fihom l-għalliema jkollhom l-iżjed esperjenza. Ix-xogħol fuq dawn il-kapitli jsir l-aktar fqu dawn il-linji. S'issa x-xogħol fuq il-feedback sar mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Inġabar l-akbar numru possibbli tar-reazzjonijiet li kien hemm; dawn ġew iklassifikati skond it-tema li jittrattaw u saret l-ewwel identifikazzjoni ta' l-opinjonijiet differenti.
Leg 9 PQ #711 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-Ministru u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita mil-5 ta' Settembru 1998 sal-lum dwar l-edukazzjoni inklussiva u x'deċiżjonijiet konkreti ttieħdu f'dawn il-laqgħat? Meta beħsiebu jlaqqa' l-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni inklussiva?

Response (GALEA, LOUIS)

Minbarra diversi laqgħat informali, s'issa saru żewġ laqgħat twal b'aġenda miftiehma ma' delegazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita. Deċiżjonijiet meħuda jiġu mħabbra fil-mument opportun. Beħsiebni nlaqqa' l-kumitat imsemmi fil-futur qrib.
Leg 9 PQ #712 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Science Lab Technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġu reklutati s-Science Lab Technicians li tant hemm bżonnhom fl-iskejjel tagħna? Kemm se jiġu reklutati minn dawn it-technicians? Fl-iskejjel kollha fejn hemm laboratorji, x'inhuma l-bżonnijiet għal dawn it-technicians?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċess biex jiġu reklutati Science Lab Technicians bħalissa (illum 5.11.98) qiegħed fl-istadju li l-Management and Personnel Office ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qiegħed jivverifika l-applikazzjoni. Ser jiġu reklutati ħdax il-Science Lab Technicians. Id-dmirijiet ta' Technician jinkludu dawn: a. sorveljanza, tiswija u ħarsien ta' l-apparat fdat lilu/lilha; b. responsabilita' għall-manutenzjoni ġenerali ta' l-apparat mingħajr restrizzjoni għal xi tip ta' laboratorju jew istituzzjoni; c. it-tħejjija ta' test pieces u partijiet neċessarji għall-bini ta' apparat għal xogħol ta' proġetti ta' l-istudenti; d. il-bini ta' tagħmir tal-laboratorju għal taqsimiet/skejjel; e. tibdil u estensjoni fl-apparat tal-laboratorju; f. responsabilita' għall-manutenzjoni ta' apparat u għodod u/jew tieħu ħsieb li tipprovdi l-materjal neċessarju għat-taħriġ effiċjenti ta' l-istudenti; g. jinħarġu rapporti tekniċi (i.e. kitba ta' rapporti tekniċi bl-Ingliż jew bil-Malti); h. qadi ta' dmirijiet u struzzjonijiet mogħtija lilu/lilha mill-Kap ta' l-Iskola jew rappreżentant tiegħu/tagħha.
Leg 9 PQ #713 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Education Officers

Question

Mill-bidu tas-sena skolastika s'issa, jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel u ta' liema suġġetti marru l-Education Officers biex jawditjaw u jappoġġjaw ix-xogħol ta' l-għalliema fil-klassijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li xogħol urġenti għandu jieħu preċedenza, tlabt li tinġabar l-istatistika mitluba u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #761 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu biex l-impjegati kollha li hemm fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jagħtu l-ġurnata xogħol li huma mħallsa għaliha? Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li hemm impjegati li għax il-partit tagħhom fil-gvern jitilqu kmieni ħafna minn fuq il-post tax-xogħol u x-xogħol tagħhom ikollhom jagħmluh il-bqija ta' l-impjegati?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jispeċifika, anke b'mod konfidenzjali xi każ partikolari, stante dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-kapijiet konċernati li m'għandhom ebda rapport fis-sens indikat mill-Mistoqsija.

Anzjani — Każ b'file Nru.165701

Question

Wara l-inċident ikrah li kellu d-dar meta ħaraq lilu nnifsu l-anzjan, li ismu qiegħed jintbagħat separatament, jista' jiġi aċċettat fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Meta hemm ċans li jiddaħħal hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Każ ta' din il-persuna biex jiġi aċċettat ġewwa ir-Residenza San Vinċenż de Paule, qed jiġi kkunsidrat. 10.11.98
Leg 9 PQ #772 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol tal-persuni li jaħdmu fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, li isimhom qed jintbagħat separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Iż-żewġ persuni msemmija ma jaħdmux fil-Ministeru. Bħalissa qed nikkonsultahom fuq bażi bla ħlas kull meta nħoss il-bżonn, dwar materji li għalihom il-Ministeru hu responsabbli.
Leg 9 PQ #184 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Ingliż - Monitoring Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu nkarigat mix-xogħol amministrattiv u segretarjali tal-Monitoring Board ta' l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Peress li dan il-board kien jitkellem ħafna dwar il-bżonn ta' persuna kwalifikata fulltime biex tieħu ħsieb dan l-uffiċċju, min qed jagħmel dan ix-xogħol bħalissa u xi kwalifiki għandha din il-persuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-persuna li kienet tagħmel ix-xogħol amministrattiv tal-Board ħalliet il-kariga x-xahar li għadda, ix-xogħol ġie assunt temporanjament miċ-Chairman tal-Bord Dr Paul Heywood, mgħejjun mis-Sur Charles Galea Scanura (Assistent Direttur) membru ieħor tal-Bord. Il-persuna li ġiet mitluba tassumi l-inkarigu biex tieħu ħsieb l-uffiċċju issa hi Rev. Dr Nicholas Aquilina (Educational Officer, Non-State School).
Leg 9 PQ #706 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex li għadhom: (1) bla kap; (2) bla assistenti kapijiet? Fejn wasal il-proċess għall-ħatriet f'dawn il-postijiet battala?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel primarji u sekondarji li għadhom mingħajr Kap huma: Ġuże D'Amato Boys Secondary M'Xlokk Primary Żejtun Primary B Żurrieq Primary B Mellieħa Primary Kirkop Primary Xagħra Primary Qala Primary Dawn l-iskejjel kollha huma bħalissa mmexxija minn Assistenti Kapijiet. F'dawk l-iskejjel fejn għad m'għandhomx il-full complement ta' Assistenti Kapijiet intbagħtu n-nies indikati li ser jilħqu Assistenti Kapijiet biex jgħinu fl-amministrazzjoni sakemm joħroġ l-appointment tagħhom. Dawn huma: Gżira Boys Secondary St Andrew's Girls' Secondary Sandhurst Girls' Junior Lyceum Ħamrun Boys Junior Lyceum Żebbug Boys Secondary Marsa Girls School Marsa Boys Secondary School Żabbar A Primary Sliema Primary Mellieħa Primary Cospicua Primary Żabbar B Primary Mosta A Primary Ħamrun Girls' Secondary School F'dawn l-iskejjel għad m'għandhomx il-'full complement' ta' Assistenti Kapijiet: Luqa Primary Ninu Cremona Boys Junior Lyceum Mikelang Refalo Upper Lyceum Saru r-rakkomandazzjonijiet skond il-proċedura biex jinħatru l-Assistenti Kapijiet u Kapijiet ta' l-iskejjel.
Leg 9 PQ #707 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Unjoni Ewropea — Programm Socrates

Question

Matul l-1999 kemm huwa maħsub li studenti universitarji Maltin jieħdu sehem fil-programm Socrates ta' l-Unjoni Ewropea? Matul l-1999 kemm huwa maħsub li se jkun hemm studenti Maltin li se jieħdu sehem fil-programm Leonardo ta' l-Unjoni Ewropea? Matul l-1999 kemm se jkun hemm skejjel primarji u sekondarji lokali li se jieħdu sehem fil-programm "Comenius" ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Dan hu suġġett għad-diskussjonijiet bejn is-Socrates Office tal-Universita' ta' Malta u s-Socrates Technical and Assistance Office ġewwa Brussels u ma' l-EU DGXXII. Meta dawn id-diskussjonijiet ikunu finalizzati, il-Ministeru ikun f'pożizzjoni biex jagħti l-figuri għall-mistoqsijiet magħmula.
Leg 9 PQ #708 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kunsilli skolastiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħadu sehem ġenituri fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli skolastiċi li għadhom kemm saru kemm fl-iskejjel primarji kif ukoll fl-iskejjel sekondarji: (1) bħala kandidati; (2) bħala votanti u x'kien il-persentaġġ tal-ġenituri kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li jeħtieġ ftit żmien ieħor biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Baħrija — Kaxxa ta' l-ittri

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal kaxxa ta' l-ittri fil-Baħrija biex ikunu jistgħu jinqdew in-nies ta' din il-lokalita' u ta' l-inħawi ta' madwarha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kaxxa tal-ittri li kien hemm fil-Baħrija nqalgħet ftit taż-żmien ilu minħabba li l-bini fejn kienet il-kaxxa kellu jitwaqqa. Maltapost qed tfittex sit ieħor fejn tista titwaħħal il-kaxxa, u hu ttamat li din terġa titwaħħal fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #710 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u qed jittieħdu biex jinstabu għalliema għal dawn is-suġġetti fil-qasam sekondarju: computing, fiżika, mużika, ġeografija, studji soċjali, art/craft, home economics u Spanjol li fihom għad għandna studenti bla għalliema f'dawn is-suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għal kull suġġett imsemmi fejn kien hemm applikanti, jew għal għalliema Regolari, jew Temporanji jew Supply Teachers, dawn ġew ikkontattjati mid-Dipartiment biex jimlew il-vakanzi f'dawn is-suġġetti. Saru wkoll u għadhom isiru intervisti biex jiġu ngaġġati Supply Teachers ġodda. Informat ukoll li d-Dipartiment xorta jibqa' jaċċetta applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' Supply Teachers peress li jeżisti avviż li kien ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern bla data ta' l-għeluq biex min hu interessat ikun jista' jissottometti l-applikazzjoni tiegħu f'kull suġġett li jkun ikkwalifikat fih. Fil-gazzetti lokali kollha, kull tant żmien id-Dipartiment jippubblika avviż biex ifakkar lill-pubbliku f'dan l-avviż. L-intervisti meħtieġa, jsiru appena jidħlu l-applikazzjonijiet id-Dipartiment.