Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1145 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Unjoni Ewropea — Programm Socrates

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 707 u għat-tweġiba tagħha jista' l-Ministru jgħidli min qed jieħu sehem fid-diskussjonijiet dwar parteċipazzjoni Maltija fi programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropea? Kemm huwa stmat li se jdumu dawn id-diskussjonijiet? Kemm saru laqgħat s'issa? Meta se jkunu finalizzati? Kemm huwa stmat li se jkun hemm fondi mill-Unjoni Ewropea għall-parteċipazzjoni Maltija f'dawn il-programmi?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 707.
Leg 9 PQ #1146 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prim Ministru — Prezzijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Fit-28 ta'Ġunju ta' din is-sena f'laqgħa fiż-Żejtun il-Prim Ministru qal li l-gvern immexxi minnu jerġa' jġib il-prezzijiet tad-dawl u l-ilma għal kif kienu qabel għolew, jista' għalhekk jgħid x'passi ħa biex iżomm din il-wegħda li għamel? X'riżultati kellu wara li ħa dawn il-passi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Dak li kont għidt jien fiċ-ċirkostanza msemmija kien li l- Gvern immexxi qabel l-1996 minni kien ra kemm jiġi jiswa biex ikun prodott kull gallun ilma. Kien stabbilit, fuq kriterji wżati f'pajjiżi oħrajn ukoll, li l-ħtieġa medja għal kull persuna hi ta' 20 gallun ilma kuljum. Wara dan il-Gvern tiegħi kien iddeċieda li t-tariffi jkunu ffissati b'mod li l-ewwel 20 gallun ilma kull persuna jkunu biss ta' għaxra fil-mija tal-prezz biex ikunu prodotti, filwaqt li l-kumplament jitħallsu skond ir-rata tal-produzzjoni. Dan kien sar biex ma jitgħabbiex piż fuq minn ma jifilħux u biex ma jkunx hemm ħela. Jiena kont żidt ngħid li malli jkun fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista jerġa jaddotta l-istess prinċipju biex terġa tingħata mportanza lill-qagħda soċjali tal-poplu mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm piżijiet żejda. Għalhekk jidher biċ-ċar li kuntrarjament għal dak li qed jgħid l-Onor Interpellant fid-domanda tiegħu li l-Gvern immexxi minni jerġa jġib il-prezzijiet tad-dawl u l-ilma għal kif kienu qabel għolew, mhuwiex minnu.
Leg 9 PQ #1147 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Gżira - Skola sekondarja tas-subien

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex studenti li jattendu l-iskola sekondarja tas-subien fil-Gżira qed jitħallew l-art u l-karozza ma teħodhomx lejn id-dar San Ġiljan wara li joħorġu mill-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kienu jeżistu xi problemi dwar ir-Rotta mill-iskola tas-subien tas-Sekondarja fil-Gżira lejn San Ġiljan fl-ewwel ġranet ta' din is-sena skolastika billi x-xufier kien jittardja ma jmur għat-tfal wara li joħorġu mill-iskola. Wara xi rapporti lill-garage konċernat is-sitwazzjoni ġiet għan-normal u ma jirriżultax li hemm problemi.

Persuni b'diżabilita'

Question

Il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament huwa żagħżugħ b'diżabilita' li għandu 19-il sena. Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux qed jiġi aċċettat fl-ebda istituzzjoni li tieħu ħsieb l-iżvilupp ta'żgħażagħ b'diżabilita'? Meta se jiġi aċċettat f'xi istituzzjoni jew jingħata xi forma ta' servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għandi l-pjaċir ninforma lill-Onor. Membru li ż-żagħżugħ b'diżabilita' li għaliħ qiegħed jirreferi beda jattendi ċ-Ċentru tat-Taħriġ ta' Ħal-Far minn nhar it-Tnejn 9 ta' dan ix-xahar. 23.11.98
Leg 9 PQ #1225 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal li jiġu abbużati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx tħejja dokument dwar xi proċeduri għandhom jittieħdu fl-iskejjel tagħna meta l-għalliema jintebħu li t-tifel/tifla qed jiġi/tiġi abbużat/a? Kulma kien jonqos hu li d-dokument jidħol fis-seħħ. Jista' l-Ministru jgħid meta se jidħol fis-seħħ dan id-dokument? U jekk mhux se jidħol fis-seħħ, x'se jsir minfloku?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li dan id-dokument kien għadu qatt ma ġie diskuss mid-Dipartiment u Aġenzija li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tat-tfal, tajt struzzjonijiet ġimgħatejn ilu biex id-dokument jiġi konsidrat minn organizazzjonijiet oħra involuti minħabba li waħda mill-esiġenzi f'dan il-kamp hi li jkun hemm koordinament. It-twettiq tal-policy jirrikjedi proċess ta' tħejjija.
Leg 9 PQ #1227 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi screening sistematiku qed isir biex jiġi żgurat li kull min jintbagħat jaħdem fi skola u jkun f'kuntatt mat-tfal ma' jkollux: 1) problemi li jieħu d-drogi jew kellu xi ksur tal-liġi dwar drogi; u 2) problemi ta' abbuż tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Kollega, diġa' kull min japplika biex jibda jaħdem maċ-ċivil, inklużi dawk kollha li b'xi mod japplikaw biex jaħdmu fi skola jew f'kuntatt mat-tfal, iridu jippreżentaw ċertifikat tal-kondotta tal-Pulizija. Filwaqt li tittieħed azzjoni fuq kull informazzjoni li xi ħaddiem ikollu dawn il-problemi, napprezza suġġerimenti konkreti fid-direzzjoni msemmija fil-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #1001 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

School Development Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tat-tfassil ta' School Development Plan (1) fl-iskejjel primarji; (2) fl-iskejjel junior lyceums; (3) fl-iskejjel sekondarji; (4) fit-trade schools; (5) fl-iskejjel speċjali; (6) fl-iskejjel post-sekondarji? F'kull każ, liema skejjel fasslu l-pjan ta' żvilupp tagħhom? Liema le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mija u ħdax-il skola primarja, sekondarja u tas-snajja fasslu l-iSchool Development Plan. Tlettax-il skola għadhom fil-proċess li jippreżentaw l-iSchool Development Plan. Dawn huma: Skola Primarja B'Kara A S. Gwann A Mosta A Kalkara Vittoriosa Marsa A Żebbuġ B Qrendi Qormi (SG) B Qormi (SG) A Skola tas-Snajja Stefano Żerafa - Naxxar Abram Gatt - Bighi Danny Cremona - Qormi It-taħriġ biex isir id-Development Plan beda fis-settur primarju u sekondarju bill-ħsieb li jiġi estiż aktar il-quddiem fis-settur post sekondarju. L-Iskejjel Speċjali kollha mexjin bil-proċess tat-tfassil ta' l-iSchool Development Plan. Il-proċess waqa' lura minħabba li l-Assistent Direttur responsabbli mill-Iskejjel Speċjali għamel xi żmien indispost u hemm ukoll żewġ Skejjel Speċjali mingħajr Kap ta' l-iskola. (Santa Marija Day School u San Miguel Special School). L-iSchool Development Plan ta' l-Iskola Speċjali tas-Sannat, Għawdex ġie inkorporat ma' l-Iskola tal-Primarja tas-Sannat.
Leg 9 PQ #1002 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mellieħa - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li wasslu biex kważi jieqaf għal kollox ix-xogħol li kien qed isir fuq l-iskola primarja tal-Mellieħa? Jista' jiġi żgurat li l-pilastri tal-bricks li twaħħlu biex magħhom jeħel il-ħadid tal-boundary wall huma b'saħħithom biżżejjed? Meta se jitwaħħal il-ħġieġ fl-arkati tal-pjan terran?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-ebda stadju ma waqaf ix-xogħol fuq l-iskola primarja tal-Mellieħa u li l-pilastri tal-bricks li nbnew biex magħhom jeħel il-ħadid tal-boundary wall huma b'saħħithom biżżejjed peress li huma rinfurzati bil-ħadid minn ġewwa u mimlijin bil-konkos. Ġejt mitlub nitlob lill-Onor. Membru jispeċifika għal liema arkati qiegħed jirreferi fil-pjan terran.
Leg 9 PQ #1003 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Postijiet storiċi — Għassiesa

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm hemm għassiesa assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi ta' Malta u Għawdex? X'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li dawn ikunu xogħol u jkunu mas-siti meta suppost ikunu hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li b'kollox hemm erbgħa u erbgħin (44) għassiesa assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi ta' Malta u Għawdex. Fil-każ ta' Għawdex, dawn l-ispezzjonijiet qed jieħdu ħsiebhom spetturi fl-Internal Audit tal-Ministeru għal Għawdex. Għal Malta l-ispezzjonijiet jieħdu ħsiebhom l-uffiċċjali responsabbli.
Leg 9 PQ #1005 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Maria Assunta - Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett li beda s-sena li għaddiet fl-Iskola Maria Assunta b'kollaborazzjoni mal-SWDP u b'kordinazzjoni mal-kap ta'l-iskola u ma' Dr Chris Bezzina? Se jkompli dan il-proġett matul is-sena skolastika 1998-99?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-proġett li beda s-sena li għaddiet għadu sejjer. a. Is-sena l-oħra numru ta' studenti tal-Form IV u tal-Form III kellhom laqgħat darba fil-ġimgħa ma' żewġ Social Workers mill- SWDP dwar ħiliet meħtieġa għall-imġieba aħjar. i.e. relaxation skills behavioural skills. b. Matul il-vaganzi tas-sajf dawn l-istudenti ġew mistiedna jattendu laqgħat simili fiċ-ċentru ta' SWDP. c. Filwaqt li ma baqgħetx tinħass il-ħtieġa għal aktar laqgħat ma' l-istudenti li issa qegħdin fil-Ħames sena, minħabba li sar progress fl-imġieba tagħhom, qegħdin jitkomplew il- laqgħat għall-istudenti li mit-Tielet klassi issa telgħu fir-Raba' klassi. Diġa' deher progress fl-imġieba ta' dawn l-istudenti. Din is-sena minbarra t-tfal tar-Raba' klassi qegħdin isiru laqgħat għall-istudenti tat-Tieni u t-Tielet klassi ukoll. B'inizjattiva tal-Kunsill skolastiku u b'kollaborazzjoni ma' l-SWDP ser isiru laqgħat għall-ġenituri fuq bażi regolari.

Unjoni Ewropea — Sħubija ta' Malta

Question

Peress li fil-ġurnal "Il-Ġens" tat-3 ta' Settembru, 1998 l-editur ikkwota esperti anonimi li "Hekk kif Malta tneħħi mill-friża l-applikazzjoni tagħha, l-għajnuna li tirċievi mill-Unjoni Ewropea tirdoppja u flok il-Lm5 miljun għall-ħames snin li qed tieħu bħalissa, tibda tieħu mat-Lm12 miljun għal ħames snin". Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm l-Unjoni Ewropa se tagħti flus lil Malta fl-1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 issa li l-applikazzjoni tneħħiet mill-friża?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Nirriferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1008.
Leg 9 PQ #1144 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Unjoni Ewropea — Studenti universitarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li l-Unjoni Ewropea tagħti flus lil kull student universitarju Malti u Għawdxi li jieħu sehem fil-programm Socrates ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għal Mistoqsija 707 u nżid li meta d-diskussjonijiet ikunu konklużi niddeċiedu kif ser ikunu applikabbli għal Malta.
Leg 9 PQ #872 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Istat - Working group

Question

Mindu nħatar sal-lum, jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' il-Working Group li qed jeżamina l-bżonnijiet ta' support staff fl-iskejjel ta' l-istat? Liema tipi ta' support staff qed jiġu kkonsidrati għall-iskejjel? X'inhu l-brief tal-Working Group? Lil min qed jikkonsulta l-Working Group fix-xogħol tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

1. Il-Working Group iltaqa' għall-ewwel darba nhar l-Erbgħa 28 ta' Ottubru, hekk kif twaqqaf uffiċjalment. Waqt din il-laqgħa tfassal pjan ta' azzjoni biex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sitwazzjoni eżistenti ta' support staff fl-iskejjel ta' l-istat. Bħala riżultat, qed isir xogħol meħtieġ biex l-informazzjoni tinġabar mill-aktar fis possibbli. 2. Is-support staff li qed jiġu kkunsidrati huma primarjament support staff klerikali u minor staff. Il-Working Group iħoss li ma jistax jidħol f'diskussjoni dwar support staff professjonali li dwaru hemm ftehim bejn il-Gvern u l-Unions konċernati. Fl-istess ħin, il-Working Group se jivvaluta r-reazzjonijiet ta' l-amministraturi ta' l-iskejjel dwar bżonnijiet partikulari li huma jħossu li għandhom. 3. Il-brief tal-Working Group hu dan: i. To carry out a situation analysis of the present state of support staff on a school by school basis; ii To make recommendations into the appropriate complementing for adequate support staff on a school by school basis; iii To explore alternative systems of engagement of support staff or provision of support staff services through outsourcing (including the relevant costing of each proposition). 4. Il-Working Group jinkludi rappreżentanta mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, li hi Kap ta' Skola Post-Sekondarja, rappreżentanta mill-Malta Union of Teachers, li hi Kap ta' Skola Sekondarja, u rappreżentant mill-Management and Personnel Office, u fih hemm ukoll Kap ta' Skola Primarja u Kap ta' Skola tas-Snajja. Barra minn dan, il-Working Group qed jikkonsulta ma' l-amministraturi ta' l-iskejjel u mat-taqsimiet konċernati tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #873 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Kummissjoni Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex se jżomm il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni? Jekk iva, lil min se jaħtar fuqha? Jekk le, se jwaqqaf xi struttura simili?

Response (GALEA, LOUIS)

Għadni qed nikkonsidra l-kwestjoni.
Leg 9 PQ #882 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istħarriġ mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar ix-xogħol u s-sehem ta' l-iStatementing Board biex jeżamina tfal bi bżonnijiet speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Għadu sejjer.

Toroq — Tiswija

Question

Punt 55 tal-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista jwiegħed "Riabilitazzjoni sħiħa tat-toroq ta' Malta u Għawdex li jista' faċilment jiġi finanzjat mill-Unjoni Ewropea". Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li l-Unjoni Ewropea se tagħti flus lil Malta fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, u 2003 biex issir ir-riabilitazzjoni sħiħa tat-toroq ta' Malta u Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tali informazzjoni tkun tista` tigi konkluza meta jibdew id-diskussjonijiet finali ma l-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #865 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Ex-għalliema - pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu finalizzati d-dettalji dwar l-arranġamenti li saru biex tiġi riżolta l-kwestjoni tad-drittijiet għall-pensjoni ta' dawk li kienu jgħallmu mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qabel Jannar 1979 u issa huma impjegati ta' l-Universita' jgħallmu l-Junior College? X'arranġamenti saru biex din il-kwestjoni ġiet riżolta?

Response (GALEA, LOUIS)

Malli jkolli xi ħaġa ġdida xi nżid mat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Numru 180 ninforma lill-Kamra.
Leg 9 PQ #866 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tfal bi bżonnijiet speċjali — Statementing Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iStatementing Board biex jeżamina studenti bi bżonnijiet speċjali jingħata saħħa ta' Liġi jew avviż legali? Se jitwaqqaf il-Bord ta' l-Appell li kien hemm il-ħsieb li jitwaqqaf biex quddiemu jinstemgħu każi li d-deċiżjoni dwarhom tkun kontestata?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwel beħsiebni nwettaq xi tibdil bl-iskop li ntejjeb dak li qed isir, inkluż it-Twaqqif ta' Bord ta' Appell, imbagħad ngħaddi għall-konsiderazzjoni ta' l-istruttura legali adatta.
Leg 9 PQ #867 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors tal-Master's

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ma' l-Universita' biex jibda l-kors tal-Master's tant meħtieġ tal-Psikologi edukattivi? Meta mistenni jibda dan il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwestjoni ġiet diskussa bejn dawk kollha involuti, inkluż fis-Senat ta' l-Universita' u issa hu deċiż li l-Kors imsemmi jibda fi Frar 1999.
Leg 9 PQ #868 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut M A Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jinstabu min jgħallem is-suġġetti fil-branka ta' l-Inġinerija Teknika u fis-suġġetti assoċjati mal-computers li tagħhom hemm għalliema nieqsa f'disa' klassijiet ta' l-Istitut M A Sapiano?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li filwaqt li ġie reġistrat progress fis-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' għalliema fis-sens li issa ntbagħat għalliem ġdid tal-computers, għad fadal xi nuqqasijiet u d-Dipartiment konċernat għaddej bl-isforzi tiegħu sabiex jinstabu l-għalliema neċessarji. Għal dan l-iskop barra mill-proċeduri normali għaddejjin trattativi biex possibilment kumpaniji statali, para-statali u anki privati, jipprovdu servizz ta' lectures fl-oqsma ta' speċjalizzazzjoni. Saru wkoll avviżi fuq Channel 22 fejn saret stedina lil dawk bil-kwalifiki neċessarji biex japplikaw għal post ta' 'Supply Teacheres'. Lest nikkonsidra kull proposta li tista' twassal għall-akkwist tas-servizzi meħtieġa.