Kunsill Malti għax-Xjenzja u Teknoloġija — Laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija tul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru u Novembru 1998? Min huma l-membri ta' dan il-kunsill? Xi pjani għandu għas-sena 1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kunsill ma ltaqax minn meta fid-9 ta' Settembru 1998, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għamel l-aħħar laqgħa tiegħu fejn il-membri offrew ir-riżenji tagħhom. Huwa mistenni li l-Kunsill jiġi rikostitwit dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid liema servizz se jingħata ż-żagħżugħ b'diżabilita', li ismu qed jintbagħat separatament, li qed jistenna li jidħol fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iż-żagħżugħ b'diżabilita', li ismu qed jintbagħat separatament, se jiġi mdaħħal dalwaqt fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa.
Is-servizz li se jingħata se jkun skond ir-rakkomandazzjonijiet tas-'Social Worker' li se tagħmel l-'assessment report' fuqu, u dan dejjem skond il-faċilitajiet li hemm fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa li qed jingħataw lill-persuni b'diżabilita' oħra li qed jattendu dan iċ-Ċentru.
1.12.98
B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 871, jista' jgħidli kemm mit-22 tifel u tifla bi bżonnijiet speċjali issa bdew jattendu b'mod regolari l-iskola wara li ngaġġaw supply kindergarten assistants għalihom? Kemm ġew ingaġġati minn dawn is-supply kindergarten assistants? Xi kwalifiki għandhom? B'liema kondizzjonijiet ġew ingaġġati dawn is-supply kindergarten assistants?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-sejħa għall-applikazzjoni għal ingaġġ ta' Supply Kindergarten Assistant għalqet fis-27 ta' Novembru u qed tiġi proċessata.
Peress li s'issa ngħatat l-impressjoni li ġiet riżolta l-kwestjoni tad-drittijiet għall-pensjoni ta' dawk li kienu jgħallmu mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qabel Jannar, 1979 u issa huma impjegati ta' l-Universita' jgħallmu l-Junior College, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk din il-kwestjoni ġietx fil-fatt riżolta jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 865.
Il-kors tal-Master's tal-Psikologi Edukattivi li se jibda fl-Universita' ta' Malta fi Frar, 1999 kemm se jkun hemm studenti jieħdu sehem fih? Xi kwalifiki jrid ikollhom biex jieħdu sehem fih? Kif se jkunu magħżula? Kemm hu n-numru massimu ta' studenti li jistgħu jieħdu sehem f'dan il-kors? Għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kors tal-Master's fil-psikoloġija (edukattiva, klinika u counselling) li hu ppjanat li jibda fi Frar ta' l-1999 se jħarreġ b'kollox tnax-il student. Il-Kwalifiki applikati huma dawk li jinsabu fir-regolamenti tal-kors kif ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Informat ukoll li r-raġuni li għaliha nistgħu nħarrġu mhux aktar minn tnax-il student hija li nofs it-taħriġ irid ikun prattiku li jeħtieġ superviżjoni minn psikologi li jaħdmu fil-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiddikjaraw li jdaħħlu: (a) iżjed minn Lm10,000; (b) iżjed minn Lm8,000 - Lm10,000; (c) iżjed minn Lm6,000 - Lm8,000; (d) iżjed minn Lm4,000 - Lm6,000, fid-dikjarazzjoni tagħhom tat-taxxa f'Malta u Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
In-numru ta` taxpayers (individwi, kumpanniji, eċċ) li jiddikjaraw dħul skond l-income brackets mitluba mill-Onor. Interpellant huma dawn:
Income Bracket Numru ta` Taxpayers
a. iżjed minn Lm10,000 3,674
b. iżjed minn Lm8,000 - Lm10,000 3,488
c. iżjed minn Lm6,000 - Lm8,000 8,360
d. iżjed minn Lm4,000 - Lm6,000 22,493
Total 38,105
Din l-informazzjoni hija meħuda minn madwar 128,000 kontijiet maħruġa għas-sena bażi 1995 sat-23 ta` Novembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid, matul Settembru, Ottubru u Novembru, kemm-il spezzjoni saret mill-uffiċjali responsabbli f'Malta u mill-Internal Audit tal-Ministeru f'Għawdex biex tiġi żgurata l-preżenza tal-44 għassies assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Malta ma saret ebda spezzjoni, waqt li f'Għawdex saret spezzjoni waħda, fil-Mużewijiet kollha fid-9 ta' Novembru mill-Internal Audit fi ħdan il-Ministeru t'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li jsir centru ta' studju tar-restawr fil-Palazz ta' Bighi? Fiex wasal ix-xogħol ta' restawr fuq il-bini ta' Bighi? Meta huwa maħsub li se jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kwestjoni kollha qed tiġi konsidrata u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li wasslu biex lil persuni li isimhom qed jingħata separatament ħadulhom il-karozza u hekk ma jistgħux ikomplu x-xogħol tajjeb li kienu jagħmlu ta' superviżjoni tax-xogħol fl-iskejjel li kien isir mill-ħaddiema tax-xogħlijiet pubbliċi?
Xi problemi hemm biex dawn iż-żewġ impjegati jerġgħu jagħtuhom karozza biex jagħmlu ix-xogħol imsemmi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li diversi karozzi ġew irtirati lil diversi nies li ma kinux koperti b'kuntratt li għandu jkollhom karozza, bħal per eżempju, l-inġiniera, biex dawn ikunu evalwati u biex tnaqqsu l-karozzi billi l-kuntratt kien skada.
Issa li l-kuntratt il-ġdid kien mogħti u saru l-evalwazzjonijiet meħtieġa dawn iż-żewġ impjegati partikulari kienu mogħtija lura l-karozza tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara biex mal-bidla fil-gvern il-Monitoring Board dwar it-tagħlim ta' l-Ingliż lil barranin sab li l-uffiċċju tiegħu jista' jitħaddem mingħajr il-bżonn ta' mpjegat fulltime meta qabel Settembru 1998 dan il-board kien jenfasizza l-bżonn li l-uffiċċju jkollu impjegat fulltime biex il-bord ikollu l-appoġġ amministrattiv meħtieġ biex jaħdem b'mod effettiv f'dan il-qasam tant importanti għal pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma nifhimx minn fejn tirriżulta l-premessa tal-Mistoqsija. Il-Bord għadu jħoss il-bżonn ta' appoġġ amminstrattiv 'full-time', u qed nara kif l-aħjar nissodisfa dan il-bżonn. Sadanitant hemm żewġ uffiċċjali li qed jagħtu s-servizzi lill-Bord fuq bażi 'part-time'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament mhux qed jingħatawlha l-mediċini li għandha dritt għalihom skond riferenza 6626/97R u 6596/97?
Meta se jibdew jingħatawlha l-mediċini msemmija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-każ imsemmi l-pazjenta tieħu l-mediċini għax għanda l-karta r-roża.
Waħda mill-mediċina speċjali li trid l-approvazzjoni tad-Drugs and Therapeutic Committee. Il-permess taghħa għalaq u issa qed isiru l-arranġamenti biex dan jiġġedded.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament tingħata l-mediċini li għandha dritt għalihom skond il-kartuna safra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-applikazzjoni għall-Kartuna s-Safra ta' din il-persuna qed tiġi proċessata u dalwaqt tinħarġilha
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar tifel bi bżonnijiet speċjali, li ismu qed jintbagħat separatament, li qed joħloq problemi fl-iskola primarja tal-Gżira? X'rapporti għandha d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar dan it-tifel u attakki minnu fuq l-għalliema u studenti oħra? X'passi ttieħdu biex dan it-tifel jiġi mgħejjun? Ġie eżaminat mill-iStatementing Board? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa dwar dawn il-problemi?
Response (GALEA, LOUIS)
Tagħrif li jirrigwarda studenti individwali għandu jiġi kunsidrat bħala konfidenzjali u m'għandux jiġi svelat fil-pubbliku. Tlabt assigurazzjoni li l-istudent u l-iskola jkomplu jingħataw l-għajnuna meħtieġa mill-uffiċċjali konċernati. Qed inkompli nsegwi l-każ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ħa biex jesegwixxi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-Inġustizzji magħmula lilu f'Ottubru, 1994 biex lill-persuni, li isimhom qed jintbagħat separatament, il-gvern jibnilhom a spejjeż tiegħu razzett ieħor x'imkien ieħor?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-isforzi kollha li saru biex jinsab
rimedju għal dan il-każ waqfu fl-aħħar ta' l-1996.
Jidher li teżisti diffikulta dwar id-disponibilita ta
art pubblika f'Għawdex li hija addattata għall-iskop in
kwistjoni.
Tajt struzzjonijiet sabiex terġa tibda l-ħidma għal
soluzzjoni ta' din il-problema.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ntalbu jittieħdu l-pulizija, u f'liema dati, dwar il-protezzjoni li ntalbet mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex il-kuntrattur ikun jista'jibda x-xogħol fuq l-iskola primarja ta' l-Imġarr (Malta)?
X'passi ttieħdu mill-pulizija biex jipprovdu l-protezzjoni ħalli x-xogħol ikun jista' jibda fuq is-sit ta' l-iskola primarja ta' l-Imġarr?
Response (BORG, TONIO)
Id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni talab il-protezzjoni tal-Pulizija f'żewġ okkażżjonijiet biex ikun jista' jibda x-xogħol mill-kuntrattur. Dawn kienu fit-28 ta' Ottubru, 1998, u fit-12 ta' Novembru, 1998.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-Pulizija ħadu l-passi kollha meħtieġa ħalli x-xogħol ikun jista' jibda.
24.11.98
Hemm tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jittieħdu l-iskola "normali" f'mini vans normali u mhux akkumpanjati, meta sas-sena li għaddiet kienu jittieħdu bi trasport apposta u akkumpanjati. Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jiġri dan? Jistgħu dawn it-tfal jerġgħu jibdew jittieħdu bi trasport apposta u jkunu akkumpanjati?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser ngħaddi t-tagħrif li laħqu għaddewli:
Fil-bidu tas-sena l-persuna li kienet tagħmilha ta' 'escort' sabet diffikulta' biex tibqa' tagħmel dan. Issa din il-persuna se terġa' tibda tagħmilha ta' 'escort'.
Ministeru tal-Biedja u Sajd — Segretarju Permanenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-ministeru tiegħek dwar il-punti mqajjma f'korrispondenza tas-26 ta' Settembru 1998 lis-segretarju permamenti tal-Ministeru tiegħek dwar "il-bżonn urġenti li s-settur ta' l-inbid Malti jiġi regulat in linja man-normi ta' l-Unjoni Ewropea"?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema korrespondenza qed jirreferi. Abbozz ta' liġi ġdida dwar l-inbid qed tiġi diskussa fil-Wine Advisory Board.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkompli x-xogħol li kien maħsub li jsir, ta' twieqi fl-arkati li hemm fl-iskola primarja tal-Gżira biex jilqgħu għall-kesħa fix-xitwa u s-sħana fis-sajf?
X'arranġamenti qed isiru biex jintlaħaq qbil bejn l-iskejjel primarji/sekondarji tal-Gżira għal użu komuni tas-sala li hemm fil-kumpless?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan ix-xogħol hu maħsub li jibda fi żmien qasir. Diġa saru il-kuntratti meħtieġa mid-Diviżjoni, u l-perit inkarigat mix-xogħol żar l-iskola imsemmija u ddiskuta mal-kap x-xogħlijiet li jridu jsiru.
Hemm qbil assolut bejn il-Kapijiet taż-żewġ skejjel dwar l-użu tas-sala tal-kumpless. Dan jintlaħaq permezz ta' kuntatti kontinwi bejn iż-żewġ kapijiet li ddikjaraw li m'għandhomx problemi dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi hemm maħsuba li jittieħdu fl-iskola primarja tal-Gżira biex isiru klassijiet iċken b'inqas tfal biex jiġu megħjuna tfal li għandhom diffikultajiet u żvantaġġi biex jitgħallmu?
X'għajnuna qed jingħataw il-kap u l-għalliema ta' l-iskola primarja tal-Gżira biex ikunu jistgħu jilħqu t-tfal kollha f'din l-iskola, anki dawk bi ftit dispożizzjonijiet għat-tagħlim?
Response (GALEA, LOUIS)
Normalment s'issa l-popolazzjoni fil-klassijiet ta' l-iskejjel primarji hi ta' 30 tifel u/jew tifla.
Il-popolazzjoni fil-klassijiet ta' l-iskola primarja tal-Gżira hija hekk:
Yr. 1 (1): 24 Yr. 1 (2): 22
Yr. 2 (1): 17 Yr. 2 (2): 15
Yr. 3 (1): 22 Yr. 3 (2): 23
Yr. 4 (1): 22 Yr. 4 (2): 21
Yr. 5 (A): 23 Yr. 5 (B): 21
Yr. 6 (A): 25 Yr. 6 (B): 21
Għalhekk in-numri huma raġjonevoli biex jintlaħqu it-tfal kollha, inklużi dwak bi bżonnijiet speċjali.
Meta tifel/tifla bi bżonnijiet speċjali ma jattendix/tattendix l-iskola, il-facilitator li tieħu ħsiebu/a tgħin it-tfal batuti.
Din is-sena l-għalliem tal-Complimentary Education qed imur din l-iskola tlett darbiet fil-ġimgħa. Darba minnhom qed jieħu ħsieb tfal li għandhom bżonn l-għajnuna.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu fuq is-sit tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli biex jiġi żgurat li x-xogħol li għaddej ma jħarbatx il-ħajja ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Fuq is-sit tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli qed isir xogħol strutturali fuq il-parti tan-nofs ta' l-iskola skond il-pjan imħejji għall-proġett. L-istess pjan jipprovdi biex ix-xogħol isir mingħajr tfixkil fit-tagħlim. S'issa ma jirriżultalix ilmenti dwar tħarbit fil-ħajja ta' l-iskola. Fil-każ nieħu l-passi oportuni.