Jista' l-Ministru jgħid kemm dipartimenti, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu kellhom laqgħat mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija biex ifasslu policy dwar l-enerġija tul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru u Novembru, 1998? F'kull każ, kemm saru laqgħat u min ħa sehem fihom? Fiex wasal it-tfassil ta' din il-politika dwar l-enerġija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Il-Korporazzjoni Enemalta, li tifforma parti minn dan il-Kunsill, bħalissa qed taħdem fuq pjan biex titfassal politika dwar mezzi u metodi taż enerġija li permezz tagħhom l-ambjent ikun salvagwardat aħjar fis-snin li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid x'ammont ta' flus għandha tieħu l-Air Malta mil-Libja għal ħlasijiet ta' xiri ta' biljetti ta' l-ajru? X'qed isir biex l-Air Malta tieħu l-ħlas dovut?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li l-Air Malta, kif ukoll l-awtoritajiet responsabbli, ma jonqsux li japprofittaw minn kull okkażjoni biex jiffinalizzaw il-pendenzi li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant, jidhirli li l-pubblikazzjoni ta' aktar dettalji f'dan l-istadju tista' tkun ta' preġudizzju għall-eżitu ta' dawn in-negozjati.
Jista' l-Ministru jirrimedja għall-każ ta' anzjana, li isimha qed jintbagħat separatament, li hija dgħajfa ħafna u nieqsa mid-dawl biex tingħatalha aktar għajnuna fid-dar peress li għandha bżonn ta' għajnuna kuljum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għalkemm ma ngħatax l-isem tal-persuna iżda ngħata biss l-indirizz, ġiet identifikata din il-persuna mir-rekords tal-Home Help. Din il-persuna ilha tingħata dan is-servizz mill-1991 meta ngħatat 4 siegħat fil-ġimgħa għajnuna. Fl-1996 ingħatat żieda ta' sagħtejn oħra. Fl-1998 hija talbet għal aktar għajnuna iżda l-Bord wara li ra l-każ tagħha darbtejn, iddeċieda li l-għajnuna ta' 6 siegħat kienet biżżejjed.
4.12.98
Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi — Segretarjat Privat
Question
Jikkonferma l-Ministru li persuna li marret mas-Segretarjat Privat tiegħu, li ismu qed jintbagħat separatament, marret lura mnejn ġiet għax qed tiġi nvestigata mill-pulizija dwar każ ta' frodi li jinvolvi lill-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nikkonferma illi l-persuna kknċernata marret lura minn jedda fejn kienet taħdem qabel, sakemm l-allegazzjonijiet odjerni ikunu investigati u konklużi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslet il-petizzjoni mressqa mill-persuna, li ismu qed jintbagħat separatament, quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għall-konsiderazzjoni tagħha skond il-provvedimenti ta' regolament 23A tar-Regolamenti tad-Dixxiplina?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li skond ma jipprovdi r-Regolament 23A (2),
il-petizzjoni li għamel referenza għaliha l-Onorevoli
Membru, ntbagħtet lill-Kummissjoni dwar is-Servizz
Pubbliku.
Hija l-prassi li l-Prim Ministru ma jagħmel ebda kumment
f'dan l-istadju.
Din il-petizzjoni għadha qegħda tiġi kkunsidrata mill-
Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm li jitħallsu l-allowance li għandhom dritt għaliha l-watchmen fl-iskejjel? Għaliex għadhom ma tħallsux minn Ġunju, 1998 il-watchmen ta' l-iskola sekondarja bniet tar-Rabat (Malta) u ta' l-iskola primarja tal-Mellieħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-'watchmen' dejjem qegħdin jitħallsu regolarment.
Il-'watchmen' ta' l-iskola Sekondarja Bniet tar-Rabat (Malta) tħallsu l-allowances minn Mejju sa l-aħħar ta' Ottubru.
Il-'watchmen' ta' l-iskola Primarja tal-Mellieħa għadhom ma tħallsux l-allowances peress li dawn huma 'on loan' u jitħallsu mid-dipartimenti rispettivi tagħhom. Id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni ser iħallas l-allowances bi transfer voucher.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm hemm nisa? Kemm hemm irġiel? Xi spektrum ta' eta' hemm - mill-iżgħar sa l-ikbar? Kemm hemm pazjenti li ilhom hemm: 1) sena; 2) minn sentejn sa ħames snin; 3) minn ħames snin sa għaxar snin; 4) minn għaxar snin sa 15-il sena; 5) minn 15-il sena sa 20 sena; 6) minn 20 sena sa 25 sena; u 7) iżjed minn 25 sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-25 ta' Novembru 1998, fl-Isptar Monte Carmeli, kien hemm 539 (280 irġiel u 259 nisa) residenti.
L-iżgħar persuna hija tifel ta'9 snin u l-ikbar persuna hija mara ta' 95 sena.
Dawn il-pazjenti ilhom l-isptar kif jidher hawn taħt:
inqas minn sena sena sentejn sa ħames snin
__________________________________________________ _________
irġiel 53 16 37
nisa 52 14 44
Total 105 30 81
__________________________________________________ _________
5 snin sa 10 snin 10 snin sa 15-il sena
__________________________________________________ _________
irġiel 33 19
nisa 27 25
Total 60 44
__________________________________________________ _________
15-il sena sa 20 sena sa 25 sena u aktar
20 sena 25 sena
__________________________________________________ ____________
irġiel 28 24 70
nisa 15 14 68
Total 43 38 138
__________________________________________________ _____________
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni bi bżonnijiet speċjali jistennew biex jidħlu f'xi ċentru għat-taħriġ? Mil-liema lokalijiet huma dawn il-persuni, lokal b'lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa hemm 23 persuna bi bżonnijiet speċjali li qed jistennew biex jidħlu f'xi ċentru tat-taħriġ u dawn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet:
Għargħur 1
In-Naxxar 1
Il-Mosta 2
San Pawl il-Baħar 1
Ir-Rabat 1
Santa Venera 1
Birkirkara 1
Il-Gżira 1
San Ġiljan 1
Iż-Żurrieq 2
Raħal Ġdid 1
Il-Gudja 1
Is-Siġġiewi 4
Ħal-Qormi 2
Il-Fgura 1
Wied il-Għajn 1
Ħaż-Żabbar 1
3.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew biex jidħlu: 1) f'San Vinċenz de Paule; u 2) fid-djar ta' l-anzjani? Mil-liema lokalitajiet differenti huma dawn l-anzjani u kemm hemm anzjani minn kull lokalita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' anzjani fil-'waiting list' tar-Residenza San Vinċenz fl-aħħar ta' Novembru 1998 kien 682. Dawn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet kif jidher fit-tabella mmarkata 'A'.
In-numru ta' anzjani fil-'waiting list' għad-Djar ta' l-Anzjani fl-aħħar ta' Novembru 1998 kien 574. Dawn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet kif jidher fit-tabella mmarkata 'B'. Hemm ukoll 'waiting list' oħra għad-Dar ta' Bormla fejn hemm 50 persuna, kif jidher fit-tabella mmarkata 'C'.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tabelli mmarkati 'A' 'B' u 'C'.
3.12.98
Dipartiment ta' l-Artijiet — Talbiet minn kunsilli lokali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti minn kunsilli lokali ta' Malta u Għawdex biex jingħataw l-opportunita' jieħdu ħsieb u jmexxi xi bini ta' valur storiku fil-lokalita' tagħhom? Liema kunsilli lokali u liema postijiet storiċi qed jistennew li jintlaqgħu t-talbiet tagħhom mid-Dipartiment ta' l-Artijiet? Meta se jintlaqgħu t-talbiet f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li qegħdin isiru diskussjonijiet bejn id-Dipartiment ta` l-Artijiet, id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u s-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex jiġi deċiż liema minn dan il-bini storiku jista` jiġi mgħoddi lill-Kunsill Lokali konċernat biex imexxih u jieħu ħsiebu.
Apparti dan hemm talbiet oħra li ma jirreferux għal bini storiku.
Id-deċiżjoni tal-Gvern hi li meta proġett jiġi approvat mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, il-Gvern jikkonċedi b`titolu, direttament lill-istess Kunsill, il-proprjeta` in kwestjoni.
Hemm ukoll il-ħsieb li tiġi emendata il-Liġi ta` l-1976 dwar it-Trasferiment ta` Art tal-Gvern, sabiex f`ċerti każijiet, u bis-salvagwardji neċessarji, il-Kunsill Lokali ikun jista` anke jikkonċedi ċnusijiet fuq l-istess proprjeta` lil terzi.
03.12.98
Jistgħu l-awtoritajiet edukattivi jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-passi meħtieġa biex tiżdied is-sigurta' għat-tfal ta' San Ġiljan li jmorru l-iskola primarja tal-post u ssir zebra crossing, isiru t-traffic lights u miżuri oħra ta' traffic calming għal dawk it-tfal li jaslu l-iskola min-naħa tat-Tiguglio?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-każ tat-tfal li jaslu l-iskola minn naħa tat-Tiguglio dawn ġeneralment jiġu bil-privates li jieqfu mal-ħajt ta' l-iskola u t-tfal jibqgħu telgħin it-taraġ mingħajr ma jkollhom għalfejn jaqsmu t-triq.
Fil-każijiet ta' dawk it-tfal li jaslu l-iskola bil-mixi, fi triqthom lejn l-iskola hemm traffic lights u zebra crossing biżżejjed biex jistgħu jiġu wzati ħalli jaqsmu t-triq mingħajr periklu.
Jista' l-Ministru jgħid fiex ħin qed tiġbor it-tfal ta' Burmarrad il-karozza pprovduta mid-Diviżjoni biex teħodhom l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar? Mil-liema postijiet differenti tgħaddi l-karozza u mnejn tiġbor it-tfal u f'kull każ, fi x'ħin tiġbor it-tfal filgħodu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tfal ta' Burmarrad li jmorru l-iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar jibdew jinġabru fis-seba' ta' filgħodu meta l-iskola tibda fis-7.45. Filgħodu meta l-karozza titlaq minn Burmarrad lejn l-iskola tieqaf f'dawn il-postijiet imsemmija: (Għajn Rihana/Panorama Bar/Banka tal-Lottu/Premier Car Sales/Petrol Station/Price Club). Informat ukoll li dawn l-arranġamenti ġew fis-seħħ wara qbil bejn l-uffiċċjal inkarigat mit-trasport tat-tfal u l-ġenituri tat-tfal tal-lokal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu telefonati jitolbu l-għajnuna fuq il-helpline ta' l-SWDP minn Ottubru, 1997 sa Ottubru, 1998, xahar b'xahar? X'tip ta' għajnuna ntalbet f'dawn it-telefonati? L-għajnuna mitluba tiġi kklassifikata f'kategoriji differenti? X'inhi kull kategorija u kemm kien hemm każi f'kull kategorija? X'tip ta' għajnuna ngħatat bħala follow up għal dawn it-telefonati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Bħal ma jista' jinnota l-Onor. Membru, din l-informazzjoni hija kklassifikata skond in-natura tat-telefonata. Irrid niċċara, iżda, li n-numru ta' telefonati mhux neċessarjament jindikaw numru ta' każi ġodda, imma jirreferu għal kull tip ta' telefonata ġenwina li tkun daħlet fis-'Supportline' 179. Ikun hemm persuni li jċemplu ripetutament.
It-tip ta' għajnuna li ntalbet kienet tiddependi fuq il-każ li dwaru jċemplu l-klijenti fuq il-179.
Il-voluntiera huma mħarrġa biex ma jagħtux pariri jew isolvu l-problemi tal-klijenti, pero' dmirhom hu li jisimgħu u jifhmu lil min iċempel, u joffru sapport psikoloġiku f'forma ta' 'empathy'. Il-voluntiera huma f'pożizzjoni li joffru nformazzjoni li tkun tista' tgħin lill-klijent isib soluzzjoni għall-problema tiegħu. Il-voluntiera jistgħu joffru nformazzjoni dwar servizzi ta' sapport offruti minn kważi kull għaqda volontarja li hawn f'pajjiżna, dwar agenziji tas-'social work', dwar servizzi mill-Isptar, dwar servizz ta' terapija għall-familja, dwar servizz legali bla ħlas, fost oħrajn.
Il-voluntiera fis-'Supportline' 179 m'humiex f'pożizzjoni li jistgħu jagħtu għajnuna fit-tul (long-term) u, f'każ ta' persuni li jkollhom bżonn attenzjoni professjonali fit-tul, kif diġa għidt, dawn jiġu riferuti (jekk huma jaċċettaw) lil aġenziji partikolari skond il-każ, jew inkella jiġu mfiehma kif jistgħu jirreferu lilhom infushom fl-aġenziji partikolari.
2.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mastrudaxxi, electricians u ħaddieda biex jipprovdu servizz ta' xogħol fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali, f'Santa Venera? Liema ħinijiet jaħdmu? X'xogħol għamlu fl-aħħar xahar? Min hu responsabbli biex jara li dawn il-persuni fil-fatt jidħlu għax-xogħol jaħdmu s-sigħat dovuti u jagħmlu x-xogħol mistenni minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħaddiema fit-Taqsima tal-Manutenżjoni fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali huma:
Assistant Technical Officer - wieħed (1)
Senior Tradesman - erbgħa (4)
Tradesman - tnejn (2)
General Hand - tlieta (3)
TOTAL - għaxra (10)
- Dawn il-ħaddiema jidħlu għax-xogħol fis-sebgħa ta' filgħodu (07.00) u jispiċċaw fil-ħamsa nieqes kwart ta' filgħaxija (16.45).
- Fl-aħħar xahar, dawn il-ħaddiema għamlu xogħol għad-Dipartiment Ħarsien tal-Familja a bażi ta' 'requisition orders', u xogħol ieħor għall-'Adult Training Centres', għall-Ministeru tal-Politika Soċjali u għas-servizz tat- Telecare.
- Dawn il-ħaddiema huma fuq il-kotba tad-Dipartiment Ħarsien tal-Familja u jinżamm kontrol fuq l-attendenza għax-xogħol skond ir-regolamenti.
2.12.98
Jistgħu jittieħdu passi biex il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, jitħalla jagħmel ix-xogħol tant meħtieġ li kien qed jagħmel fl-iskola sekondarja Lily of the Valley, fil-Mosta fejn ġie ttrasferit mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet fix-xhur li għaddew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar informazzjoni dwar din il-persuna partikolari.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-lukandi li ngħataw permess jitilgħu 'il barra miż-zona tal-bini? Fejn jinsabu? Meta ngħataw il-permessi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn kemm ilha mwaqqfa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dawn il-lukandi ġodda ngħataw permess għall-iżvilupp barra miż-żona ta' l-iżvilupp: -
Solemar Mellieħa 1993
San Lawrenz San Lawrenz, Mellieħa 1996
Fir-rigward tal-lukanda San Lawrenz, ġie mġedded il-permess ta' żvilupp li ngħata qabel ma ġiet fis-seħħ l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Ingħataw ukoll permessi ta' estensjonijiet lil dawn il-lukandi: -
Coastline Salina, Naxxar 1993
Seabank Mellieħa 1995
Cornucopia Xagħra, Gozo 1996
02.12.98
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni jkun lest ir-restawr tal-Caravaggio f'Firenze? Meta se jiġi lura l-kwadru restawrat? X'xogħol jonqos isir fil-Kon-Katidral ta' San Gwann biex ikun lest għal meta jiġi lura l-kwadru tal-Caravaggio? Meta se jkun lest dan ix-xogħol u min se jagħmlu? X'passi ta' sigurta' se jittieħdu fil-post fejn se jkun espost il-kwadru la jiġi lura?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 1317. Nixtieq inżid li waqt il-pittura Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann mistennija tasal lura Malta f'April 1999 - kif kien akkordat fil-ftehim ta' Marzu 1996 bejn l-Opificio della Pietre Dure ta' Firenza u l-Kuratur tal-Mużew ta' l-Arti, il-Belt - ix-xogħlijiet fl-Oratorju ta' San Ġwann li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant għandhom ikunu lesti sal-bidu ta' Frar 1999. Dawn jikkonsistu:
i. fl-istallazzjoni ta' apparat bejn il-pittura u l-ħajt ta' l-Oratorju li jippermetti li jsiru ispezzjonijiet spissi tal-kondizzjoni tat-tila minn wara; dan ix-xogħol ser ikun lest sa l-aħħar ta' Diċembru 1998.
ii. tindifa u riabilitazzjoni tal-korniċjun ornamentali qadim tal-pittura, li ser isir minn grupp ta' restawraturi li għandhom jintbagħtu Malta mill-Opificio ta' Firenza , flimkien ma' għajnuna lokali. Hu ttamat li dan il-fażi tax-xogħol ippjanat li jieħu erbgħa ġimgħat - għandu jsir f'Jannar 1999 u qeda tkun ikkordinata mill-Mużew ta' l-Arti.
Qed jittieħdu l-passi meħtieġa għas-sigurta' ta' din l-opra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu tul Settembru, Ottubru u Novembru 1998 biex jiġi żgurat li l-flus li jħallsu l-viżitaturi tal-mużewijiet u s-siti storiċi fil-fatt jispiċċaw kollha fil-fondi pubbliċi bħala dħul? Kemm kien id-dħul ta' viżitaturi u ta' flus fil-mużewijiet u s-siti storiċi f'Settembru 1997 u 1998 u f'Ottubru 1997 u 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet għamel diversi spezzjonijiet ta' siti storiċi biex jassiguraw l-introjtu tal-flus.
Figuri tad-dħul għal Settembru u Ottubru 1997, 1998 huma hekk:
1997 1998 żieda %
Settembru 69,169.50 95004.50 +37
Ottubru 113,850.00 111763.00 - 2
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi ta' tfal li ġew abbużati sesswalment u bħalissa qed jiġu mgħejjuna mill-aġenzija tal-SWDP?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn 1326 każ ta' abbuż fuq it-tfal li ġew riferuti matul dawn l-aħħar 50 xahar lit-Taqsima Ħarsien tat-Tfal tal-Programm Ħidma Soċjali (SWDP), dsatax (19) fil-mija kienu każijiet li kienu jinvolvu abbuż sesswali.
Minn dawn, 78 każ huma kurrenti u bħalissa l-Aġenzija qed taħdem attivament fuq 43 każ. Hemm numru ta' każijiet li ġew riferuti lill-entitajiet oħrajn.
1.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini li qed jistennew li jitħallsu ta' artijiet li jkun ħadilhom il-gvern għal xi skop pubbliku? Liema ammont ta' flus qed jistennew biex jitħallsu ċ-ċittadini mingħand il-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li peress li n-numru ta' sidien mhux dejjem jista' jiġi jdentifikat meta toħroġ l-Ordni ta' Esproprjazzjoni, mhux possibli li wieħed jagħti n-numru ta' persuni li qed jistennew li jitħallsu għall-proprjeta' esproprijata.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li hu stmat li l-ammont dovut biex jitħallas dwar esproprjazzjonijiet, hu ta' madwar Lm15,181,390. Dan l-ammont hu bażat fuq stimi preliminari li jsiru fil-mument tal-ħruġ ta' l-Ordni ta' Esproprjazzjoni u hu suġġett li jvarja għal diversi raġunijiet, fosthom kemm idumu biex jiġu jdentifikati s-sidien u ż-żmien li jgħaddi mid-data tal-pussess tal-proprjeta' sad-data tal-kuntratt.
01.12.98