Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li titkompla l-kollaborazzjoni bejn l-Universita' ta' Malta, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-EDEXCEL ta' l-Universita' ta' Londra dwar l-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC? Jekk le, x'inhuma r-raġunijiet li twarrbet din il-kollaborazzjoni?
Jekk se titkompla din il-kollaborazzjoni, liema forom se tieħu? Kif se tiżviluppa fiż-żmien li ġej?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru bħalissa l-proċeduri kollha tas-SEC u tal-MATSEC qed jiġu mistħarrġa minn Review Board. Meta dan il-Bord jagħti l-pariri tiegħu, wieħed ikun f'pożizzjoni li tittieħed deċiżjoni jekk jiġux stabbiliti jew le relazzjonijiet ma' l-EDEXCEL.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jistax ikun hemm xi forma ta' sentencing policy biex ma jerġax ikollna każ bħal dan l-aħħar fejn organizzatur ta' rave party li fuq sensiela ta' akkużi li dwarhom instab ħati, spiċċa weħel il-multa redikola ta' Lm100?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-liġi stess toħloq il-parametri li fihom qorti tista
tagħti sentenza. Jien infurmat illi l-Avukat Ġenerali
intavola appell mis-sentenza msemmija mill-Onorevoli
Interpellant, u ma jidhirx għalhekk li jkun xieraq li
nikkummenta oltre f'dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ebda skola ta' l-istat ma ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-Jum Miftuħ li għadu kemm ġie organizzat fit-Teatru Manoel dan l-aħħar?
Jistgħu jittieħdu passi biex f'okkażjonijiet simili jiġu mistiedna skejjel ta' l-Istat biex niġbdu aktar żgħażagħ u tfal lejn it-teatru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bażikament din l-attivita' li kienet miftuħa għall-pubbliku ġiet imtella' mill-Ħbieb tat-Teatru Manoel u kienet l-ewwel esperjenza li xi skejjel ġew involuti. Wara s-suċċess ta' din l-attivita' hemm il-ħsieb li s-sena ddieħla jiġu mistiedna dawk l-iskejjel tal-Gvern li jkunu interessati.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar ir-raġunijiet li llum waslu għal protesti minn għalliema u studenti tal-Junior Lyceum Ġużeppi Despott tal-Verdala dwar nuqqas ta' għalliema, nuqqas ta' għamar fil-klassijiet, ħmieġ f'diversi nħawi ta' l-iskola u xogħol urġenti ta' manutenzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ewwel ħaġa li għamilt kienet li tlabt lis-Segretarju Permanenti jinizja stħarriġ serju li jispjega x'wassal għad-diffikultajiet f'din l-iskola.
Sadanittant malli d-diviżjoni ġiet mgħarrfa bin-nuqqas ta' siġġijiet, ittieħdu passi biex numru ta' siġġijiet jiġu mislufa lill-iskola. Qed isir ukoll xogħol ta' manutenzjoni fl-iskola. Fil-vaganzi tal-Milied, il-ħames klassijiet li għadhom kif inbnew ser jinżebgħu mill-ġdid, kif kien ippjanat.Għandu wkoll jitkompla l-proġett ta' żvilupp u riabilitazzjoni ta' din l-iskola. Fil-fatt id-development brief tlesta u dan ġie diskuss ma' l-istaff ta' l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu f'Ottubru u Novembru 1998 biex tiġi ffaċċjata l-problema tal-bullying fl-iskejjel?
F'dawn ix-xahrejn kemm-il darba ltaqgħet il-kummissjoni li kienet inħatret biex taħdem għall-imġieba tajba fl-iskejjel?
Se tkompli bix-xogħol tagħha din il-kummissjoni? Meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'ħafna skejjel, bdew jaħdmu fuq il-Problema tal-Bullying fl-iSchool Development Programmes, u bdew jinħadmu policies fl-iskejjel dwar il-Bullying. Studenti li kellhom din il-problema, beda counselling kemm mal-Bully, kif ukoll fl-iskejjel sekondarji. F'Lulju u f'Settembru t-tema tal-bullying ġiet ittrattata f'ħafna In-Service Courses.
Il-punti mqajjma fit-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija għadhom qed jiġu kunsidrati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sar xogħol s'issa fuq l-estensjoni ta' l-iskola primarja Ġianni Cilia ta' l-Imġarr?
Skond il-pjani oriġinali kemm waqa' lura dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Ix-xogħol qiegħed fil-fażi inizjali u l-proġett s'issa qiegħed lura b'xahrejn.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qed isir biex tiġi ffaċċjata l-problema ta' l-għargħar fi Triq Birkirkara f'San Ġiljan?
X'attenzjoni qed tingħata biex ix-xogħol li qed isir ma jagħmilx ħsara fil-blokok ta' appartamenti li hemm fl-inħawi?
Ix-xogħol li qed isir huwa l-uniku mod kif setgħet ġiet iffaċċjata din il-problema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ewwel fażi ta' xogħol ta' dan il-proġett, jiġifieri tħaffir ta' mina sabiex tiġbor l-ilma tax-xita minn Birkirkara Road, għal ġol-wied diġa' inbeda.
Dwar it-tieni fażi, qiegħed isir studju mill-Konsulenti tal-Water Services Corporation, sabiex tiġi mibnija sistema li ssolvi l-problemi kemm ta' Birkirkara Road, St. Julians u ta' nħawi aktar 'il fuq.
L-attenzjoni li ngħatat kienet billi saru GEOLOGICAL SURVEYS sabiex tiġi stabbilita l-istrata tal-blat qabel ma jinbeda x-xogħol.
Mhix l-intenzjonat li din il-'gallery' tgħaddi minn taħt l-appartamenti, imma minn taħt it-triq.
Il-mod ta' kif qed isir ix-xogħol huwa l-aktar professjonali u effettiv għaċ-ċirkustanzi tal-problema ta' l-għargħar ta' dawn l-inħawi.
Jista' l-Ministru jgħid liema inizjattivi se jkunu ffinanzjati mil-line item 4351 General Educational Initiatives li għalihom il-Gvern qed jivvota Lm60,000 u kemm se tingħata flus kull inizjattiva?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti tas-Sixth Form u tal-Junior College li matul is-sena akkademika 1998/1999 se jkunu qed jingħataw stipendju? Kemm hi kkalkolata li se tkun in-nefqa totali għall-istudenti tas-Sixth Form u l-Junior College minn Jannar sa Ġunju, 1999 u minn Ottubru sa Diċembru, 1999?
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet jew x'se tkun ir-reazzjoni tal-Ministeru tal-Biedja u Sajd għall-ittra li l-Kumpannija Meridiana Wine Estate Ltd bagħtet lis-Segretarju Permanenti fis-26 ta' Settembru, 1998 dwar il-bżonn urġenti li s-settur Malti ta' l-inbid jiġi regolat in linja man-normi ta' l-Unjoni Ewropea Internazzjonali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Naċċerta lill-Onorevoli Membru li l-Ministeru huwa nteressat ħafma li jaġġorna dejjem r-regolamenti tal-produzzjoni tal-inbid f'Malta.
Aħna jidhrilna li dan l-aġġornament għandu iżda jsir mill-qiegħ jiġifieri l-ewwel nett mill-istess produzzjoni tal-għeneb. Huwa għalhekk li jien nistenna li l-Wine Advisory Board, li kif diġa għedt qiegħed jiddiskuti Abozz ta' Liġi, jikkonsidra wkoll bi prijorita' l-vitikultura.
Naturalment, l-argumenti u l-proposti tad-ditta Meridiana qegħdin jiġu kkonsidrati bl-istess importanza tal-argumenti u proposti tal-produtturi tal-inbid l-oħra kollha fl-isfond tad-direttivi tal-Unjoni Ewropeja u tan-negozjati li għandhom isiru mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux investigazzjonijiet dwar jekk tul ix-xahar ta' Novembru kienx hemm splużjonijiet fil-barriera ta' qrib it-tempji ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu ma wasallix u allura jkolli nwieġeb f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm attendew nies għall-Fiera tal-Ktieb li għadha kemm saret fin-Naxxar? X'inizjattivi ttieħdu biex jiġbdu nies lejn din il-fiera? X'attivitajiet speċjali ġew organizzati fiha bħala tmiem għas-Sena tal-Qari li ġiet organizzata din is-sena? X'inizjattivi se jittieħdu biex iħeġġu l-qari fost it-tfal tul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għall-Fiera tal-Ktieb li saret bejn is-26 ta' Novembru 1998 attendew madwar 25,000 persuna fosthom kien hemm 3,045 tfal ta' l-iskola.
L-inizjattivi li ttieħdu biex jinġibdu aktar nies lejn din il-Fiera jinkludu:
(i) ingħata 'coverage' fil-Media qabel il-ftuħ tal-Fiera -
permezz ta' Press Releases' mibgħuta lill-ġurnali,
radijiet u televiżjoni
(ii) intbgħatet stedina lil kull skola kemm ta' l-istat kif
ukoll dawk privati biex it-tfal flimkien ma' l-għalliema
jattendu l-Fiera.
(iii) saru Posters kbar (A3) u intbgħatu lill-iskejjel, banek,
ħwienet u Kunsilli Lokali.
Attivitajiet li ġew organizzati fil-Fiera bħala tmiem għas-Sena tal-Qari jinkludu:
(i) tagħrif dettaljat dwar l-operat tad-Dipartiment tal-
Libreriji u Arkivji fejn intweriet l-aċċessibilita'
tiegħu għall-pubbliku inġenerali b'mod li dan ġie
mħajjar jersaq aktar qrib il-kotba offruti mid-Dipartiment
(ii) ġew provduti faċilitajiet biex individwi setgħu jinkitbu
bħala membri ġodda fil-Librerija
(iii) kien hemm għad-dispożizzjoni tal-pubbliku faċilitajiet
Awdjoviżivi (Audio Visual Library Facilities) li kienu
jinkludu tapes, videos, CD Roms, etc. Dan sar biex il-
pubbliku jkollu għażla kemm ta' kotba u/jew materjal
Awdjoviżiv.
Biex tul l-1999 jitħeġġeġ il-qari fost it-tfal, id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji qed jittieħdu dawn l-inizjattivi:
(i) titkompla l-'iStory Telling Activity' li ssir kull nhar
ta' Ġimgħa mill-4.00 sal-5.00pm għat-tfal ta' bejn il-
4 u 7 snin.
(ii) ikomplu jiżdiedu ż-żjarat fil-librerija min-naħa ta' l-
istudenti u l-pubbliku inġenerali
(iii) se jiġi provdut servizz ta' "tapes" għal dawk li huma
illitterati biex inħajru lil dawk li ma jafux jaqraw
jiskopru s-sabiħ li joffri l-ktieb.
Jista' l-Ministru jgħid liema skejjel se jsirilhom xogħol fuqhom min-nefqa ta' Lm500,000 tul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskejjel ġew mitluba biex jissottomettu lista ta' xogħlijiet li huma meħtieġa għas-sena 1999. Din l-informazzjoni trid tasal fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru, 1998. Kopja ta' l-ittra li ntbagħtet lill-iskejjel ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tul l-1999, jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li se jintnefqu fuq: 1) skejjel primarji; 2) skejjel sekondarji; 3) skejjel speċjali; 4) skejjel post-sekondarji, mill-Lm1,200,000 ivvotati taħt il-Vot ta' l-Information Technology?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tagħlim tat-Teknoloġija fl-Informatika kien introdott fl-Iskejjel Primarji kollha ta' Malta u Għawdex fil-bidu tas-sena 1996. Matul is-sena skolastika li ġejja, jingħata bidu għat-Tieni Fażi ta' dan il-Proġett bid-dħul tat-Teknoloġija fl-Informatika fil-klassijiet ogħla tal-Primarji li jibdew mir-raba' sena.
Numru ta' għalliema peripatetiċi mħarrġa fit-tagħlim tal-Kompjuter se jibdew jagħtu t-taħriġ tagħhom lil madwar ħamsa u erbgħin klassi kull wieħed fil-wieħed u tmenin skola Primarja.
Fl-Iskejjel Sekondarji se jiddaħħal sillabu ġdid tat-Teknoloġija fl-Informatika. It-Teknoloġija fl-Informatika, permezz ta' programmi ta' "software" qed isservi wkoll fit-tagħlim tal-matematika fl-ewwel u t-tieni klassijiet sekondarji.
Bil-mod il-mod it-Teknoloġija fl-Informatika tiddaħħal fis-suġġetti kollha. Għal dan il-għan l-Iskejjel Sekondarji kollha qed jitgħammru b'laboratorji ġodda addattati għal dan l-iżvilupp.
Il-laboratorji kollha, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk ġodda, se jkunu mgħaqqda flimkien permezz ta' "server" bil-għan li l-iskejjel isiru ħaġa waħda taħt 'network' wiesgħa mifrux fuqhom kollha.
Bħala skema pilota, ħamsa u għoxrin skola qed jingħataw l-aċċess għall-użu ta' l-Internet. Is-sena d-dieħla dan l-aċċess jigħata lil ħamsin skola oħra. Dan il-proġett jinkludi fih it-twaqqif ta' sies lokali ta' komunikazzjoni edukattiva maħsub biex jagħti għajnuna fuq in-'network' edukattiv lill-iskejjel kollha.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tan-nefqa kif proposta mid-Diviżjoni għall-1999.
Jista' l-Ministru jgħid kif se jintnefqu l-Lm480,000 tul l-1999 fuq: 1) skejjel primarji; 2) skejjel sekondarji; 3) trade schools; 4) post-sekondarji; u 5) edukazzjoni adulta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-somma ta' Lm480,000 li l-Onor. Membru semma fil-mistoqsija tiegħu huma l-flus ivvutati taħt Nefqa Kapitali sabiex jinxtara Apparat u Għamara għall-iskejjel ta' l-Istat, kif inhu ndikat fil-Ktieb ta' l-Estimi 1999 paġna 162. Is-somma totali ser tiġi mqassma lis-setturi li huma ndikati ukoll f'paġna 162, kif ġej:
Skejjel Primarji Lm120,950
SeKondarji/Junior Lyceums Lm233,390
Skejjel Speċjali Lm 48,800
Trade Schools Lm 33,120
Skejjel Post-Sekondarji Lm 43,740
TOTAL Lm480,000
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema istituzzjonijiet edukattivi u kemm f'kull każ, se jintnefqu Lm2,600,000 għall-Vot ta' Construction and Adaptation tul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni se tkompli bil-programm ta' bini ta' skejjel bil-għan li jkollna postijiet ta' tagħlim moderni u addattati biex jakkomodaw in-numru dejjem jiżdied ta' studenti.
Matul l-1999 se jitkompla l-programm ta' żidiet fil-bini u xogħlijiet ta' titjib fi skejjel eżistenti. Imdaħħal f'dan il-programm hemm l-iskejjel Primarji tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, iż-Żejtun, Ħ'Attard, ix-Xgħajra u Ħal Għaxaq.
Il-Gvern se jagħmel ħiltu biex iżomm ir-ritmu li miexi bih fil-bini ta' skejjel ġodda. Il-Fażi 2A tal-Liċeo Ġdid għall-Bniet f'Santa Luċija jitlesta s-sena d-dieħla u matulha jingħata bidu għall-Fażijiet 2B u 3 fl-istess skola. Is-sena d-dieħla tara wkoll it-twettiq tat-Tieni Fażi, kif ukoll il-bidu tat-Tielet u r-Raba' Fażijiet fil-Liċeo tal-Bniet "Sir Adrian Dingli".
Hu ppjanat li x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni u riabilitazzjoni fl-Iskola Primarja ta' l-Imġarr, il-Liċeo tas-Subien ta' Verdala, l-Iskola Sekondarja tas-Subien Fortini, l-Iskola Teknoloġika "B" tas-Sliema u l-'Early Literacy Centre" il-Furjana, jaslu fi stadju avvanzat ħafna matul is-sena d-dieħla. Is-Servizzi Infrastrutturali fil-Kulleġġ Vokazzjonali Post Sekondarju jitlestew ukoll matul l-1999.
Xogħol ta' tħejjija fuq bini ġdid u/jew żidiet fil-bini eżistenti fl-iskejjel li ġejjin jinbeda matul is-sena finanzjarja li ġejja:
Skejjel Primarja ta' Pembroke, Wied-il Għajn, il-Kalkara, il-Fgura u Ħal Luqa; il-Liċeo tas-Subien "Mikiel Anton Vassalli" Ħal Qormi; L-Iskejjel Sekondarji ta'Ħal Tarxien u Taż-Żurrieq; Iċ-Ċentru tax-Xjenza ġewwa Villa Psaigon; l-Iskola tal-"Hairdressing" tas-Sliema u l-Iskola għat-Tfal bi Bżonnijiet Speċjali "Guardian Angel" il-Ħamrun.
Il-Gvern ivvota s-somma ta' żewġ miljuni u sitt mitt elf lira għat-twettieq tal-proġetti hawn fuq imsemmija. Lista tal-breakdown tal-proġett ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid liema attivitajiet kulturali ġenerali se jiġu ffinanzjati mill-Vot 4176 li għalih il-Gvern qed jivvota Lm200,000 tul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm lista twila ta' attivatijiet kulturali li jiġu ffinanzjati minnn dan il-vot. Fosthom il-Eurovision Song Festival u Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija, il-Festival Nazzjonali ta' l-Għana, Ħarġiet Kulturali, il-Lunchtime Concerts, Francis Ebejer Playwriting Competition, il-Programm ta' Għajnuna Finanzjarja għall-attivitajiet kulturali, għajnuna għar-reklamar u "underwriting" kontra t-telf għall-produzzjoni ta' drammi bil-Malti fit-Teatru Manoel, Kunċert ta' l-Epifanija, Festival tal-Jazz, Festival għall-mużiċisti żgħażagħ mill-pajjiżi Mediterranji, u ħafna attivitajiet u Festivals kulturali oħra, fosthom kunċerti korali kemm minn Maltin u kemm minn barranin.