Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet li twaqqfu biex imexxu entitajiet sportivi u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħek li inti personalment iltqajt magħhom mindu dħalt fil-ħatra?
Kemm hemm talbiet pendenti minn dawn l-għaqdiet biex jiltaqgħu miegħek u għadhom qed jistennew tweġiba?
Liema minn dawn il-bordijiet iltaqgħu mas-segretarju parlamentari fl-istess żmien?
Kemm hemm talbiet pendenti għal-laqgħat simili quddiem is-segretarju parlamentari?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub dwar it-talbiet pendenti irid jinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn ma baqax jingħata special leave bħal qabel lil min ikun se jirrappreżenta lil Malta fl-isports barra l-pajjiż jew bħala player jew bħala referee?
Jista' l-Ministru jara li din il-politika terġa' tiġi lura għalli kienet kemm fil-Korporazzjoni Enemalta kif ukoll fl-organizzazzjonijiet parastatali oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-ispecial leave imsemmi għadu jingħata. Jiena nfurmat ukoll li kill talba li ssir f'dan ir-rigward tiġi kkunisidrata skond il-merti tagħha.
Jista' l-Ministru jara li l-pulizija jmorru jissorveljaw it-traffiku waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola primarja "A" u "B" tal-Mosta peress li hemm periklu kbir għat-tfal mill-karozzi li jgħaddu mill-inħawi?
Jista' l-Ministru jara li l-pulizija jmorru hemm kuljum meta jkun hemm l-iskola biex nevitaw traġedja li tista' tiġri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġa` qed tagħmel is-sorveljanza meħtieġa kemm ma` l-iskola primarja kif ukoll ma` dik sekondarja fil-Mosta. Fil-fatt, fil-ġranet ta` l-iskola, fejn l-iskola primarja ta` Triq Grognet ikun hemm żewġ Pulizija bejn it-8.00a.m. u it-8.45a.m. u bejn is-2.00p.m. u s-2.45p.m., filwaqt fejn l-iskola Lily of the Valley ikun hemm Pulizija wieħed bejn is-7.45a.m. u d-9.00a.m. u bejn is-1.45p.m. u s-2.30p.m.
14.12.98 (a.m.)
Seduta 31
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li lejn nofs Ottubru 1998 il-ġenituri li wliedhom jmorru fl-iskola primarja "A" tal-Mosta qalulhom biex jixtru track suit blu u issa qed jgħidulhom biex jixtru track suit ħadra?
Għaliex qed idaħħlu lill-ġenituri f'dawn l-ispejjeż biex jixtru track suits differenti meta l-flus jistgħu jintnefqu għal skopijiet aktar edukattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għażla ta' uniformi jew ħwejjeġ oħra f'kull skola huwa mħolli f'idejn il-Kunsill Skolastiku.Informat ukoll li ma kien hemm ebda tibdil fil-kulur tat-Tracksuit li ġiet introdotta s-sena l-oħra għat-tfal tal-Kindergarten u din is-sena estiża għat-tfal ta' l-Ewwel Sena Primarja.
Fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena skolastika, jista' l-Ministru jgħid jekk il-mid-week project tkomplix bl-istess impenn?
Jista' l-Ministru jara jekk jirriżultax li dan il-proġett hemm fejn qed jinqatel għax fl-iskejjel mhux qed ikun hemm il-materjal neċessarju biex isir ix-xogħol kreattiv mat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Safejn naf jien il-proġett kompla. Pero' beħsiebni inkellem li-Direttur Ġenerali u lid-Direttur għall-Iżvilupp tal-Kurrikulu biex nara li qed isir ix-xogħol skond l-iskopijiet tal-proġett.
Mill-1 ta' Settembru 1998 sal-lum, jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjonijiet għad-dagħa għamlet il-pulizja separatament fil-grounds: (a) stadium nazzjonali ta' Ta' Qali; (b) Victor Tedesco fil-Ħamrun; (ċ) fil-Ħibs ground f'Kordin; (d) f'Pace Grasso f'Raħal Ġdid; u (e) Gozo Stadium?
Response (BORG, TONIO)
Mill-1 ta' Settembru, 1998, sal-lum, ġew akkużati l-Qorti żewġ persuni li nqabdu 'inflagrante' jidgħu fil-ground Victor Tedesco, Ħamrun.
14.12.98 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija kellhiex xi rapporti fuq serq u vandaliżmu ġo Villa Francia, Ħal Lija?
X'ġie rrapportat li nsteraq u/jew ġie vandalizzat?
Il-passi li ħadet il-pulizija waslu għal xi konklużjoni biex jiddentifikaw il-ħatja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta bdiet tiffunzjona l-Police Incident Reporting System, li fid-Distrett li jkopri Ħal Lija kien fl-1 ta' April, 1997, sad-9 ta' Diċembru, 1998, il-Pulizija ma kellhiex rapporti dwar is-suġġett tal-Mistoqsija.
14.12.98(am)
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi ħsieb għandu l-gvern għall-użu ta' Villa Francia f'Ħal Lija li kienet tħalliet bħala wirt lill-istat?
Jikkonferma li l-bini sejjer lura ħafna u anki nsterqu ħafna affarijiet minn din il-villa?
Jikkonsidra li l-gvern jgħaddiha biex tiġi wżata minn Edward de Bono bħala ċentru internazzjonali għat-tixrid tal-ħsieb ġdid u l-kreattivita' li de Bono interessat iwaqqaf f'Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li, sa fejn hu magħruf, xejn ma nsteraq minn
Villa Francia minn meta l-Gvern ħadha f'idejh. Sar ukoll
xi xogħol ta' manutenzjoni.
Rigward l-ewwel u l-aħħar parti tad-domanda ta' l-Onorevoli
Membru, il-Gvern qiegħed jikkonsidra l-aħjar użu ta' din il-
Villa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi policy li fl-iskejjel fejn m'hemmx persuni biżżejjed biex inaddfu, l-istudenti stess jitqabbdu jnaddfu dawn l-iskejjel?
Jaħseb l-Ministru li tajjeb li l-istudenti jitqabbdu jnaddfu l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda policy li studenti jitqabbdu jnaddfu l-iskejjel. Pero' l-istudenti huma mistennija li jżommu l-ambjent nadif kemm jista' jkun, li jħallu kull ambjent nadif kif isibuh.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li applikaw biex jiġu reklutati bħala part-time clerks u part-time cleaners fl-iskejjel?
Min se jagħżel lil dawn l-applikanti?
X'input qed jingħata f'din l-għażla l-Ministeru nnifsu u s-segretarjat tiegħu?
X'inhi r-raġuni li s-segretarjat tal-Ministeru talab il-listi ta' l-applikanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li applikaw biex jiġu reklutati bħala:
part-time clerks kien 489
part-time cleaners kien 481
Dawn l-applikanti ser jintgħażlu mill-Bord magħmul mill-President tal-Kunsill Skolastiku, il-Kap ta' l-Iskola u membru ta' l-istaff ta' l-iskola kkonċernata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-għażla biex jinħatru l-assistenti diretturi fid-dipartimenti differenti tal-gvern?
X'vakanzi jeżistu għal assistenti diretturi?
Tista' tipprovdi lista ta' fejn teżisti vakanza f'kull dipartiment?
Min hu mdaħħal fil-proċess ta' l-għażla?
B'liema kriterji se jinħatru l-assistenti diretturi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi l-proċess ta' l-għażla biex jinħatru l-
Assistenti Diretturi jinsab fi stadju avvanzat.
Minħabba t-tibdil fid-dekasteri qegħda ssir re-evalwazzjoni
tal-vakanzi f'dawn il-pożizzjonijiet.
Billi għad baqa xi dettalji li għad iridu jiġu determinati
dwar il-proċess ta' l-għażla minix f'pożizzjoni li nagħti
aktar informazzjoni f'dan l-istadju.
Fl-ewwel xahrejn tas-sena skolastika 1998-1999, jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm saru vjaġġi għall-istudenti primarji, sekondarji; 2) kemm ġew jiswew dawn il-vjaġġi: i) għall-primarji; ii) għas-sekondarji; 3) x'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tħallas għall-vjaġġi li ġenwinament isiru u kemm fil-fatt hemm bżonn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ewwel xahrejn tas-sena skolastika 1998/99, l-għadd ta' vjaġġi għat-tfal ta' l-iskejjel kulljum kien:
Skejjel Primarji - 170 filgħodu u l-istess numru filgħaxija
Skejjel Sekondarji - 536 filgħodu u l-istess numru filgħaxija
L-ispiża involuta kienet ta' madwar Lm39,000 għall-iskejjel primarji u ta' madwar Lm152,000 għall-iskejjel sekondarji.
It-talbiet għall-ħlas isiru lill-kapijiet ta' l-iskejjel li jiċċertifikaw li l-vjaġġi jkunu effettivament saru. Meta vjaġġ ikun miftiehem li jsir imma fil-fatt ma jsirx, il-Kap ta' l-iskola javża b'dan lid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni li tgħaddi l-pagamenti għall-vjaġġi biss li jkunu effetivament saru.
L-għadd ta' vjaġġi li hemm bżonn isiru hu dak li jkun ġie deċiż qabel tibda s-sena skolastika, u skond in-numru ta' studenti li jkollhom bżonn trasport.
Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm ġew barranin jistudjaw l-Ingliż fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex li jgħallmu l-Ingliż lil barranin matul: 1) Ġunju 1998; 2) Lulju 1998; 3) Awissu 1998; u 4) Settembru 1998; b) kemm għandna minn dawn l-iskejjel bħalissa; c) kemm għandna persuni bil-warrant biex jgħallmu f'dawn l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, ser ikolli nwieġeb f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal akkomodazzjoni soċjali? Minn liema lokalitajiet ta' Malta u Għawdex huma dawn l-applikazzjonijiet? F'kull każ, kemm ilha tistenna l-applikazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi sal-4 ta' Diċembru 1998, kien hemm 3005 applikazzjoni pendenti. L-applikanti huma minn madwar Malta u Għawdex kollu. L-applikazzjonijiet ilhom għal perjodu ta' żmien li jvarja mill-l988 sal-4 ta' Diċembru 1998.
12.12.98
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Ministru ma tanix l-informazzjoni li tlabt f'mistoqsija parlamentari numru 1724 dwar x'ammont ta' flus għandha tieħu l-Air Malta mil-Libja għal ħlasijiet ta' xiri ta' biljetti ta' l-ajru meta f'dawn il-jiem fi tweġiba għall-mistoqsija supplimentari wieġeb li dan l-ammont huwa ta' Lm13-il miljun?
Xi problema sab jagħtiha bil-miktub meta ma sab l-ebda problema simili jwieġeb bil-fomm?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tajtx tweġiba bil-miktub għall-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari numru 1724, għas-sempliċi raġuni li fil-ħin li t-tweġiba ġiet mgħoddija lill-Iskrivan tal-Kamra kif titlob il-proċedura, tali informazzjoni ma kienitx għad-dispożizzjoni tiegħi.
Infatti l-informazzjoni waslitli ftit tal-ħin qabel dħalt għas-seduta parlamentari ta' dakinhar u għalhekk kif għidt ma kienx possibbli li din tiġi nkluża fid-domanda relattiva.
Minn Settembru 1998 s'issa, jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet organizza l-Kumitat għall-Jeddijiet tal-Bniedem li kien twaqqaf biex fuq livell ta' skejjel u fuq livell nazzjonali ifakkar il-50 sena mid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem?
Peress li dawn il-valuri li hemm bżonn jibqgħu jinxterdu fl-iskejjel biex isiru parti sħiħa mill-kultura tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, hemm il-ħsieb li kumitat simili jibqa' attiv matul din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-25 ta' Settembru ssejħet laqgħa tal-Kumitat biex jitkomplew it-tħejjijiet tal-programm. F'din il-laqgħa ġejt infurmat li l-membri appuntati mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni (u Kultura) kienu offrew ir-riżenja tagħhom minħabba raġunijiet ta' proċedura. Il-Kumitat qua Kumitat, għaldaqstant, ma baqax kostitwit u l-attivitajiet maħsuba biex ifakkru l-anniversarju kellhom jieqfu. Sa fejn hu magħruf minni, ma jirriżultalix li dan il-Kumitat reġa' twaqqaf.
Fuq livell kurrikulari u mhux fuq livell ta' Kumitat, iż-żewġ 'membri' min-naħa tad-Diviżjoni, u cioe' Ms Josephine Vassallo u Mr Philip Said komplew bl-attivitajiet ta' tifkira ma' l-iskejjel. F'din id-direzzjoni:
1. L-istudenti ta' l-iskejjel Statali, tal-Knisja u
Indipendenti ġew mistiedna permezz ta' ittra ċirkulari
mid-dipartiment tal-kurrikulu biex jipparteċipaw fi 'Pjan
ta' Azzjoni' fil-komunita' tagħhom b'riżq il-ħarsien tad-
Drittijiet tal-Bniedem. Diversi skejjel primarji u
sekondarji ħadu sehem f'dan il-proġett imniedi mill-Ġnus
Magħquda. Il-ħidma tagħhom tinsab reġistrata fuq il-website
globali: CyberSchoolBus.un.org.Human Rights.
2. Id-dipartiment ta' l-Istudju Soċjali fil-Junior Lyceum
tal-Bniet 'Maria Reġina' Blata l-Bajda, ikkoordina programm
ta' attivitajiet interkurrikulari u inter-skolastiku biex
ifakkar il-ħamsin sena tad-Dikjarazzjoni. L-attivitajiet
qegħdin isiru bejn is-7 u l-11 ta' Diċembru 1998.
3. Se ninqdew bil-kompetizzjoni ta' Europe at School li għas-
sena 1999 għandha bħala tema 'Human Rights and I'
Dawn l-attivitajiet huma maħsuba biex inkomplu nxerrdu fost it-tfal u ż-żgħażagħ fl-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji l-kultura ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-kuxjenza għall-obligazzjonijiet soċjali.
Veru li l-beach concessions meta jingħataw l-art mill-gvern ikollhom il-kondizzjoni li jżommu nadifa parti mill-art ta' madwarhom?
Kemm tinżamm din il-kondizzjoni?
X'sorvelja qed issir biex jiġi żgurat li din l-obbligazzjoni tiġi rispettata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kerrejja tal-beach establishments li jinsabu fuq art tal-gvern għandhom encroachment permit għal użu ta` biċċa mill-bajja bħala beach concession. Uħud minnhom huma marbuta li jżommu parti oħra mill-bajja nadifa.
Id-Dipartiment ta` l-Artijiet qatt ma kellu lmenti li din il-kundizzjoni mhux qegħda tiġi miżmuma.
11.12.98(am)
Jista' l-Ministru jgħid xi statistika teżisti dwar kemm tfal u addoloxenti jbatu bl-asthma fl-eta' ta' bejn sena u 16 sena f'Malta u f'Għawdex?
X'inizjattivi qed jittieħdu flimkien ma' l-awtoritajiet edukattivi biex kemm jista' jkun f'pajjiżna jkollna inqas tfal u addoloxxenti jbatu mill-asthma?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-unika figura li għandna fuq l-ażżma fuq it-tfal huwa minn studju ppublikat fi Frar 1997 jismu ``Asthma and other allergic conditions in childhood in the Maltese Islands (ISAAC) Montefort, Lenicker, Caruana and Agius Muscat. Il-figuri juru li fl-etajiet studjatai hemm problema kbira bl-ażżma fit-tfal Maltin u Għawdxin. F'madwar 4,000 tfal li ħadu sehem, fl-eta' ta' bejn 5 - 8 snin, 8.8 fil-mija kienu għadhom ikollhom tisfir f'sidirhom fl-aħħar sena. Imqabbel ma' studju simili f'1985, f'din l-eta' il-prevalenza ta' l-ażżma f'Malta kważi rduppjat. F'4,000 tfal oħra bejn 13 - 15-il sena kien hemm 16 fil-mija tat-tfal għadhom b'sintomi tat-tisfir fis-sider fl-aħħar sena. 22 fil-mija minn dawn ta' l-aħħar kellhom attakk qawwi ta' l-ażżma fis-sena tal-istudju (1995).
Ir-riżultati ta' dan l-istudju u diversi rikomandazzjonijiet kienu mogħtija lill-Ministeri tas-Saħħa u ta' l-Edukazzjoni b'pariri x'jista jsir biex f'Malta nippruvaw intaffu l-problema tal-ażżma fit-tfal.
Bħala parti mill-Health Vision 2000, kienu saru diversi laqgħat bejn esperti fl-ażżma u fil-qasam tal-amministrazzjoni tas-Saħħa biex joħroġ dokument fuq din il-kundizzjoni tant komuni fost il-Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema nieqsa fl-iskola Furtu Selvatico tan-Naxxar? F'liema suġġetti? Għaliex għadd ta' klassijiet qed ikollhom ħafna free lessons?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta xi għalliem ikun nieqes minħabba mard l-istudenti fil-Form 1,2,3 jintbagħtu fil-klassijiet tal-Year Group tagħhom. Dawk fil-Form 4,5 jintbgħat għalliem magħhom.
Fil-laqgħa li kellu mal-Kanċillier Ġermaniż Schroeder nhar it-Tlieta, 1 ta' Diċembru, 1998, il-Prim MInistru Franċiż Lioned Jospin qal li l-pajjiżi applikanti jidħlu fl-Unjoni Ewropea "meta jiddeċiedu li kapaċi jilqgħu għax-xokk ekonomiku li ġġib magħha għaqda fl-Unjoni Ewropea." Meta jaħseb li pajjiżna se jkun inbidel biżżejjed skond ir-regolamenti u l-liġijiet kollha ta' l-Unjoni Ewropea biex ikun kapaċi jilqa' għax-xokk ekonomiku li Jospin jgħid li ġġib magħha sħubija fl-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-amministrazzjoni preżenti qed tieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-bidliet ekonomiċi neċessarji jsiru mingħajr skossi u b'mod sistematiku sabiex meta jasal iż-żmien li fih eventwalment Malta tibda tifforma parti mill-Unjoni Ewropea, l-ekonomija ta' pajjiżna tkun ippreparata biex tilqa' l-isfidi ġodda li tali sħubija ġġib magħha.
Tajjeb wieħed jgħid li l-bidliet kontemplati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea huma l-istess bħal dawk neċessarji biex tissieħeb fil-Free Trade Area li l-gvern preċedenti ried jagħżel ma' l-Unjoni Ewropea.