Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2747 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Belt Valletta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ħidma qiegħed jagħmel il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex iżżomm il-belt nadifa peress li qed ikun hemm ħafna lmenti fuq il-ħmieġ fil-belt kapitali tagħna?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu tliet kuntratti biex jiġi mnaddaf il-lokal. Għandu kuntratt biex jinġabar l-iskart domestiku u biex jitbattlu l-iskips ta' kuljum. Għandu kuntratt ieħor biex jinkinsu t-toroq residenzjali darba kuljum, u ieħor biex isir it-tindif u jinġabar l-iskart miċ-ċentru kummerċjali kif ukoll biex titnaddaf ir-rotta mnejn jgħaddu l- karozzini. L-Onorevoli Membru seta jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill- Kunsill tal-lokalita konċernata billi l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali.
Leg 9 PQ #2748 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tarġa Gap - Lezzjonijiet tal-computer

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex l-istudenti ma jibqgħux jitilfu lezzjonijiet fil-computer fl-iskola post-sekondarja ta' Tarġa Gap? Meta se jiġu upgraded il-computers ta' din l-iskola biex l-istudenti li suppost qed isegwu kors fid-disinn grafiku jkunu jistgħu jagħmlu dan? Kemm kien hemm studenti f'din l-iskola fil-bidu ta' din is-sena skolastika jsegwu korsijiet, kors b'kors? Kemm hemm studenti issa, kors b'kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #2749 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Budget 1993 — Impjegati fis-settur pubbliku

Question

Peress li fid-diskors tiegħu għall-Budget 1993, il-Ministru kien ħabbar li waħda mill-miżuri fil-ħames snin li kienu ġejjin kienet li l-għadd ta' mpjegati fis-settur pubbliku jkunu ta' bejn 25% u 30% ta' dawk li jaħdmu f'pajjiżna, x'sar mill-1993, sal-lum biex tintlaħaq din il-mira? Meta jaħseb li se tintlaħaq?

Response (DALLI, JOHN)

Mill-1993 `l hawn ittieħdu miżuri biex: 1. l-ingaġġ mal-Gvern ikun limitat kemm jista` jkun għas-setturi fejn hemm bżonn; 2. jiġu privatizzati xi ażjendi li allura jgħaddu mis-settur pubbliku għal dak privat; 3. jitnaqqsu n-numru ta` mpjegati f`ażjendi parastatali permezz ta` skemi apposta, bħalma sar, per eżempju fis-settur tat-Tarznari; 4. ħloqna xogħol alternattiv fis-settur privat li ta` opportunitajiet lill-ħaddiema. Minn mindu erġajna ġejna fdati bil-Gvern qegħdin nagħmlu reassessment tas-sitwazzjoni biex nirrijorjentaw dawn l-oġġettivi. Żgur li m`aħniex se nkeċċu nies minn mal-Gvern biex noħolqu pool ta` li minnhom minn iħaddem jista` jieħu b`irħis.
Leg 9 PQ #2750 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Budget 1994 — Evażjoni tal-VAT

Question

Għaliex waqt li fil-Budget 1994 il-Ministru argumenta li biex ma jkunx hemm evażjoni tal-VAT "mhux qegħdin jiġu kkontemplati limiti ...", u issa f'dak tal-Budget 1999 fassal liġi tal-VAT li jikkontempla limiti?

Response (DALLI, JOHN)

Hu magħruf li l-istaġnar ekonomiku li hawn f`pajjiżna ġie kkawżat primarjament mill-inċertezza li ħoloq il-Gvern ta` qabilna fost il-poplu. Hu għalhekk bżonn li miegħu jaqblu l-operaturi ekonomiċi li malajr kemm jista` jkun għandha titwettaq il-wegħda elettorali tal-Gvern preżenti li jibdel it-taxxa fuq il-konsum. Flimkien ma` dawn l-operaturi ekonomiċi ġie stabbilit li jkun aħjar li l-VAT tkun implementata fl-ewwel ta` Jannar 1999.
Leg 9 PQ #2751 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Budget 1999 — Għoli tal-ħajja

Question

Peress li fid-diskors tiegħu fil-Budget 1999 (f'paġna 78) il-Ministru qal: "Minn studju li għamilna jirriżulta li l-bdil fis-sistema għandu jkollu effett insinifikanti fuq l-għoli tal-ħajja", jista' l-Ministru jqiegħed kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, JOHN)

L-istudji qegħdin jiġu ċċekkjati u meta dawn jiġu ffinaliżżati jitqegħdu fuq il-mejda tal-kamra. Ta` min jinnota li qegħdin infittxu l-istudji li saru meta ġiet introdda ċ-CET biex inkunu nistgħu nikkonfermaw il-parametri li qed nużaw imma ma nistgħux insibu ebda studju li jirrifletti kif qegħda taħdem iċ-CET illum.
Leg 9 PQ #2752 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — Konsulent

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament bħala konsulent dwar programmi eduattivi ta' l-Unjoni Ewropea? Kemm ilu maħtur f'din il-konsulenza? X'xogħol għamel s'issa kemm ilu f'din il-ħatra? X'xogħol se jagħmel tul l-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol tal-persuna imsemmija li s-servizzi tagħha ġew ingaġġati mingħand l-Europa Research & Consultancy Services Ltd, huwa li tagħti pariri fuq kwalunkwe materja fil-Ministeru li hi konnessa ma' l-Unjoni Ewropea b'riferenza speċjali għall-programmi li jolqtu oqsma tal-Ministeru tiegħi. Il-persuna imsemmija ilha tagħti dan is-servizz ta' konsulenza mill-1 ta' Ottubru 1998. Ix-xogħol li għamlet s'issa u li ser tagħmel matul l-1999 huwa fil-kwadru ta' dan il-'brief'.
Leg 9 PQ #2557 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' bini ta' kindergarten ġdid fiż-żona magħrufa bħala ta' Lourdes f'Raħal Ġdid flok dak eżistenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'dan l-istadju għandha prioritajiet oħra.
Leg 9 PQ #2558 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Rigward il-ftehim kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku għas-snin 1999-2001, jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jsir konkretament biex iseħħ bil-fatti dak li hemm f'punt 1.1.1. fejn hemm rikonoxxuti l-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadini Maltin għall-kwalita' aħjar tas-servizz mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku? Xi progress jista' jirrapporta dwar l-effiċjenza tas-Servizz Pubbliku dwar dak li ntqal fil-Budget għall-1994 li ż-żidiet fil-pagi ta' l-impjegati tal-gvern "Dan għandu jittraduċi ruħu f'effiċjenza akbar, produttivita' akbar u servizz aħjar lil pubbliku"? Jaħseb il-Prim Ministru li dak li ntqal fil-Budget għall-1994 seħħ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Biex iseħħu l-inizzjattivi strateġiċi tal-Gvern li hemm elenkati f'paragrafu 1.1. tal-Ftehim Kollettiv, il-Gvern flimkien mal-Unions, sejjer jieħu l-passi kollha neċessarji biex jindirizza b'impenn il-bżonnijiet li jidhru miġbura f'paragrafu 1.3. tal-Ftehim. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija l-Onor Membru jidher li qiegħed jirreferi għar-Riforma li saret b'seħħ mill-1 ta' Jannar 1991. Permezz ta din il-bidla, is-Servizz Pubbliku ttrasforma ruħu minn fuq s'isfel - kemm għall-kapijiet li jinħatru fuq kuntratt u kemm għall-impjegati aktar l-isfel li, permezz tar-Riforma nġabru fi gruppi aktar omoġenji bil- ħatriet u promozzjonijiet isiru fuq bażi ta' mertu aktar milli anzjanita. Sar ukoll investiment kbir fl- informatika u fit-taħriġ tal-ħaddiema u dan irriżulta f'effiċjenza akbar u f'servizz aħjar. Għalkemm dejjem jibqa lok għal titjib, it-tweġiba għall- aħħar parti tal-mistoqsija hija fl-affermattiv.
Leg 9 PQ #2560 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jsir matul is-snin 1999-2001, sena b'sena, b'mod konkret biex isseħħ 1.3.3. li hemm imniżżel fil-ftehim kollettiv tas-Servizz Pubbliku dwar taħriġ għall-impjegati pubbliċi biex ikollhom is-snajja' meħtieġa biex jagħmlu b'mod aktar effiċjenti ix-xogħol preżent u futur tagħhom? Kemm se jintnefaq fuq dan it-taħriġ? F'liema qafas se jsir dan it-taħriġ? Min se jmexxih?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-programm li qiegħed ifassal il-Gvern għat-taħriġ tal- impjegati pubblici huwa wieħed estensiv u li huwa mifrux fuq is-setturi kollha fis-Servizz Pubbliku. Minbarra s-somma ta' Lm87,000 ivvutata għall-iStaff Development Organisation fl-Uffiċċju tiegħi biex jitwettaq dan it-taħriġ fuq bażi wiesgħa, ġew ivvutati wkoll Lm825,000 għal taħriġ settorali li jitmexxa mill-Ministeri konċernati. It-taħriġ fuq bażi service-wide li jitmexxa mill-iStaff Development Organisation ikopri korsijiet speċjalizzati għall-Kapijiet tad-Dipartimenti, korsijiet ta' proċedura, finanzi, riżorsi umani u information technology fost oħrajn. Parti minn dan it-taħriġ isir f'istituzzjonijiet barra minn Malta. Kif weġibt għall-mistoqsija numru 2342 sejjer ukoll jitkompla l-eżerċiżżju li jiffoka fuq il-kapaċitajiet tal- ħaddiema ndustrijali u kif dawn il-kapaċitajiet jistgħu jiġu żviluppati u wżati b'mod aktar effiċjenti u effettiv. Għal dan l-iskop biss ġew ivvutati Lm5,000.
Leg 9 PQ #2596 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja — Każ ta' persuna

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ imqajjem mill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja? Kien hemm xi żviluppi wara l-ittra li ntbagħtet lill-Kummissjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru nhar l-4 ta' Novembru, 1998 (Ref. No. OPM/J/33/98)? Għaliex id-deċiżjoni li kellha tingħata mill-Kummissjoni dwar il-każ nhar it-3 ta' Diċembru, 1998 baqgħet ma ngħatatx? Meta se ssir is-subbasta ta' l-immobbli ta' l-avukat (Ref. 91/98) li hu nvolut f'dan il-każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Interpellant jifhem illi skond l-Art 7 ta' l- Att XI tal-1994, il-proċeduri quddiem il-Kummissjoni għall- Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u tal-Kumitat għall-Avukati, fi ħdanha, huma koperti bis-sigriet. Il-Kummissjoni tirċievi lmenti u mbgħad tikkomunika r- riżultati ta' indaġni tagħha sija lil min ikun għamel l- ilment kif ukoll lil min ikun sar l-ilment dwar l-aġir tiegħu. Tiġi mgħarrfa wkoll il-Kamra ta' l-Avukati. F'ċerti każijiet id-deċizjoni ssir pubblika. Dwar proċeduri ġudizzjarji - b'mod partikolari, il- proċeduri tas-subbasta - la hi kompetenti l-Kummissjoni u lanqas ma jindaħal l-eżekuttiv.
Leg 9 PQ #2551 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pembroke — Science Centre - Titjib

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-pjanijiet għat-titjib tas-Science Centre f'Pembroke li kienu nbdew fi żmien l-Amministrazzjoni Laburista?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn naħħa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tħejjew: 1. pjanti ta' rehabilitazzjoni ta' bżonn immedjat 2. pjanti ta' rehabilitazzjoni ta' xejra "long term" 3. lista ta' prioritajiet Dawn ġew mgħoddija lill-awtoritajiet konċernati. Inżammu diversi laqgħat bħala tħejjija għal pjan strutturat.
Leg 9 PQ #2552 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mtarfa - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fl-iskola primarja ta' l-Imtarfa biex din tkun tista' tilqa' in-numru dejjem jikber ta' tfal f'din il-lokalita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Iskola Primarja ta' l-Imtarfa hija waħda mill-iskejjel li jipparteċipaw fl-iskema ta' koperazzjoni bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Kunsilli Lokali. Għalhekk il-manutenzjoni meħtieġa f'din l-iskola ser jitkomplew matul is-sena 1999.
Leg 9 PQ #2553 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kordin — Kumpless vokazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet hemm maħsuba għall-kumpless vokazzjonali ta' Korradino barra minn dawk tas-servizzi infrastrutturali bl-ispiża ta' Lm149,995 li sejħa għall-offerti għalihom kienet ħarġet fi żmien l-Amministrazzjoni Laburista li permezz tagħhom qed jitwasslu s-servizzi adegwati wara l-bieb ta' kull blokk?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa tħabbar, waqqafna Steering Committee li ser jieħu ħsieb jiggwida programm sħiħ ta' ħidma li għandu jwassal għall-ftuħ ta' Istitut għall-Arti, Xjenzi Applikati u Teknoloġija. Wieħed mit-termini ta' riferenza huwa propju li jara x'inhuma l-faċilitajiet meħtieġa. Il-kumitat għadu kif beda x-xogħol tiegħu, u qiegħed isir studju biex jistabbilixxi l-prioritajiet tax-xogħlijiet li hemm bżonn.
Leg 9 PQ #2554 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Liċeo Ġużeppi Despott

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir is-sejħa pubblika għall-comprehensive architectural services biex ikun implimentat id-development brief validu magħmul mill-periti Joseph Falzon u Joseph Spiteri li anke l-amministrazzjoni u l-għalliema ta' l-iskola qablu miegħu fir-rigward tal-Liċeo Ġużeppi Despott fil-Verdala, Kottonera?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tikkonsidra l-materja.
Leg 9 PQ #2555 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mġarr - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-iskola primarja ta' l-Imġarr (Malta)? Jista' jgħid x'hemm ippjanat li jitwettaq mill-proġett tul l-1999 bit-Lm80,000 li se jintnefqu fuqu? Meta hu maħsub li jitlesta l-proġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa l-kuntrattur ħammel u naddaf l-art in kwestjoni. Tul l-1999 hu ppjanat li titlesta l-play area l-ġdida flimkien mal-blokka tal-klassijiet il-ġodda. Il-proġett hu maħsub li jitlesta fit-tmiem ta' l-2000.
Leg 9 PQ #2556 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar? Ix-xogħol waqa' lura skond l-iskeda tax-xogħol kif ippjanat? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu? Se jsiru aktar sforzi mad-Dipartiment tad-Drenaġġ biex tissolva l-problema kbira tar-riħa li toħroġ mill-pumping station li hemm eżatt ħdejn l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat lil l-estensjoni ta' l-iskola hija fi stadju avanzat filwaqt li t-tiġdid ta' l-ewwel sular ta' l-eżisenti huwa kompletament lest. Ix-xogħol ma waqax lura skond l-iskeda kif ippjanat filwaqt li l-proġett ikun lest kollu sa l-aħħar ta' Awissu 1999. Rigward il-problema l-kbira tar-riħa li toħroġ mill-pumping station tad-drenaġġ li hemm eżatt ħdejn l-iskola jrid jingħad li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ilha tikteb kontinwament minn Diċembru ta' l-1996 lid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tax-Xogħlijiet li taħtu jaqa' d-Dipartiment tad-Drenaġġ biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa li sfortunatament sal-lum għadhom ma nbdewx. Ser inkomli ninsisti għal soluzzjoni.
Leg 9 PQ #2545 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Grounds

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu jew se jittieħdu matul din is-sena skolastika biex mill-grounds ta' l-iskejjel jew qrib ħafna tagħhom jitneħħew dawk it-tipi ta' siġar li jikkaġunaw problemi għat-tfal li jbatu bl-asthma u b'mard ieħor respiratorjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex it-tagħrif mitlub jinkiseb, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2546 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal: (a) bini ta' skejjel ġodda; u (b) estensjoni ta' skejjel eżistenti? Liema huma dawn l-iskejjel? F'liema stadju waslu, f'kull każ, dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 14.12.98(am)
Leg 9 PQ #2547 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Żidiet fil-miżati

Question

Mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn kemm kien hemm talbiet għal żidiet fil-miżati minn skejjel privati? Liema skejjel għamlu dawn it-talbiet u x'kienu t-talbiet f'kull każ tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex it-tagħrif mitlub jinkiseb, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2548 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tuck shops

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' ħelu u xorb huwa permess li jinbiegħ fit-tuck shops ta' l-iskejjel tal-gvern? Xi spezzjonijiet saru matul din is-sena skolastika biex isir magħruf il-kwalita' u l-prezz ta' dak li qed jinbiegħ fit-tuck shops? Min għamel dawn l-ispezzjonijiet? F'liema skejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fit-Tuck Shops jista jinbiegħ ilma minerali, xarbiet mingħajr zokkor u kemm jista jkun frott frisk magħsur. Ma jistax jinbiegħ xorb alkoħoliku u birer. Fir-rigward ta' ħelu, jista jinbiegħ varjeta ta' ful, ċiċri, karawett, ġewż, lewż, qastan eċċ. Ma jistax jinbiegħ 'chewing gum' u ħelu li jeħel mas-snien bħal qubbajt jew toffee. Id-Direttur tal-Kummerċ intalab biex jagħmel spezzjonijiet rigward il-kontroll tal-prezzijiet. Id-Dipartiment tas-Saħħa intalab jagħmel spezzjonijiet biex ikunu żgurati l-iġjene fil-post u s-saħħa fil-prodotti għal-bejgħ mit-Tuck Shop. L-ispezzjonijiet isiru fit-Tuck Shops kollha.