Jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol meħtieġ biex tiġi rranġata sew it-triq li minn Burmarrad tieħu għal Wardija?
Hemm xi ħjiel meta jista' jsir dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-toroq biex jispezzjona din it-triq u jara x`jista jsir.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bini tal-vapuri ġodda għal Għawdex fit-Tarzna tal-Marsa?
Veru li d-disinji kollha tal-vapuri għadhom ma waslux minn barra u dan qed iżomm ix-xogħol lura?
X'passi qed jittieħdu biex ix-xogħol ma jaqax lura?
X'passi se jittieħdu biex tissaħħaħ it-tmexxija ta' din it-Tarzna u x-xogħol ikun organizzat aħjar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li il-programm tal-bini tal-vapuri t`Għawdex kellu jinbidel aktar minn darba f`dawn l-aħħar sentejn, l-aktar minħabba li l-Malta Shipbuilding kienet daħlet għal ħafna aktar xogħol milli setgħet tlaħħaq miegħu.
Mill-aħħar pjan li sar fi Frar li għadda ix-xogħol waqa` lura b`ħames xhur. Qed isiru sforzi biex dan id-dewmien jiġi rkuprat.
Għad hemm diffikulatjiet rigward id-disinji li hija responsabbli għalihom il-kumpanija Daniża Carl Bros As. Għalkemm il-MIMCOL ser tibgħat żewġ uffiċjali tekniċi fid-Danimarka fil-jiem li ġejjin biex jiddiskutu din il-problema direttament ma ` l-ogħla uffiċċjali tal-Carl Bro.
Il-Gvern qed jikkunsidra pjanijet ta` riforma għat-tarzna tal-Marsa biex tissaħħaħ it-tmexxija u l-organizzazjoni tax-xogħol. Nittama li nkun f` pożizzjoni li nagħti dettalji aktar il-quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex l-ispazji u l-faċilitajiet komuni tal-Binja San David fl-Imtarfa issir il-manutenzjoni meħtieġa tas-soqfa, tal-lift u tibjid tal-ħitan biex ma jaqgħux fi traskuraġni u stat ta' abbandun?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-partijiet komuni tal-blokk, il-manutenzjoni tagħhom hija r-responsabilita' tal-inkwilini. Għal dan il-għan, flimkien ma ftehim tal-kirja iffirmaw dokument li l-inkwilini bejniethom għandhom jiffurmaw Għaqda tar-Residenti biex jieħdu ħsieb l-manutenzjoni ta' l-istess partijiet komuni.
21.12.98
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm ta' l-introduzzjoni tal-computers fl-iskejjel speċjali? F'liema skejjel l-istudenti qed jużaw il-computers? X'taħriġ ingħata lill-għalliema u meta? L-għalliema u l-kindergarten assistants ta' dawn l-iskejjel ġew mogħtija lap top computer kif ingħata lill-oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel kollha tlestew l-installazzjonijiet ta' l-Alarm Systems u ta'l-Elettriku b'riferenza għall-introduzzjoni tal-computers. Kull skola ġiet ukoll mogħtija l-għamara meħtieġa għal dan il-għan.
F'kull klassi ġew installati żewġ computers jew wieħed skond il-ħtieġa kif ukoll video recorder u monitor.
Għaldaqstant il-computer jista' jintuża fl-iskejjel kollha speċjali. L-għalliema kollha ġew mogħtija taħriġ bażiku fl-użu tal-computers u tas-software f'April u Mejju ta' din is-sena. L-għalliema u l-kindergarten assistants ta' dawn l-iskejjel ma ġewx mogħtija Laptop.
Il-Proġett huwa fażi esperimentali u maħsub li fil-futur qrib jinstab konsulent f'dan il-qasam biex isir użu effikaċi tal-computers ma studenti bi ħtiġijiet speċjali.
Jista' l-Ministru jgħid min ta l-ordni biex id-dokument li qed jintbagħat separatament ma' din il-mistoqsija jintbagħat lid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali?
X'sar mill-fondi li baqgħu jinqatgħu sal-lum mis-salarju ta' dan l-impjegat bħala l-kontribuzzjoni tiegħu tal-bolla?
X'passi se tieħu l-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp biex tirregolarizza lilha nnifisha mal-liġi peress li dan l-impjegat baqa' mal-Korporazzjoni u għadu ma temmx ix-xogħol tiegħu magħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tar-reklutaġġ tas-Supply Kindergarten Assistants li s-sejħa għall-applikazzjoni tagħhom għalqet fis-27 ta' Novembru, 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċess ta' l-għażla għar-reklutaġġ ta' Supply Kindergarten Assistants ingħata bidu u hu mistenni li s-Selection Bord jibda bl-intervisti ta' l-applikanti fil-futur qrib.
Peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2541 għidt li se tkellem lid-Direttur Ġenerali u d-Direttur tal-Kurrikulu dwar il-Mid-week project, saret din il-laqgħa? X'ġie deċiż? Jekk ma saritx il-laqgħa, meta se ssir?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa għadni ma sibtx il-ħin għal-laqgħa formali mad-Direttur Ġenerali u mad-Direttur tal-Kurrikulu dwar il-Mid-Week Project. Informat li sa dan il-waqt, id-Direttur tal-Kurrikulu u l-Assistent Direttur responsabbli għall-implementazzjoni tal-kurrikulu qed jaraw kif il-Mid-Week Project jista' jipproċedi bl-aħjar mod u jilħaq l-għanijiet li twaqqaf għalihom.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2148?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet m'għandu ebda rapport li saru xi splużjonijiet fil-barrieri ta' qrib it-tempji ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim.
Madankollu, l-Pulizija, il-Forzi Armati, kif ukoll l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, intalbu jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji b'riferenza għal din il-Mistoqsija.
Peress li mindu nħarqet l-Australia Hall partijiet ta' Pembroke baqgħu fid-dlam għax saret ħsara fis-sistema tad-dawl pubbliku, jista' l-Ministru jara li tissewwa din il-ħsara biex dawk it-toroq pubbliċi f'Pembroke jerġa' jkollhom id-dawl u jonqsu l-perikli għar-residenti ta' l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li meta nħarqet l-Australia Hall saret ħsara fil-fuse tad-dawl fi Triq El Alamein. Din il-ħsara issewwiet u bħalissa qed isir xogħol biex jiġi żgurat li l-bozoz kollha tat-triq jiffunzjonaw.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru huwiex beħsiebu jorganizza spezzjonijiet f'Malta u f'Għawdex biex jiġi żgurat li l-44 għassies assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi fil-fatt ikunu fuq ix-xogħol?
Mid-19 ta' Novembru, 1998 sal-lum saru xi spezzjonijiet simili? X'kien ir-riżultat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mid-19 ta' Novembru 1998, f'Malta ma saru ebda spezzjonijiet lill-għassiesa assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi.
Qed jiġi konsidrat kif l-aħjar jiġi assigurat li din l-għassa ssir kif suppost.
Il-Bord tal-HAC ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar meta se jlesti l-evalwazzjoni ta' l-iżvilupp dwar l-applikazzjoni 6493/98 għall-bdil ta' użu minn uffiċini professjonali għal skola tal-lingwa Ingliża f'Tas-Sliema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Heritage Advisory Committee ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar iddiskuta l-applikazzjoni PA 6493/98 fil-15 ta' Diċembru, 1998.
18.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jgħid meta se jintbagħtu s-sottomissjonijiet rikjesti mingħand id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-applikazzjoni 4818/98 dwar bdil ta' użu minn guest house għal skola ta' l-Ingliż f'Coral Reef Guest House, Tower Road, Sliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sottomissjonijiet mitluba mingħand id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-applikazzjoni 4818/98 jiġu fformulati kemm mill-Monitoring Board għall-iskejjel tat-tagħlim ta' l-Ingliż kif ukoll mill-Head of Projects tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-kummenti mitluba mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar jintbagħtu mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi pproċessata l-applikazzjoni 6511/97 fl-istadju ta' appell quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-estensjoni tal-bini ta' St. Elizabeth Convent School fi Triq Manwel Dimech, Sliema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hu mistenni li jinstema' mill-Bord ta' l-Appelli ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fis-26 ta' Jannar, 1999.
18.12.98 (2pm)
B'riferenza għall-applikazzjoni 4241/95 għall-bini ta' skola sekondarja f'Tal-Balal, f'San Ġwann, jista' l-Ministru jgħid meta hija mistennija d-deċiżjoni dwarha mill-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Jifhem il-Ministru li d-dewmien lil din l-applikazzjoni qed toħloq tbatija lill-amministraturi, ġenituri, għalliema u studenti li jridu jmorru f'dik l-iskola?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li din l-applikazzjoni hija suġġetta għal Environment Impact Assessment (EIA) skond Sezzjoni 1.1 (ii) tal-Policy and Design Guidance on Environmental Impact Assessment in Malta (May 1994). Id-deċiżjoni biex isir dan l-EIA kif ukoll Traffic Impact Statement (T.I.S.) ittieħdet fis-16 ta' Lulju, 1998, waqt laqgħa tal-Bord ta' l-Awtorita'. It-terms of reference għall-EIA kienu ukoll approvati mid-Dipartiment ta' l-Ambjent skond il-proċedura attwali. L-ewwel draft ta' l-EIS ġie sottomess lill-Awtorita' fis-26 ta' Awissu, 1998, filwaqt li l-ewwel draft ta' t-TIS ġie sottomess fis-27 ta' Awissu, 1998.
L-Awtorita' analizzat dawn iż-żewġ rapporti skond il-prattika u bagħtet il-kummenti lill-applikant fl-14 ta' Settembru, 1998. It-TIS kellu bżonn jiġi rivedut filwaqt li mill-EIA beda jirriżulta li l-art in kwestjoni setgħet kienet żgħira wisq biex takkomoda l-iskola proposta. L-applikant kien għalhekk mitlub li jiċċekkja li l-bini propost setgħa fiżikament joqgħod fuq din l-art. Fil-laqgħa li saret fit-2 ta' Diċembru, 1998, sar qbil li ssir proposta ġdida li tinkludi l-iżvilupp fuq sit akbar sabiex jiġu akkomodati l-faċilitajiet neċessarji.
Sal-lum l-Awtorita' għadha qed tistenna li dawn ir-rapporti jiġu emendati u risottomessi għall-kunsiderazzjoni tagħha u tad-Dipartiment ta' l-Ambjent.
L-Awtorita' tkun tista' tieħu deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni wara li jiġu sottomessi kemm l-EIA u t-TIS, u wara li ssir public hearing dwar il-proġett.
18.12.98 (2pm)
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-ministeri li ħadu l-inizjattiva biex iwaqqfu xi mekkaniżmu biex jispjezzjonaw l-ħaddiema tal-gvern fuq il-post tax-xogħol ħalli jiġi żgurat li qed jagħtu s-servizz li huma mħallsa għalih?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi fid-dekasteru tiegħi jeżisti
mekkaniżmu soddisfaċenti biex jara illi l-ħaddiema jagħtu s-
servizz mistenni minnhom. L-impjegati kollha għandhom is-
supervisuri rispettivi tagħhom li jagħmlu dan ix-xogħol ta'
sorveljanza.
Jekk l-Onor Membru jixtieq informazzjoni dwar Ministeri
oħra huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru
konċernat.
Ministeru għall-Ambjent — Spezzjoni fuq il-ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif se jaħdem il-mekkaniżmu għall-ispezzjonar tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol?
Kemm se jkun hemm persuni f'dan il-unit?
Meta se jibda jaħdem?
X'terms of reference għandu dan il-unit?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ispezzjonar tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol se jsir billi minn żmien għal żmien isiru spezzjonijiet għal għarrieda minn membri ta' l-Inspectorate Unit tal-Ministeru biex ikun iċċekkjat li dawk il-ħaddiema li jkunu iffirmaw li daħlu għax-xogħol ikunu fil-fatt fl-uffiċċju jew fuq il-lant tax-xogħol tagħhom. Dan jagħmluh billi flimkien mal-kapijiet u mgħallmin responsabbli mill-ħaddiema fejn tkun qed issir l-ispezzjoni jiċċekkjaw l-attendenza u jmorru jaraw fiżikament li l-ħaddiema qegħdin fuq ix-xogħol tagħhom.
Wara kull spezzjoni jsir rapport lill-Inspectorate Unit u fejn ikun il-każ jittieħdu passi dixxiplinari. Nagħmilha ċara li mhux l-impjegat li jonqos biss irid jirrispondi għal għemilu iżda anke' l-kapijiet u l-imgħallmin responsabbli minnu. Irridu naraw li kulħadd jerfa' r-responsabbilta' tal-kariga li jkun qed jokkupa.
Il-unit se jkun immexxi mis-Segretarju Permanenti u magħmul mill-ogħla uffiċjali fil-Ministeru. Il-Unit ser jibda jaħdem mix-xahar id-dieħel. Ser tinħareġ Ċirkulari mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru biex titqassam fost il-ħaddiema ħalli dawn ikunu infurmati bit-twaqqif ta' dan il-unit.
It-terms of reference tiegħu se jkunu dawn:
1. biex jieħdu inizjattivi li jidhirlu xierqa, inkluż
spezzjonijiet għal għarrieda, ħalli jassigura illi
l-ħinijiet tax-xogħol qed jiġu osservati;
2. jara li l-ħaddiema li jkunu iffirmaw li daħlu
għax-xogħol ikunu fil-fatt fl-uffiċini jew fuq
il-lant tax-xogħol tagħhom;
3. jissottometti rapport wara kull spezzjoni li ssir
fl-uffiċini jew fuq il-lantijiet tax-xogħol;
4. jagħmel suġġerimenti dwar kif il-kapijiet u
l-imgħallmin jistgħu jiġu mgħejjuna fl-infurzar
ta' l-osservanza tal-ħinijiet tax-xogħol
mill-ħaddiema li jaqgħu taħthom;
5. jagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet li jidhirlu xierqa.
Jista' l-Ministru jgħid x'rabtiet hemm mal-ħsieb li jsiru bejn l-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi u l-Universita'?
Ma' liema fakulta' se jsiru dawn ir-rabtiet?
X'rikonoxximent mill-Universita' qed jitlob l-istitut għall-korsijiet tiegħu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kif jaf l-Onor. Membru matul dawn l-aħħar erba' snin diġa' kien hemm rabta bejn l-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi u l-Universita'. Dan fis-sens li dawk l-istudenti ta' l-Istitut li jġibu d-'Diploma' fil-'Hotel Administration' setgħu u għadhom jistgħu jkomplu l-istudju tagħhom fl-Universita' billi jidħlu dritt fit-Tielet Sena tal-Kors tal-'B. Comm. (Hons)' fit-Turiżmu. Jirriżulta, madankollu, li minħabba fl-aħħar sentejn l-'academic entry qualifications' għall-kors fil-'Hospitality Studies' fl-Istitut ma stipulawx li student irid ikollu ta' l-inqas żewġ 'A' levels, dawn mhux qed jitħallew jidħlu fl-Universita' għall-'B. Comm. (Hons)' minħabba li l-Universita' tirrikjedi minimu ta' żewġ 'A' level 'passes'. Għaddejjin taħditiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet biex tinstab soluzzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti mal-ministeru min-naħa ta' persuni mill-Indja dwar it-traġedja ta' l-għarqa tal-Yiohan f'Diċembru 1996?
X'għajnuna ntlabet u x'għajnuna ngħatat?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-qraba tal-vittmi ta' din it-traġedja ħolqu Għaqda bl-isem ta' 'Malta Boat Tragedy Sufferers' Association'.
Permezz tal-Gvern Indjan huma talbu li jibagħtu delegazzjoni fl-Italja, il-Greċja u Malta biex tiġbor tagħrif mill-viċin dwar l-istħarriġ li sar f'dan il-każ.
Il-Ministeru tiegħi ta l-permess meħtieġ u għamel l-arranġamenti li kien hemm bżonn biex delegazzjoni ta' erba' min-nies żaret Malta x-xahar li għadda u ltaqghet ma' l-awtoritajiet kompetenti li kellhom sehem mill-qrib fl-istħarriġ ta' din il-ġrajja traġika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li matul l-1999 jiftaħ il-mużew tal-kostumi bl-esebiti li kien hemm fl-wirja tal-Patrimonju Malti?
Fejn hemm il-ħsieb li jiftaħ dan il-mużew?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li qed tkompli tinxtered l-politika inklussiva fl-edukazzjoni u tfal b'diżabilita' qed jattendu fi skejjel hekk imsejħa normali, hemm il-ħsieb li jingħata aktar permess biex jidħlu aktar f'pajjiżna mezzi tat-trasport bil-lifter li jkunu jistgħu jġorru studenti b'diżabilita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-settur tal-vetturi b`lifter biex fihom jivvjaġġaw persuni bi ħtiġijiet speċjali, hu liberaliżżat u permessi jingħataw skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku.
Dan is-settur ilu liberaliżżat aktar minn sena u nofs u hu ta` dispjaċir li wieħed jinnota li għalkemm kien hemm numru ta` operaturi li talbu kopja tal-kundizzjonijiet mingħand l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku bil-ħsieb li jiksbu minn dawn il-vetturi, kien hemm biss operatur wieħed li ġab xi vetturi.