Jista' l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jieħu l-passi meħtieġa biex fis-Swieqi jonqsu l-perikli li hemm għal dawk li joħorġu bil-karozza min-naħa tal-Green Grove Guest House u minn taħt il-bridge għal Regional Road? Jistgħu jsiru traffic lights f'dawn iż-żewġ postijiet fis-Swieqi?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
14.01.99
B'riferenza għal dak li hemm f'paġna 70 tad-diskors tal-Budget 1999 fejn jingħad:
"Se nitkellmu mal-unions biex nindirizzaw il-problema ta' nies żejda f'ċerti gradi.".
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew il-laqgħat mal-unions dwar din it-tema? Min se jmexxi dawn il-laqgħat min-naħa tal-Gvern? Il-Gvern kemm jaħseb li għandu ħaddiema żejda u f'liema gradi qegħdin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi l-laqgħat mal-Unions dwar nies żejda
f'ċerti gradi sejrin jibdew fl-ewwel tlett xhur ta' din is-
sena.
Dawn id-diskussjonijiet, li sejrin jitmexxew mill-
Management and Personnel Office għan-naħa tal-Gvern, sejrin
jiġu nkwadrati fil-qafas ta' eżerċizzju li diġa nbeda, u
li qiegħed jiffoka fuq il-kapaċitajiet tal-ħaddiema fil-
gradi ndustrijali u kif dawn il-kapaċitajiet jistgħu jiġu
żviluppati u wżati b'mod aktar effiċenti u effettiv.
In-numri dwar iż-żejjed u n-nieqes fil-kapaċitajiet ta'
dawn il-ħaddiema għall-ħtiġijiet ta' l-operat tal-Gvern
jiġu determinati meta dan l-eżerċizzju, kif ukoll il-
laqgħat mal-Unions, jilħqu stadju aktar avvanzat.
Il-Bord ta' l-Appell ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar meta beħsiebu jikkonsidra s-sottomissjoni dwar l-applikazzjoni 4801/97 biex il-guest house Green Arches fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar tinbidel fi skola li tgħallem l-Ingliż lil barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li Appell Numru 527/98 dwar l-applikazzjoni msemmija, ġie diferit għad-deċiżjoni, wara li l-perit ta' l-appellant, fit-13 ta' Novembru 1998, għamel is-sottomissjonijiet tiegħu.
Ninsab infurmat ukoll li d-deċiżjoni dwar dan, ser tingħata fil-futur qarib.
14.01.99
Min-naħa tal-Ministeru sar xi studju ta' l-impatt tal-VAT fuq ir-ristoranti u l-livell ta' prezzijiet u kompetittivita' u kif dan jolqot il-qasam turistiku f'pajjiżna?
Ma' liema pajjiżi sar l-istudju komparattiv, jekk sar?
Jekk dawn l-istudji saru, x'kienu l-konklużjonijiet tagħhom?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kif kelli okkażjoni ngħid qabel, mhux mistenni li jkun hemm xi impatt partikulari fuq l-andament ta' l-industrija tat-turiżmu bħala riżultat ta' l-introduzzjoni tal-VAT. Meta wieħed iqis li diġa kellna sentejn esperjenza bejn l-1995 u l-1996 dwar l-effett tal-VAT fuq is-settur turistiku ma kienx hemm għalfejn isir studju speċifiku bħal dak imsemmi fil-Mistoqsija.
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Membru li filwaqt li hu semma biss l-ikel fir-ristoranti, tajjeb li wieħed ifakkar li r-rata ta' taxxa għall-akkomodazzjoni fil-lukandi tħalliet bil-5 fil-mija f'dik li hi l-'lodging' u l-ikel tat-turist sa 'full-board'. Għat-turisti li jiġu fuq pakketti 'all inclusive', titħallas it-taxxa ta' 5 fil-mija fuq 80 fil-mija tal-pakkett. Barra minn dan, il-lukandi bl-akkomodazzjoni sa 'full-board' ser jieħdu 'refunds' fuq kollox, b'kuntrast ma dak li kien jiġri fis-sistema tas-CET fejn it-taxxa effettiva fuq l-akkomadazzjoni kienet fil-fatt aktar għolja minn 5 fil-mija. Meta tieħu kollox flimkien, huwa mistenni li l-industrija tat-turiżmu f'pajjiżna ser tibqa' kompetittiva.
Dan jikkonfermawh ukoll iċ-ċifri ta' hawn taħt li jqabblu r-rata ta' VAT f'Malta ma' diversi pajjiżi fil-Mediterran li għandhom industrija kbira tat-turiżmu.
Rata ta' VAT Akkomodazzjoni Ikel Night
fil-Lukandi Barra Club
Greċja 18 8 8 18
Spanja 16 7 7 16
Portugal 17 5 17 17
Turkija 23 15 15 23
Malta 15 5 15 15
'Source: EU Commission; Deloitte Touche Tohmatsu International'
Ta' min isemmi wkoll li attivitajiet kulturali f'pajjiżna huma eżenti mill-VAT b'kuntrast ma' dak li hemm f'diversi pajjiżi oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-pulizija ntalbet tinvestiga jekk sarux splużjonijiet fil-barrieri qrib it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra fl-aħħar tliet xhur?
Fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija?
X'kienu l-konklużjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi permezz ta' ittra li ġġib id-data tal-10 ta' Diċembru 1998, l-Aġent Direttur tal-Mużewijiet, kien talab lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex isiru nvestigazzjonijiet ħalli jiġi stabbiilit jekk kienx sar użu ta' splussiv fil-barrieri qrib it-tempji ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim. Dawn l-investigazzjonijiet għad m'humiex konklużi.
13.01.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk tul l-aħħar xahar l-Armata ntalbitx tinvestiga jekk sarux splużjonijiet fil-barrieri qrib it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra?
Fiex waslu l-investigazzjonijiet ta' l-Armata?
X'kienu l-konklużjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li f'Diċembru ta' l-1998 l-Armata ntalbet
tagħmel investigazzjoni dwar is-suġġett imsemmi fil-
mistoqsija.
L-awtoritajiet ta' l-Armata ħassew li tali nvestigazzjoni
ma kenitx taqa taħt il-kompitu tagħhom, iżda xorta waħda
ġabru xi tagħrif relevanti u għaddewh lid-Dipartiment
konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' l-impatt tal-VAT fuq il-qasam tal-manifattura li jipproduċi għas-suq lokali?
Jekk sar dan l-istudju, x'wera dwar l-impatt tal-VAT?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Saru diversi diskussjonijiet mal-korpi kostitwiti, fosthom il-Federazzjoni ta' l-Industriji u l-Kamra tal-Kummerċ, dwar l-impatt tal-VAT fuq il-qasam tal-manifattura li jipproduċi għas-suq lokali.
Għadu mhux iż-żmien opportun li wieħed jagħti dettalji peress li l-Gvern għadu qed jistenna r-reazzjoni ta' dawn il-korpi kostitwiti. Tajjeb wieħed jgħid li l-istess korpi kostitwiti huma favur l-introduzzjoni tal-VAT.
Irid jingħad ukoll li fis-sistema tal-VAT hemm kontemplata l-introduzzjoni tar-refunds li ser ikollha effett pożittiv fuq l-investiment fil-qasam tal-manifattura u l-kummerċ in ġenerali.
Barra minn dan meta fl-1995 daħlet fis-seħħ is-sistema tal-VAT, kienu saru diversi studji dwar l-impatt tal-VAT, liema studji kienu ġew ippubblikati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fit-18 ta' Diċembru, 1998 uffiċjali tal-HCEB daru ristoranti u staqsew għal kopja tal-menu?
F'kemm-il ristorant marru u f'kemm jiem kienu mifruxa dawn iż-żjajjar?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li l-ġbir tal-menus huwa parti mix-xogħol normali li jagħmlu l-uffiċjali tat-Taqsima ta' l-Ispettorat ta' l-Hotels and Catering Establishments Board l-istess bħal spezzjonijiet li jsiru biex jikkontrollaw l-iġjene, is-servizz u l-operat ġenerali.
Ninsab infurmat ukoll li dawn l-uffiċjali żaru l-maġġoranza ta' l-istabbilimenti li jservu l-ikel, madwar 500, li kienu miftuħin għall-pubbliku fl-aħħar ħmistax ta' 1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jitħallas il-perit, li ismu qed jintbagħat separatament, tad-disinji għaċ-Ċentru ta' l-Arti fil-Belt?
Fuq liema kriterji ġie magħżul dan il-perit biex jagħmel dawn id-disinji?
Għaliex persuni oħra ma ngħatawx l-opportunita' biex jagħmlu proposti għal dawn id-disinji?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onoroveli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 758, 1230, 1645, 2026 u 2362.
Għaliex waqt li fil-Budget 1994 il-Ministru argumenta li biex ma jkunx hemm evażjoni tal-VAT m'għamilx thresholds waqt li f'dak tal-Budget 1999 ħabbar thresholds għall-VAT? Jaħseb il-Minsitru li issa ma jgħinux fl-evażjoni dawn it-thresholds?
Response (DALLI, JOHN)
Fl-ewwel introduzzjoni tal-VAT kien importanti li ma jsirux thresholds biex nassiguraw li fir-reġistrazzjoni tinqabad l-attivita ekonomika kollha fil-pajjiż. Dak iż-żmien konna għidna li kellna nikkonsidraw l-introduzzjoni tat-thresholds aktar il-quddiem.
Fl-1997 il-liġi li daħħal Gvern Laburista ntroduċiet it-thresholds. Il-liġi l-ġdida tal-VAT tirrifletti dan l-istat ta` fatt.
Jista' l-Ministru jgħid liema korpi kostitwiti, trade unions u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ġew ikkonsultati fit-tfassil tal-liġi tal-VAT? F'liema dati saru dawn il-laqgħat ta' konsultazzjonijiet?
X'fehmiet ressqu l-għaqdiet li ġew ikkonsultati?
Liema fehmiet ġew aċċettati?
Response (DALLI, JOHN)
Waqt it-tfassil tal-liġi tal-VAT, il-Gvern kellu konsultazzjonijiet ma` dawn l-għaqdiet.
- Il-Federation of Industry.
- Il-Chamber of Commerce.
- Il-General Retailer and Traders Union.
- Il-Malta Hotels and Restaurants Association.
- Il-Malta and Gozo Restaurant and Hotels Association.
- Il-Federation of Hotels, Pensions and Catering Establishments.
- Il-Malta Institute of Accountants.
- Il-Association of Local Councils.
- Il-General Workers Union.
- Il-Union Ħaddiema Magħqudin.
- Il-Confederation of Maltese Trade Unions.
Dawn il-konsultazzjonijiet saru bejn id-19 ta` Ottubru u t-23 ta` Novembru 1998. Kif wieħed jista` jobsor, kull għaqda ressqet il-fehmiet u l-aspettativi tal-membri li tirrapreżenta fir-rigward ta` l-introduzzjoni mill-ġdid tal-liġi tal-VAT liema fehmiet f`ħafna każi kienu jaqblu.
F`sitwazzjoni dinamika ta` konsultazzjoni m`hux il-każ li jinżammu listi ta` fehmiet li ġew aċċettati bħalli kieku l-pożizzjonijiet kienu opposti jew statiċi.
X'irriżulta lill-Ministru wara li hu u uffiċjali għolja tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dan l-aħħar żaru l-iskola speċjali tal-Qrendi? X'passi se jittieħdu dwar it-talbiet imqajma mill-ġenituri u l-istaff ta' l-iskola? X'kienu dawn it-talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Fit-3 ta' Diċembru 1998, żort l-iskola tal-Qrendi fejn iltqajt mal-Kap, l-għalliema, impjegati u mal-ġenituri.
It-talbiet tal-ġenituri kienu;
1. Trasport adekwat
2. Nuqqas ta' staff
3. Nuqqas ta' spazju
4. Taħriġ ta' għalliema
5. Rappreżentanza fuq il-Kunsill ta' l-Iskola billi jidħol
ġenitur li għandu tifel/tifla/tfal neqsin mill-vista.
Passi li ttieħdu
1. Tfal li ma kellhomx trasport temporanjament qegħdin
jiġu mwassla mid-dar għall-Iskola bi trasport alternattiv.
2. Għalkemm kienu ħarġu applikazzjonijiet għal għalliema f'
din l-Iskola, ħadd ma kien applika. Minn Jannar ta' din
is-sena għalliem kwalifikat fit-tgħlim ta' l-għomja se
jintbagħt biex jgħin, sakemm toħroġ applikazzjoni oħra.
3. Dwar rappreżentanza fuq il-kunsill, il-Kap ta' l-Iskola
kellha tressaq din it-talba quddiem il-membri l-oħra
tal-Kumitat.
4. Ħassejt li dawn il-problemi għandhom bżonn soluzzjoni
fit-tul. Hemm bżonn ta' pjan ta' żvilupp serju u
professjonali u għalhekk il-kwestjoni bdiet tiġi diskussa
fil-Kumitat Ministerjali dwar Edukazzjoni Inklussiva
fil-kwadru tal-futur ta' l-iskejjel speċjali.
Jista' l-Ministru jgħid liema ġenituri ta' liema studenti ta' skejjel speċjali ntalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar jekk iridux lill-uliedhom fi skejjel speċjali jew jiġu ntegrati fi skejjel mainstream?
Kif wieġbu l-ġenituri dwar dawn il-mistoqsijiet?
X'konklużjonijiet ġibed il-Ministeru dwar dawn it-tweġibiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Taqsima ta' l-Edukazzjoni Speċjali qatt ma talbet lil xi ġenituri ta' studenti bi bżonnijiet speċjali biex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar jekk iridux lil uliedhom fi skejjel Speċjali jew jiġu ntegrati fi Skejjel 'Mainstream'. Nirreferi wkoll għat-tweġiba għall-Mistoqsija preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu wara li l-Ministru ordna li uffiċjali tad-Dipartiment tat-Toroq jispezzjonaw it-triq li minn Burmarrad tieħu għal Wardija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq diġa għamel spezzjoni fuq it-triq imsemmija liema triq jeħtieġilha xogħol estensiv.
Id-Dipartiment ra x`passi jistgħu jittieħdu biex din it-triq issir aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ir-rapport imsemmi fid-diskors tal-Budget 1999 dwar l-impatt tal-VAT fuq l-għoli tal-ħajja?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
M`għandi xejn x`inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija 2751.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jieħu xi inizjattivi biex ikollu mekkaniżmu biex jispezzjona l-ħaddiema tal-gvern fuq il-post tax-xogħol ħalli jiġi żgurat li qed jagħtu s-servizz li huma mħallsa għalih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mis-Servizz Pubbliku.
11.1.99
Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji — Deċiżjonijiet
Question
S'issa, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu deċiżjonijiet mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji mindu twaqqaf?
Liema każi ġew deċiżi u f'kull każ x'kienet id-deċiżjoni?
Kemm fadal każi pendenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li minn meta twaqqaf it-Tribunal għall-
Investigazzjoni ta' Inġustizzji sal-24 ta' Diċembru 1998,
ingħataw 77 sentenza finali u 12-il sentenza parzjali. Qed
inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, lista tal-każi kollha
deċizi u d-deċizjoni mogħtija mit-Tribunal f'kull każ.
Sas-6 ta' Jannar 1999 kien hemm 1173 applikazzjonijiet
pendenti.
Peress li fid-diskors tiegħu għall-Budget 1993, il-Ministru ħabbar li għall-ħames snin li kienu ġejjin kellu l-mira li jżomm id-deficit pubbliku f'livell ta' 3% tal-prodott gross domestiku, jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex bejn l-1992 u l-1996 din il-mira mhux talli ma ntlaħqitx iżda ttriplat?
Response (DALLI, JOHN)
Fond Konsolidat
Attwali 1992 1993 1994 1995 1996
Dħul Ordinarju 332.8 374.7 397.6 459.3 447.2
Infiq Rikurrenti 325.9 364.8 405.1 446.6 498.0
Infiq Kapitali 58.0 59.7 62.3 70.3 73.5
Deficit Strutturali 51.1 49.8 69.8 57.6 124.3
Għotjiet 16.4 8.4 12.9 4.5 20.8
Ħlas lura ta`
Self tal-Gvern 8.5 12.7 5.9 9.0 0.3
Bejgħ ta` ishma 0.5 0.7 12.6 14.6 0.09
Deficit Finanzjarji 25.7 28.0 38.4 29.5 103.1
GDP 874.7 940.0 1028.5 1145.5 1201.3
% 2.9 3.0 3.7 2.6 8.6
Kif diġa għidna fid-Diskors tal-Budget għall-1999, biex stajna nidentifikaw il-fissuri strutturali fil-finanzi pubbliċi, morna lura għas-sena 1985, u mill-istatistika finanzjarja tul dawn is-snin kollha, bnejna sena b`sena d-dħul ordinarju attwali u l-infiq rikurrenti u dak kapitali attwali. Minn dan l-analiżi, li tiegħu qed nipproduċi hawn fuq il-figuri relevanti għas-snin li semma l-Onorevoli Interpellant, jidher li kontroll fuq id-deficit kien fil-fatt qed isir. Dan jidher aktar ċar meta irnexxilna nniżżluh għall-medja ta` 3.0% bejn l-1992 u l-1995 minn medja ta` 5.1% fit-3 snin ta` qabel.
Rigward l-1996, diġa tajt raġunijiet għaliex spiċċat kif spiċċat, imma ta` min jgħid:
1. l-interattivita tat-titjib fil-pensjonijiet li sar mill-1987 sa dak in-nhar mar-riforma fis-servizz ċivili li kkawżat żieda qawwija mhux biss fis-salarji imma wkoll fil-pensjonijiet;
2. bejgħ ta` ishma li kien proġettat u li ma sarx għax dak inhar intqal li kien `kontra l-policy tal-Gvern` Laburista ġdid;
3. l-eżerċizzju tal-MDD li kien ippjanat għall-1996 u li ma sarx f`dik is-sena imma tħalla għas-sena ta` wara biex iċ-ċifri dehru kif dehru;
4. in-nuqqas ta` dħul mit-taxxa tal-VAT, b`riżultat tal-politiċiżżazzjoni ta` din is-sistema ta` tassazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi mfassla u jittieħdu inizjattivi flimkien mal-ministeri l-oħra tal-politika soċjali u ta' l-edukazzjoni biex niffaċċjaw il-problemi ta' addoloxxenti u ż-żgħażagħ li qabdu minn kmieni ħafna t-triq tal-kriminalita'?
Response (BORG, TONIO)
Saru diversi laqgħat bejn Sedqa u l-pulizija dwar l-aħjar metodi ta' prevenzjoni li wieħed jista' jieħu. F'dawn il-laqgħat l-pulizija jgħaddu l-esperjenzi tagħhom li żgur jgħinu biex jitfasslu inizjattivi ġodda f'dan il-qasam.
21.12.98 (am)
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex tiġi solvuta l-problema kbira ta' l-intiena ħierġa mill-pompa tad-drenaġġ li hemm ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar?
Hemm xi ħjiel meta se jsir dan ix-xogħol tant meħtieġ biex titneħħa t-tbatija għal dawk li jitgħallmu, jgħallmu, jaħdmu u jmexxu din l-iskola?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-intiena li ħierġa mill-pumping station li hemm ħdejn l-iskola ta' San Pawl il-Baħar hija kkawżata mill-ħruġ ta' gassijiet li qegħdin jinġemgħu fis-sistema tad-drenaġġ ta' madwar Buġibba u San Pawl il-Baħar, u li finalment jispiċċaw fil-pumping station hawn fuq imsemmija.
Sabiex din l-intiena tiġi eliminata darba għal dejjem, dawn il-gassijiet iridu jiġu ttrattati jew meqruda, u dan jirrikjedi l-installar ta' sistema ta' purifikazzjoni. Sfortunatament id-Dipartiment la għandu l-mezzi u lanqas ir-riżorsi meħtieġa biex din is-sistema tiġi mplimentata.
Għaldaqstant iridu jsiru studji apposta fuq dan is-suġġett.