Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2999 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' membri fil-Korp tal-Pulizija llum? Kemm minnhom huma nisa? Kemm hemm vakanzi f'kull grad tal-Korp? Meta se jimtlew dawn il-vakanzi?

Response (BORG, TONIO)

Rigward l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fil-31 ta' Diċembru, 1998, in-numru totali ta' membri fil-Korp tal-Pulizija u n-numru ta' dawk fosthom li huma nisa, huwa stess kif jidher fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1929 f'Seduta 24. Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2879 f'Seduta 49. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ewwel parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3043 f'Seduta 52. 20.01.99
Leg 9 PQ #3013 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut Tekniku M.A. Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li applikaw fl-Istitut tekniku M.A. Sapiano biex joqogħdu għall-eżami Applied Information Technology tas-City & Guilds? Kemm hemm għalliema f'dan is-suġġett f'dan l-istitut? Mindu bdiet is-sena skolastika kemm kien hemm lezzjonijiet bla għalliema f'dan is-suġġett f'dan l-istitut?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 25 student mill-Istitut Tekniku Mikielanġ Sapiano li applikaw biex joqgħodu għall-eżami ta' l-ewwel sena ta' l-Applied Information Technoloġy. Hemm erba' għalliema li jgħallmu suġġetti direttament marbuta mal-kors, filwaqt li hemm ħamsa oħra li jgħallmu suġġetti anċillari f'dan il-kors. Hemm nuqqas ta' għalliem f'wieħed mis-suġġetti. Saru u għadhom isiru tentattivi biex tinstab persuna adatta biex tgħallem dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #3014 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet tas-City & Guilds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li applikaw biex jagħmlu l-eżamijiet tas-City & Guilds fis-sessjoni li ġejja? F'liema suġġetti? Kemm kien hemm studenti f'kull suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-reġistrazzjoni għall-eżamijiet tas-City and Guilds Mejju/Ġunju 1999 kienet bejn it-30 ta' Novembru u l-14 ta' Diċembru 1998. Billi l-proċess kollu ta' reġistrazzjoni għadu mhux konkluż, L-informazzjoni mitluba tingħata hekk kif il-proċess kollu jkun intemm.
Leg 9 PQ #3015 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet f'Mejju/Ġunju li ġej: a) tas-SEC u tal-Matsec f'livell ordinarju, intermediate u avvanzat; b) ta' bordijiet barranin? Kemm minnhom huma subien u kemm bniet? Kemm minn dawn l-istudenti huma mill-iskejjel: i) ta' l-istat; ii) tal-Knisja; u iii) indipendenti? F'liema suġġetti saru l-applikazzjonijiet u kemm hemm studenti għal kull suġġett differenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-proċess ta' l-applikazzjonijiet għadu mhux komplet, it-tagħrif mitlub għadu ma jistax jiġi kompilat.
Leg 9 PQ #3016 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Matul l-1998, jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-pulizija spiċċa minħabba: 1) li laħaq eta' ta' 60 sena; 2) għamel 25 sena servizz jew aktar; 3) li telaq qabel l-eta' ta' 25 sena; u 4) li tkeċċa mill-pulizija? Kemm, f'kull każ, kienu membri nisa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li spiċċaw mis-servizz matul l-1998 għar-raġunijiet speċifikati mill-Onor. Interpellant kienu kif ġej : Irġiel Nisa ------ ---- a. bl-eta' ta' 60 sena 7 xejn b. wara 25 sena servizz 33 xejn c. qabel l-eta' ta' 25 sena 5 2 d. tkeċċew 3 xejn 20.01.99
Leg 9 PQ #3024 Sitting 53 1999-01-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Lezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jiġbed l-attenzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex l-uffiċjal inkarigat ikellem lill-għalliema, li isimha qed jintbagħat separatament, biex waqt il-lezzjonijiet tagħha ma tagħmilx rimarki partiġjani anti-laburisti ma' l-istudenti tagħha għax żgur mhux mod kif nedukaw lill-istudenti tagħna f'kuxjenza politika sana?

Response (GALEA, LOUIS)

Naqbel li rimarki politikament partiġjani minn għalliema waqt il-qadi ta' dmirijiethom fit-tagħlim ta' kwalunkwe suġġett imorru kontra l-proċess edukattiv u huma ta' eżempju ħażin għall-istudenti. Fil-każ imqanqal mill-Onor. Membru, l-għalliema konċernata tiċħad kategorikament li hi tagħmel rimarki partiġjani anti-laburisti ma' l-istudenti tagħha. Din l-għalliema tgħallem l-Istudji Soċjali li fih tiġi diskussa l-politika iżda mhux b'mod partiġjan. Wieħed irid jikkonsidra wkoll kif l-istudenti jipperċepixxu l-kontenut oġġettiv tal-lezzjonijiet qabel wieħed jasal għal ċertu konklużjonijiet.

Żgħażagħ kriminali — Istituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu mfassla u jittieħdu inizjattivi mal-ministeri l-oħra biex niffaċjaw il-problemi ta' adoloxxenti u żgħażagħ li qabdu minn kmieni ħafna t-triq tal-kriminalita'? Hemm xi ħsieb li jkollna xi istituzzjoni li taħseb speċifikament għall-bżonnijiet ta' dawn l-adoloxxenti u żgħażagħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm diġa' ttieħdu xi inizjattivi tat-tip proposti mill-Onor. Membru, naqbel perfettament mas-suġġeriment li dan huwa qasam li jinħtieġlu aktar ħsieb u aktar attenzjoni. B'mod aktar speċifiku, l-Aġenzija Sedqa ilha tħoss il-ħtieġa ta' programm għal żgħażagħ li jinqabdu f'rejati kriminali relatati mad-droga w l-alkoħol. Tant hu hekk, li fl-20 ta' Jannar, 1997, kienet bdiet programm jismu SPARK, li l-għan tiegħu kien li jgħin liż-żgħażagħ li jkunu qabdu din it-triq, jirriformaw ruħhom u jiżviluppaw bħala persuni sani u soċjalment sodi. Il-programm kien jipprovdilhom attivitajiet rikrejattivi, sportivi u edukattivi, sabiex jittrawmu u jittħejjew għall-ħajja xierqa, l-bogħod mill-kriminalita'. Iżda, minħabba n-numru żgħir ta' żgħażagħ li kienu jiġu riferuti għal dan il-programm, ma' baqax ekonomikament vijabbli li jitkompla, u kellu jitwaqqaf. Issa, minn din is-sena hemm il-ħsieb li jitwettaq servizz ta' 'Prevenzjoni Sekondarja' li fin-natura tiegħu hu intenzjonat li jindirizza l-ħtiġijiet ta' żgħażagħ li jkunu f'riskju w aktar vulnerabbli għal problema tad-droga w alkoħol. Dan is-servizz għandu wkoll jibni fuq relazzjonijiet inter-dipartimentali. Fl-istess waqt, l-Aġenzija Sedqa għaddejja b'diskussjonijiet mall-Puluzija, bil-ħsieb li 'First Offenders' jiġu offruti servizz speċifikament għalihom. Barra minn hekk, fuq suġġeriment tal-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ, li jittratta ma' każijiet ta' Ordni tal-Ħarsien taż-żgħażagħ, tħejjiet proposta dettaljata dwar il-possibilita' li jiġi mwaqqaf 'Secure Therapeutic Establishment' għas-subien adolexxenti, issa li għall-bniet adoloxxenti diġa' nbeda l-Programm Fejda. Il-bżonn ta' post bħal dan inħass ukoll mill-Qorti tal-Minorenni li esprimiet kemm-il darba d-diffikulta' tagħha x'tista' tagħmel b'ċerti żgħażagħ li jidru quddiemha u li ma tkunx tixtieq li tibgħathom il-ħabs minħabba l-eta' tagħhom. Hemm bżonn ukoll li tiġi kkunsidrata il-possibilita' li l-Qorti tal-Minorenni tingħata kompetenza usa kif ukoll aktar poteri biex il-ħarsien u l-protezzjoni ta' minuri jkunu aktar salvagwardjati. 19.1.99
Leg 9 PQ #2980 Sitting 52 1999-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Privati - Miżati

Question

Peress li fi stadju ta' kumitat waqt id-diskussjoni tal-liġi tal-VAT il-Ministru tal-Finanzi qal li bid-dħul ta' din it-taxxa se jonqsu sostanzjalment l-ispejjeż ta' l-iskejjel privati, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel li dan se jwassal biex jonqsu l-miżati li jiċċarġjaw dawn l-iskejjel lill-istudenti li jattendu fihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-'component' ewlieni ta' l-ispejjeż rikurrenti ta' l-iskejjel huma l-pagi u s-salarji ta' l-impjegati, u mhux previst li l-pagi u s-salarji jonqsu, ma jirriżultalix li xi skola privata ser tnaqqas il-miżati.
Leg 9 PQ #2981 Sitting 52 1999-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Sparar fuq għasafar protetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kuntatti u x'rapporti saru lill-Ministeru u lill-pulizija mill-għaqda Birdlife Malta dwar abbużi minn kaċċaturi li sparaw fuq speċi ta' għasafar protetti u li daħlu f'santwarji bħal Buskett bejn l-10 ta' Settembru, 1998 u llum? X'passi ttieħdu wara dawn il-kuntatti u rapporti?

Response (BORG, TONIO)

Saru żewġ laqgħat mal-Birdlife Malta. L-ewwel laqgħa saret fis-17 ta' Novembru, 1998. F'din il-laqgħa ġew diskussi problemi ta' infurzar tar-regolamenti dwar il-kaċċa. Ġiet ukoll diskussa l-possibilita' illi fil-Ħarifa u r-Rebbiegħa, biex jiġu evitati abbużi, tissaħħaħ temporanjament l-A.L.E. f'dawn l-istaġuni. It-tieni laqgħa saret fil-15 ta' Jannar, 1999, mal-Prim Ministru. Għal din il-laqgħa kont preżenti jien ukoll u fiha ġew dikussi suġġetti simili. Fil-11 ta' Settembru, 1998, sar rapport mill-Birdlife dwar abbuż fil-Buskett fl-Għassa tar-Rabat. Saret inspection mill-Pulizija, iżda r-riżultat kien fin-negattiv. 19.01.99
Leg 9 PQ #2983 Sitting 52 1999-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħaġar Qim — Tempju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ir-rapport mitlub dwar il-ħsarat li ġraw fit-tempju ta' Ħaġar Qim dan l-aħħar? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-rapport dwar jil-ħsarat li ġraw fit-tempju ta' Ħaġar Qim dan l-aħħar issa tlesta. Minn dan ir-rapport, wieħed għandu jifhem li waqt li l-parti mġarrfa tista' tiġi rrestawrata, xorta waħda għad hemm periklu serju li jiġru krolli oħrajn f'setturi oħra tat-tempji megalitiċi, kemm il-darba ma jsirux interventi serji u fil-futur qrib. Informat ukoll li l-UNESCO diġa' approvat li jingħataw $72,000 mill-fond ta' emerġenza għal siti ta' patrimonju dinji. Kopji ta' dawn id-dokumenti ser jipoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #2998 Sitting 52 1999-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri fuq akkużi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija u ta' liema rank huma li llum qed jistennew biex jgħaddu proċeduri fil-Qrati Maltin? F'liema stadju wasal kull każ? Fuq liema akkużi qegħdin quddiem il-Qrati? Dawn il-membri tal-Korp tal-Pulizija kollha huma sospiżi mid-doveri tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 20.01.99
Leg 9 PQ #2971 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Palazz tal-President — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sehem qed ikollhom l-awtoritajiet tal-Mużewijiet fis-sorvelja tax-xogħol li qed isir fuq il-fresco tal-Paladini fil-Palazz fejn jiltaqa' il-Parlament? X'xogħol sar s'issa? Xi jmiss isir? X'sigurta' qed ikun hemm fejn qed isir ix-xogħol? Ta min hi r-responsabbilta' tal-post waqt li qed isir ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kappella antika tal-Palazz, mibnija mill-Gran Mastru Verdalle - illum magħrufa bħala l-kappella tal-Paladini minħabba l-affreski li għamel fiha dan l-artist, u li kienu gravament iddanneġġati bil-bombardamenti ta' żmien il-gwerra 1940 - 1945 - ilhom fil-ħsieb ta' l-awtoritajiet tal-Mużew minn wara l-gwerra. Fil-fatt, fl-1971 saret investigazzjoni mill-Istituto Centrale del Restauro ta' Ruma. Sar ukoll rapport minn Paolo Mora. Fl-1981 saret investigazzjoni u rapport ieħor minn personnel imqabbad mill-ICROM. Pero' minħabba li l-operazzjoni kienet tirrikjedi grad għoli ta' expertise, kif ukoll ta' equipe li jaħdmu flimkien - li kollox naturalment jirrikjedi finanzjament sostanzjali - dawn iż-żewġ attentati ta' restawr qatt ma mxew il-quddiem iktar mill-istadju ta' l-investigazzjoni preliminari. Fl-1997, il-ko-ordinatur tal-Valletta Rehabilitation Project għamel kuntratt ma' rappreżentant għoli tal-Getty Foundation li wrew interess li jiffinanzjaw proġett ta' restawr artistiku f'Malta. Lura f'Malta, il-ko-ordinatur tal-VRP ikkuntattja lill-Kuratur tal-Mużew ta' l-Arti li mill-ewwel irrakkomanda l-Kappella antika tal-Palazz u l-affreski ta' l-Assedju ta' Matteo Perez d'Aleccio. F'Mejju 1997, wasal Malta Dr Giora Solar (Director - Special Project) tal-Getty Foundation Institute li spezzjona ż-żewġ proġetti proposti. F'Novembru 1997, ġew Malta l-istaff tekniku li eżaminaw mill-viċin iż-żewġ ċikli ta' affreski u għamlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Il-Getty Foundation għażlet li tiffinanzja l-proġett tal-Kappella tal-Paladini, u għal din l-operazzjoni ġie kkummisjonat il-Laboratorju tar-Restawr tal-famuż Courtauld Institute f'Londra. Il-proġett ser jitwettaq f'serje ta' kampanji ta' 3 jew 4 ġimgħat għat-tlitt snin li ġejjin, jew aktar skond kif ix-xogħol ikun meħtieġ. Matul l-ewwel fażi ta' din l-operazzjoni, teknikament komplessa ħafna - l-ewwel waħda mid-19 ta' Novembru 1998 sat-18 ta' Diċembru 1998, u l-oħra li ser issir mill-25 ta' Jannar 1999 sad-19 ta' Frar 1999 - hu ppjanat li jsir id-dokumentazzjoni preliminari dwar l-istat fiżiku ta' l-affresk. Rappreżentant tal-Mużew ta' l-Arti ħa parti f'dawn l-indaġini u nżammet ko-ordinazzjoni sħiħa bejn il-VRP, il-Mużew ta' l-Arti, u t-tim mill-Courtauld Institute. Fi Frar 1999, hu ppjanat li ssir konsultazzjoni sħiħa bejn dawn il-partijiet, ibbażata fuq dawn l-indaġini biex jiġu deċiżi d-dettalji tekniċi ta' l-intervent restorattiv. Għal dawn l-operazzjonijiet intalbet Security Clearance kemm mill-uffiċċju ta' l-ispeaker u mill-uffiċċju tal-President. L-Onor. Interpellant bla dubju jifhem li l-iskop ta' din l-operazzjoni kollha hija li tirrijabilita u ssalva ambjent ieħor ta' karattru storiku u artistiku eċċezzjonali fil-Palazz tal-Gran Mastri, li liu mitluq u ddegratat għal dawn l-aħħar mitejn sena.

Msida — Triq Reġjonali - Arbli

Question

Jistgħu jiġu ċċekkjati l-arbli tad-dawl fis-centre strip ta' Triq Reġjonali mill-Imsida għas-Swieqi, peress li hemm arbli msaddin u wħud minnhom mgħawġin għax daħlu karozzi ġo fihom u jidher li hemm perikli li jaqgħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-arbli li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant inbidlu ftit tal-ġranet ilu.
Leg 9 PQ #2975 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

San Pawl il-Baħar — Pompa tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-istudji li semma' il-Ministru fit-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2850 dwar il-passi li għandhom jittieħdu biex titneħħa l-intiena ħierġa mill-pompa tad-drenaġġ li hemm ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ qiegħed jinkorpora l-istudju biex tissolva l-problema ta' intejjen li ħerġien mill-pompa tad-drenaġġ f'Tax-Xama ma' tender ieħor biex titkabbar din l-istess pompa. Jekk dan jissokta, il-problemi li jirrigwardaw din il-pompa ikun jistgħu jiġu indirizzati kollettivament.

Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għar-riforma tat-Tarzna tal-Marsa biex tissaħħaħ it-tmexxija u l-organizzazzjoni tax-xogħol? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proposti li hemm għar-riforma tat-Tarzna tal-Marsa? Min se jmexxi din ir-riforma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Sabiex tissaħħaħ it-tmexxija u l-organizzazzjoni tax-xogħol fit-Tarzna tal-Marsa, ser jitwettaq pjan ta' riforma. L-ewwel riformi mistennija li jsiru fl-istruttura tal-management. Għal dan il-għan ser jiġu mpjegati tlett managers eżekuttivi u ser tintalab l-għajnuna tal-konsulenti Norveġiżi li bħalissa jinsabu fit-Tarzna tal-Marsa. Il-pjanijiet dettaljati ta' dawn ir-riformi, li ser jitmexxew mill-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija flimkien ma' l-uffiċjali msemmija fuq, għad iridu jiġu finalizzati.

Vapuri ta' Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta miż-żjara li żewġ uffiċjali tekniċi kellhom jagħmlu fid-Danimarka biex jiddiskutu l-problema tad-dewmien tad-disinji għall-vapuri ta' Għawdex mal-kumpannija Carl tad-Danimarka? X'passi se jittieħdu biex ix-xogħol fuq il-bini tal-vapuri ma jkomplix jaqa' lura? X'penali hemm għat-Tarzna tal-Marsa jekk ma tlestix il-vapuri fil-ħin miftiehem?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bejn is-6 u d-9 ta' Jannar 1999 uffiċjali mill-Malta Shipbuilding u l-kumpanija Gozo Channel żaru d-Danimarka biex jiddiskutu mal-kumpanija Carl Bro l-kwistjoni li hemm dwar id-disinji tal-vapuri t'Għawdex. Il-Bord tad-Diretturi taż-żewġ kumpaniji lokali ġew mitluba jirrevedu l-pjanijiet tax-xogħol fuq il-vapuri bil-għan li jsir aktar progress u x-xogħol ma jkomplix jaqa' lura. Peress li dawn il-pjanijiet għadhom mhux finalizzati, mhinix f'pożizzjoni li nagħti aktar dettalji. Skond il-kuntratt bejn il-Malta Shipbuilding u l-kumpanija Gozo Channel, ma hemmx penali marbutin mad-dewmien fit-tlestija tal-vapuri.
Leg 9 PQ #2978 Sitting 51 1999-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Laqgħat ma' sedqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat f'Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru, 1998 bejn sedqa u l-pulizija dwar l-aħjar metodi ta' prevenzjoni li jistgħu jittieħdu ma' adoloxxenti dwar il-kriminalita'? X'kienu l-esperjenzi li ressqu min-naħa tagħhom il-pulizija biex jgħinu jitfasslu inizjattivi ġodda f'dan il-qasam?

Response (BORG, TONIO)

Matul is-sena jsiru diversi laqgħat fejn kemm uffiċjali għolja tas-Sedqa, kif ukoll tal-Pulizija jkunu preżenti. Dawn il-laqgħat jittrattaw diversi suġġetti partikolarment dwar metodi ta' prevenzjoni, dwar l-abbuż u traffikar tad-drogi kif ukoll dwar l-infurzar tal-liġijiet. Saret laqgħa formali f'Ottubru 1998 li għaliha attendew il-Ministri rispettivi. F'dil-laqgħa il-Pulizija ressqu diversi proposti partikolarment dwar il-kundizzjonijiet ġodda li għandhom jirregolaw ir-Rave Parties li l-għan ewlieni tagħhom kienu sabiex jitrażżan l-abbuż u t-traffikar tad-droga. Uħud minn dawn il-proposti ġew diskussi anke f'kumitat tal-Kamra tad-Deputati li għalih attendew uffiċjali ta' Sedqa u l-Pulizija. 18.01.99

WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma jseħħ dak li ntqal fid-diskors tal-Budget 1999: "nistennew li din il-Korporazzjoni żżid l-effiċjenza tagħha għax ħadd ma jista' jippretendi li l-poplu jħallas minn imnieħru, kemm fil-prezz ta' l-ilma jew f'taxxi oħra għal ineffiċjenza u ħela li għandhom jispiċċaw"?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li għalkemm dan l-aħħar l-attenzjoni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet ikkonċentrata fuq l-irranġar tal-problemi li ġew ikkaġunati mill-użu ħażin tas-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet fl-aħħar sena. Qed isir eżerċizzju li permezz tiegħu mhux biss jiġu identifikati l-problemi li qed ixekklu l-effiċjenza fil-Korporazzjoni, iżda wkoll jitfasslu miżuri biex l-effiċjenza tiġi mmeljorata.
Leg 9 PQ #2941 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Kontribuzzjonijiet soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jdaħħal il-Gvern matul l-1999 miż-żieda fil-kontribuzzjoni soċjali ta' l-impjegati minn 8.33% għal 9% tal-paga bażika?

Response (DALLI, JOHN)

Hu stmat li ż-żieda fil-kontribuzzjoni tas-sigurta soċjali ta` l-impjegati minn 8.33% għal 9% tissarraf b`kollox fi dħul ta` Lm4.8 miljuni, li minnhom il-Gvern stess ikun ikkontribwixxa Lm1.6 miljuni (terz) bħala kontribuzzjoni ta` l-istat. Dan ifisser dħul net ta` Lm3.2 miljuni.
Leg 9 PQ #2942 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Estimi Ġenerali 1999 — Żieda fil-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jdaħħal il-Gvern miż-żieda mħabbra fl-aħħar Budget matul l-1999: 1) ta' 10ċ fuq pakkett sigaretti king size; 2) ta' 10ċ fuq pakkett sigaretti standard; 3) fuq is-sisa tat-tabakk għas-sigaretti tal-brim?

Response (DALLI, JOHN)

Permezz taż-żidied fid-dazju tas-sisa mħabbra fl-aħħar Budget fuq sigaretti King Size u Standard Size u fuq it-tabakk għas-sigaretti tal-brim, l-erarju tal-Gvern hu mistenni li jiżdied b`madwar Lm2.0 miljuni.