Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3721 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kon-Katidral ta' San Ġwann — Fondazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk itteħdux xi passi biex tibda taħdem il-fondazzjoni msemmija fil-budget biex tieħu ħsieb il-Kon-Katidral ta' San Ġwann? Iltaqgħet xi darba s'issa? Min qed jieħu sehem f'dawn il-laqgħat u min qed jirrappreżenta l-Gvern f'din il-fondazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-Fondazzjoni Kon-Katidral ta' San Gwann ser titwaqqaf fil-ġimgħat li gejjin.
Leg 9 PQ #3722 Sitting 57 1999-01-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceum Maria Reġina - Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jdumu l-istudenti ta' Form III u Form IV mingħajr għalliema tal-Business Studies fil-Junior Lyceum ta' Maria Regina? X'se jsir biex dawn l-istudenti jġibu lura dak li tilfu tul dan iż-żmien kollu mingħajr lezzjonijiet f'dan is-suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti tal-Form III u Form IV fil-Junior Lyceum ta' Maria Reġina issa għandhom għalliema tal-Business Studies. Saru arranġamenti biex l-istudenti jkunu jistgħu jgħaddu s-syllabus kollu.
Leg 9 PQ #3655 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs ċivili — Persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni miżmuma l-ħabs bħalissa? Kemm hemm barranin u ta' liema nazzjonalita'? Kemm hemm persuni li diġa' qegħdin jiskontaw sentenza? Kemm qegħdin jistennew biex jgħaddu ġuri? Kemm qegħdin miżmuma jew għaliex il-qorti hekk ordnat qabel/waqt il-kumpilazzjoni tagħhom jew għaliex ma jistgħux iħallsu l-pleġġ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-14 ta' Jannar, 1999, in-numru ta' priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' 242, filwaqt li 30 priġunier ieħor kienu l-Imtaħleb (SATU), l-Isptar San Luqa u Monte Carmeli, jew bil-'Prison Leave' il-Caritas, is-Sedqa u Dar Nazaret. Rigward in-numru ta' priġunieri ta' nazzjonalita' barranija, ninsab infurmat li dan kien ta' 77, u li l-pajjiżi minn fejn ġew huma kif ġej : - Libja Jugoslavja Turkija Tuneżija Alġerija Kanada Ingilterra Olanda Ġordan Italja Gambia Palestina Eġittu Lebanon Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' priġunieri li qed iservu sentenza kien ta' 169, filwaqt in-numru ta' dawk taħt arrest preventiv kien ta' 103. Wieħed ma jistax jgħid kemm huma dawk li finalment ser jgħaddu ġuri. Dan għaliex il-każijiet ta' uħud minnhom għadhom fi stadju ta' kumpilazzjoni, filwaqt li ta' l-oħrajn, għalkemm il-kumpilazzjoni ntemmet, għad ma kienx hemm deċiżjoni dwar jekk il-każ tagħhom għandux jinstema' quddiem ġuri jew le. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba. 26.01.99
Leg 9 PQ #3656 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs civili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-persuni miżmuma l-ħabs kemm minnhom għandhom: a) taħt il-25 sena iżda aktar minn 21 sena; (b) taħt il-21 sena iżda aktar minn 18-il sena; (c) taħt it-18-il sena; (d) kemm f'kull każ huma barranin u ta' liema nazzjonalita' huma; u (e) kemm minnhom diġa' qegħdin jiskontaw sentenza ta' ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 26.01.99
Leg 9 PQ #3657 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qorti — Ġurijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti li jridu jsiru quddiem il-Qorti Kriminali? Kemm minnhom ġew diġa' appuntati din is-sena? Liema huma u fuq liema akkużi? Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilu l-aktar ġuri li ilu jistenna biex jiġi ttratta quddiem il-ġurati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li hemm 58 ġuri pendenti quddiem il-Qorti Kriminali li 25 minnhom huma appuntati għas-smiegħ matul is- sena 1999. Mhuwiex prattiku u lanqas prudenti li jingħata isem l-akkużat meta l-każ tiegħu għadu mhux qiegħed jinstemgħa. L-akkużi jvarjaw minn omiċidju, tentattiv ta` omiċidju, pussess u traffikar ta` droga, serq u frodi. L-aktar ġuri li ilu pendenti l-att ta` akkuża tiegħu ġie ppreżentat fl-1983 fuq allegat serq li ġara fl-1981. Dan għadu fi stat ta` trattazzjoni dwar l-eċċezzjonijiet preliminari. Irid jingħad illi ħafna drabi dewmien esaġerat biex isir ġuri ma jkunx jiddependi mill-Qorti Kriminali iżda għaliex l-akkużat ikun appella jew għamel kawża kostituzzjonali fuq xi materja konnessa mal-ġuri.

Qrati — Każi ta' drogi

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-1995, 1996, 1997 u 1998 separatament, kemm kien hemm sentenzi fuq każi ta' drogi fejn il-qrati (a) tal-Maġistrati; u (b) Kriminali Superjuri ordnaw is-sekwestru tal-beni tal-ħati? X'kien l-ammont totali kull sena? Fil-każ ta' bini li ġie mgħoddi għand il-gvern x'użu sar/se jsir minnu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f`xi seduta oħra peress li l-inofrmazzjoni mitluba ghadha qed tinġabar.
Leg 9 PQ #3659 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kabinett — Segretarju

Question

Jista' l-Prim MInistru jgħid għaliex l-ex segretarju tal-Kabinett, Joe Zammit, qed jingħata trattament differenti u inferjuri għal dak li ngħata l-ex segretarju tal-Kabinett ta' qabel, Alfred Fiorini Lowell? Meta se jingħata trattament diċenti s-Sur Joe Zammit?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma jirriżultaliex li s-Sur Zammit qed jirċievi trattament inferjuri jew mhux diċenti.
Leg 9 PQ #3666 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiterju ta' l-Addolorata — Xiri ta' oqbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li applikaw biex jixtru qabar fl-Addolorata? Kemm ilha tistenna l-applikazzjoni li qiegħda l-ewwel fil-lista? X'possibbilta' hemm biex jibda jissodisfa din it-talba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sat-18 ta` Jannar 1999, hemm 1310 persuna fil-`waiting list` ta` applikanti sabiex jixtru qabar fiċ-Ċimiterju ta` l-Addolorata. L-ewwel applikazzjoni f`din il-lista ta` applikanti saret fl-10 ta` Dicembru 1991. Hi l-intenzjoni tal-Gvern li l-espansjoni taċ-Ċimiterju ta` l-Addolorata tiġi attwata wara li jiġu finalizzati l-proċeduri neċessarji mal-awtoritajiet kompetenti.
Leg 9 PQ #3649 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex studenti universitarji li daħlu din is-sena akkademika u li għandhom dritt jieħdu Lm100 fix-xahar bħala stipendju minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tal-familja m'humiex jingħataw dan l-istipendju? Kemm hemm studenti universitarji li daħlu din is-sena akkademika li jikkwalifikaw għal stipendju sħiħ ta' Lm100? Iltaqa' l-bord li jiddeċiedi dawn il-każi? Kemm-il darba ltaqa' min hemm fil-bord?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti Universitarji li daħlu din is-sena akkademika u li għandhom dritt jieħdu Lm100 fix-xahar bħala stipenju minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tal-familja jridu jingħataw dan l-istipendju skond kif jiġi deċiż mill-bord li twaqqaf b'seħħ mill-5 ta' Jannar 1999. Studenti Universitarji li daħlu din is-sena akkademika u applikaw għal dan l-istipendju huma 25. Informat ukoll li l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern dwar il-kompożizzjoni ta' dan il-Bord ġiet pubblikata fil-15 ta' Jannar 1999. Dan il-Bord issa ser jiltaqa' fil-futur qrib.
Leg 9 PQ #3650 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħaġar Qim/Imnajdra

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija tikkonkludi l-investigazzjonijiet tagħha l-pulizija dwar jekk kienx hemm splużjonijiet qrib Ħaġar Qim u Mnajdra fl-aħħar tliet xhur ta' l-1998? Jekk ġew konklużi, x'sabet il-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn diversi spezzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Distrett fil-barriera Nru. 9, li tinsab Qasam il-Kbir, limiti tal-Qrendi, qrib Ħaġar Qim u l-Imnajdra, ma jirriżultax li kienet qed titħaddem u jidher li din ilha ma tintuża tant li tinsab fi stat ta' abbandun u l-magni li hemm qed jittieklu mis-sadid. Ninsab infurmat ukoll li l-aħħar spezzjoni saret fil-15 ta' Jannar, 1999, u li l-Pulizija se tibqa' tagħmel spezzjonijiet biex jiġi żgurat li ma jsirx xogħol fil-barriera in kwestjoni. 25.01.99
Leg 9 PQ #3651 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

SEC/MATSEC — Rapport

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta r-rapport dwar is-sistema ta' l-eżamijiet SEC u MATSEC? Meta se jixxandru r-rakmandazzjonijiet? Kemm-il darba ltaqa' l-bord? Ma' min ikkonsulta l-bord? X'kienu, fil-qosor, il-fehmiet ta' dawk li kkonsulta magħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord biex jiffaċilita l-analiżi tal-MATSEC għadu kif lesta r-rapport tiegħu u ġie ppublikat nhar is-Sibt, 23 ta' Jannar 1999 u issa qed inqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Bord iltaqa' għoxrin darba u fi wħud minn dawn il-laqgħat tkellem u kkonsulta ma' diversi uffiċjali tal-Bord tal-MATSEC, ta' l-Universita' u tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, kif ukoll ma' kapijiet ta' skejjel, għalliema, studenti u l-ġenituri tagħhom. Fil-fehma tal-maġġoranza kien hemm nuqqasijiet f'xi aspetti li jirrigwardaw l-organizzazzjoni ta' l-eżamijiet, speċjalment il-livelli u l-kontenut tal-mistoqsijiet, il-karti A u B tas-SEC, il-livell intermedjarju tal-Matrikola, li hemm lok għal titjib f'diversi setturi, b'mod speċjali fejn jidħol ko-ordinament bejn min jgħallem u min jeżamina. Ilment komuni ħafna kien jirrigwarda ċ-ċertifikat tal-Matrikola bħala l-uniku mezz biex wieħed jidħol l-Universita'. Ta' min jgħid li kien hemm ukoll min apprezza l-isforzi li saru biex dawn l-eżamijet ittejbu minn mindu bdew sal-lum.

Enemalta — Petrol leaded/unleaded

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qassmet litri ta' petrol leaded u unleaded l-Enemalta lill-pompi tal-petrol f'Malta u f'Għawdex, xahar b'xahar minn Jannar 1997 sa Jannar 1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #3653 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Manutenzjoni fl-għasses tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jelenka liema huma dawk l-għases tal-pulizija li huma indikati li se jsir xogħol fihom matul din is-sena finanzjarja biex jingħataw dehra aħjar? Liema xogħol se jsir f'kull għassa u meta hu maħsub li jkun lest? Kemm huwa stmat li se jkun jiswa kull xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi x-xogħol ta' manutenzjoni fl-għases huwa proċess kontinwu u għaldaqstant isiru dawk ix-xogħolijiet li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien. Bħalissa qiegħed isir xogħol fl-għassa ta' Ħaż Żebbuġ. Huwa maħsub illi matul din is-sena ser isir xogħol ukoll f'diversi għases oħra, fosthom dawk ta' B'Kara, B'Bugia, Buġibba u Rabat Għawdex, sabiex jingħataw dehra aħjar u jkunu customer-oriented. Għal din is-sena ġew allokati Lm15,000 għall-manutenzjoni ta' għases u bini ieħor. 25.01.99
Leg 9 PQ #3654 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Użu tal-breathalyser

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ddaħħal it-test tal-breathalyser fil-gżejjer tagħna? Xahar b'xahar, kemm saru testijiet f'Malta u f'Għawdex? Kemm minn dawn it-testijiet irriżultaw pożittivi? Kemm kien hemm barranin? Kemm kien hemm irġiel u nisa Maltin? Kemm kien hemm nies li ma kellhomx liċenzja tas-sewqan (kienu taħt l-eta') li nqabdu jsuqu taħt l-influwenza tax-xorb?

Response (BORG, TONIO)

L-emendi għall-Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65) dwar it-testijiet tan-nifs maħruġa b'liġi b'Att Nru. VI ta' l-1998, ġew fis-seħħ fil-25 ta Mejju, 1998, b'Avviż Legali 128 ta' l-1998. Ninsab infurmat illi l-informazzjoni dwar il-kumplament tal-Mistoqsija hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 25.01.99
Leg 9 PQ #3356 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut Tekniku M.A. Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir dwar dawk l-istudenti ta' l-Istitut Tekniku M.A. Sapiano li għadhom ma bdewx il-kors ta' l-informatika minkejja li waslu biex jagħmlu l-eżami tas-City and Guilds li huwa importanti għall-futur tal-karriera tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors ta' l-Informatika beda mal-ftuħ tas-sena skolastika. Dan il-kors fih disa' suġġetti u hemm diffikulta' kbira biex jinstab għalliem biex tieħu wieħed mis-suġġetti - Organisation and application of I.T. Għadhom qed isiru tentattivi biex tinstab soluzzjoni fattibbli.
Leg 9 PQ #3358 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Kors ta' l-Awdituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel b'dawk l-uffiċjali li għaddew mill-kors ta' l-awdituri nterni f'Settembru li għadda u li s'issa ma nħatrux? F'każ li dawn se jiġu maħtura fi ftit żmien ieħor, jista' l-Ministru jgħid ukoll kif beħsiebu jutilizza lil dawn l-awdituri mal-gvern u jekk dawn humiex se jaqgħu dirett taħt il-Ministeru tiegħu? Jekk f'każ li l-għażla saret diġa', huwiex fil-kompitu jew le ta' xi kap ta' dipartiment jew direttur li jżomm xi uffiċjal mill-ħatra ta' awditur intern darba dan għadda mill-kors u ffirma kuntratt?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li preżentement, is-sistema ta` l-awdituri interni ma taqax taħt ir-responsibilita kompleta ta` dan il-Ministeru. Bħal ma hemm provdut fil-Manwal ta` l-Awdituri Interni dan il-Ministeru hu responsabbli, fost oħrajn, għat-taħriġ, organizzazzjoni u l-`monitoring` tas-sistema. Il-ħatriet u `transfers` fis-servizz Pubbliku jagħmel minnhom l-MPO fl-Uffiċju tal-Prim Ministru. It-talba biex dawk l-uffiċjali ġodda li spiċċaw it-taħriġ meħtieġ jiġu maħtura saret u qed tiġi pproċessata. Preżentement l-awdituri interni jagħmlu mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru fejn ikunu maħtura u dan il-Ministeru jara li uffiċjali kkonċernati jkunu qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom kif suppost.
Leg 9 PQ #3359 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assistenti kapijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-iskejjel li sas-7 ta' Jannar, 1999 kienu jinsabu mingħajr il-complement ta' assistenti kapijiet (primarji, sekondarji u total) minħabba d-dewmien fil-pubblikazzjoni tar-riżultat ta'l-intervisti? Kemm hu mistenni li jkun in-numru ta'vakanzi ta' assistent kap sa nofs is-sena skolastika? X'miżuri qed jittieħdu sabiex ir-riżultat ikun ippubblikat u l-vakanzi eżistenti jimtlew mill-aktar fis possibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' skejjel fejn jeżistu 'vacancies' ta' Assistenti kapijiet huma: Skejjel Sekondarji 7 Skejjel Primarji 4 Ħlief fil-każ ta' tliet skejjel primarji u skola sekondarja, dan in-nuqqas kien dovut għaż-żmien meħtieġ biex jiġu appuntati nies f'din il-kariga. In-numru ta' vakanzi ta' assistenti kap sa l-aħħar ta' Frar hu mistenni li jiżdied b'żewġ assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji u assistent kap fl-iskejjel sekondarji.

Tarzna — Ħaddiema

Question

Wara li deher tagħrif f'ġurnal lokali li għandha ssir żjara f'Malta ta' rappreżentant ta' Kumpannija Amerikana biex jiltaqa' ma'qraba ta'ħaddiema tat-Tarzna li mardu bil-kanċer minħabba li ħadmu qalb l-asbestos, jista'l-Ministru jgħid: (1) meta ġej dan ir-rappreżentant; (2) kif se jsir il-ġbir tat-tagħrif dwar il-ħaddiema li spiċċaw vittma ta' l-asbestos; u (3) x'se jsir dwar it-tagħrif miġbur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li f'Marzu tas-sena l-oħra, t-Taqsima Tarznari tal-G.W.U. kellha kuntatti ma' persuna Irlandiża biex din tressaq talba lill-awtoritajiet fl-Amerka għal kumpens finanzjarju lil dawk il-ħaddiema tat-Tarzna li f'xi żmien ħadmu fuq vapuri Amerikani u spiċċaw vittmi ta' l-asbestos. Id-dettalji, kemm dwar dawk li mietu kif ukoll li għadhom ħajjin, anke jekk m'għadhomx fl-impjieg, qed tinġabar mill-imsemmija Taqsima u dawn ser jiġu mgħoddija lir-rappreżentant Irlandiż meta dan iżur Malta, fil-ġranet li ġejjin.
Leg 9 PQ #3361 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti ta' l-Inġinerija

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi urġenti biex l-istudenti universitarji ta' l-Inġinerija li waslu biex jagħmlu l-eżamijiet finali jkollhom dawn l-eżamijiet imqassma fuq tliet ġimgħat bħas-sena li għaddiet u mhux fuq 12-il ġurnata kif hemm maħsub għal din is-sena peress li din il-konġestjoni esaġerata toħloq tensjoni bla bżonn lill-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-istudenti kkonċernati kienu ressqu l-każ għall-konjizzjoni tiegħi u jien kont tlabt lill-Universita' biex tara jekk kienx hemm lok li t-talba ta' l-istudenti tkun milqugħa. Jien infurmat li t-talba ta' l-istudenti ġiet diskussa fit-tul fl-aħħar laqgħa tas-Senat u kien hemm konsensus li, l-aktar għal raġunijiet edukattivi, it-talba biex l-eżamijiet ikunu mqassma fuq tliet ġimgħat ma kellhiex tintlaqa'. B'danakollu s-Senat qabel li jikkonċedi li l-eżamijiet isiru fuq tnax-il ġurnata, minflok fuq disat ijiem kif inhu l-każ għall-bqija ta' l-istudenti fl-Universita'. Fost il-konsiderazzjonijiet li qies is-Senat biex wasal għal din id-deċiżjoni kien hemm li: 1. kull ġimgħa ta' eżamijiet tfisser ġimgħa anqas ta' tagħlim; 2. eżamijiet mifruxa fuq perjodu twil jitenta lill-istudenti jħallu l-istudju għall-aħħar ġranet qabel l-eżami, fattur li jwassal għal iffullar bl-ammont ta' l-istudju (cramming); 3. tminn jew disa' eżamijiet fuq tnax-il ġurnata ma ġewx meqjusa li għandhom joħolqu xi pressjoni żejda fuq l-istudenti. Nemmen li l-Onor. Interpellant jaqbel li l-Ministru m'għandux jagħmel pressjoni biex tinbidel deċiżjoni li s-Senat ikun ħa wara deliberazzjoni xierqa u għal raġunijiet edukattivi u akkademiċi.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li fl-aħħar ġimgħat tnaqqset l-għajnuna soċjali lill-persuna minn Tas-Sliema li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament peress li dan it-tnaqqis qed joħloqilha problemi serji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. 21.1.99