Jista' l-Ministru jgħid x'sehem qed ikollha d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fir-reklutaġġ tal-part-time clerks u part-time cleaners fl-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan l-aħħar id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħarġet żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet biex jiġu ngaġġati part-time clerks u casual cleaners f'diversi skejjel ta' l-Istat. L-avviżi dehru fil-Gazzetta tal-Gvern u ngħataw promozzjoni fil-gazzetti lokali.
L-applikanti prospettivi ntalbu jitfgħu l-applikazzjoni tagħhom fl-iskejjel fejn xtaqu li jagħtu s-servizz tagħhom.
L-intervisti u l-għażla saru fl-iskejjel rispettivi minn Board kompost mill-Kap ta' l-iskola, l-Assistant Head u ċ-Chairperson tal-Kunsill ta' l-iskola partikolari.
Kif inhi l-proċedura stabbilita, l-persuni magħżula mill-Boardijiet, intalbu jirreġistraw fit-Taqsimiet tar-Records u s-Salarji, fil-Head Office tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
U mistenni li fiż-żmien qrib, wara li d-Dipartiment ta' l-Operations ikun ivverifika u kkonferma l-ħtieġa li jiġu ngaġġati part-time clerks oħra fi skejjel ta' l-Istat, id-Diviżjoni tippublika sejħa oħra fil-Gazzetta tal-Gvern. L-għażla mbagħad issir fl-iskejjel rispettivi.
Jistgħu l-pulizija jieħu passi biex is-sidien tal-ħanut ta' l-ikel Turkish Kebab fi Triq Imrabat f'Tas-Sliema ma jibqgħux isabbtu l-bibien tar-residenza tagħhom tard bil-lejl u jħallu l-mutur tagħhom għal ħanut jagħmel ħsejjes li qed idejjaq lill-ġirien?
Response (BORG, TONIO)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant għall-attenzjoni tal-pulizija tad-distrett biex tittieħed azzjoni meħtieġa.
22.02.99
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna minn Tas-Sliema li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ilha li applikat għal kartuna s-safra mis-27 ta' Novembru, 1998 u għadha sal-lum ma nħarġitliex? Meta se tinħareġ din il-kartuna s-safra peress li d-dewmien qed jikkaġunalha tbatija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qatt ma saret talba fuq in-numru tal-karta ta' l-identita msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna minn Tas-Sliema li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li rtira minn mad-Dipartiment ta' l-Artijiet fit-2 ta' Ġunju, 1998 ġie mċaħħad minn jumejn paga u arretrati u tħallas biss sal-31 ta' Mejju, 1998?
Jista' l-Ministru jara li din il-persuna titħallas kif suppost?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna nvoluta għalqet 61 sena fit-2 ta' Ġunju 1998, u fil-fatt kienet imħallsa l-paga sa l-1 ta` Ġunju 1998 kif suppost. Din il-persuna tħallset 21 ċenteżmu f`arretrati anqas milli suppost. Ninsab infurmat ukoll li ġiet mitluba li, meta jkun konvenjenti għaliha, tmur id-Dipartiment ta` l-Artijiet biex tiġbor dan l-ammont.
22.02.99
Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Postijiet vojta
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet vojta tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali f'dawn il-lokalitajiet: Sliema, San Ġiljan, Pembroke, Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Imġarr, Imtarfa u r-Rabat lokal b'lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi f'idejn id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali, mill-lokalitajiet indikati, hemm biss post wieħed tas-Sliema.
22.2.99
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bini tal-vapuri ta' Għawdex għal Gozo Channel?
B'kemm qiegħed lura x-xogħol fuq kull vapur?
Meta se jitlestew il-vapuri?
X'se jsir biex il-vapuri jitlestew bl-inqas telf possibbli?
Kemm se jiġi jiswa kull vapur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għalkemm s'issa għadu ppjanat li l-ewwel vapur t'Għawdex jitlesta sa l-aħħar tal-1999, il-Malta Shipbuilding għadha qed tkun imfixkla sew mill-kwalita ħażina tas-servizz li qed tieħu mingħand id-disinjaturi Daniżi u l-project managers Norveġiżi li li huma responsabbli għall-provvista tal-materjal.
Minn mindu uffiċjali tat-tarzna u tal-Gozo Ferries Co. Ltd żaru d-Danimarka f'Jannar kien hemm xi titjib fis-servizz tad-disinjaturi, iżda li d-disinji li qed jintużaw illum tlestew xi xhur ilu għadhom qed jitfaċċaw ċerti problemi li qed ifixklu sew ix-xogħol fit-tarzna.
Il-management tal-Malta Shipbuilding u tal-Gozo Ferries qed jagħmlu pressjoni kontinwa fuq id-disinjaturi u l-project managers barranin biex dawn itejjbu s-servizz tagħhom immedjatament. Inġieb ukoll liaison engineer mid-Danimarka biex jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn it-tarzna u d-disinjaturi. Dan mistenni jibqa' Malta sakemm jitlesta l-ewwel vapur.
S'issa għadu ppjanat li l-ewwel vapur jitlesta sa Diċembru 1999, it-tieni wieħed sa Settembru 2000, u l-aħħar wieħed sa Ġunju 2001.
Qed isir kull sforz biex ikunu kkontrollatti aħjar il-fatturi li jaffettwaw sew meta jitlestew il-vapuri, kif ukoll kemm finalment jiġu jiswew. Il-management tal-Malta Shipbuilding, qed jimplimenta ċertu tibdil fl-organizazzjoni tax-xogħol biex titjieb il-produttivita u tikber l-effiċjenza. Qed isir sorveljar aħjar tax-xogħol, u l-management qed jintervjeni aktar malajr meta jitfaċċaw il-problemi. Qed isir ukoll sforz biex l-management tasallu informazzjoni fuq il-produzzjoni aktar malajr biex ikun jista jaġixxi fil-waqt.
It-tliet vapuri huma stmati li ser jiswew b'kollox Lm43 miljuni, li jinkludi ukoll l-ispejjeż tal-finanzjarjament tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħatrux t-tliet managers eżekuttivi biex tissaħħaħ it-tmexxija u l-organizzazzjoni tax-xogħol fit-Tarzna tal-Marsa?
Jekk iva, min huma?
Jekk le, meta se jinħatru?
X'tip ta' għajnuna se tintalab mill-konsulenti Norveġjiżi għat-tmexxija aħjar tat-Tarzna?
Fiex waslu l-pjani tar-riformi meħtieġa għat-tmexxija aħjar tat-Tarzna?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tliet managers eżekuttivi li ser jingħataw l-inkarigu li jsaħħu l-organizazzjoni tat-tarzna ġew magħżula.
Dawn huwa Victor Galea, li ser ikollu l-kariga ta' Chief Executive Officer mit-2 ta' April 1999. Anthony Restall li għandu l-kariga ta' Human Resources Executive beda jaħdem mal-Malta Shipbuilding fl-1 ta' Frar 1999. Waqt li Ivan Borg ser jibda jaħdem bħala Finance Executive mill-1 ta' Marzu 1999.
Il-konsulenti Norveġiżi ser jintalbu biex jgħinu lit-tarzna fl-organizazzjoni tax-xogħol fil-workshops u fil-baċir tat-tarzna. Dawn għadhom esperjenza ta' tmexxija b'suċċess fit-tarznari tagħhom fin-Norveġja.
Il-management ġdid tat-tarzna beda jikkonċentra fuq il-problemi relatati mas-superviżjoni tax-xogħol, il-ħarsien tad-dixxiplina mill-ħaddiema kollha, u t-taħriġ tal-line managers, il-foreman u ċ-chargemen fis-sengħa
tat-tmexxija. Aktar 'il quddiem ser isir programm ta' taħriġ għall-livelli l-oħra tal-ħaddiema. Qed tingħata importanza speċjali biex tkun introdotta management information system bażika li tgħin lill-managers jiksbu nformazzjoni fżwaqtha ta' kif kien sejjer ix-xogħol billi s-sistemi li jeżistu llum mhumiex tajbin biżżejjed.
Qed isiru laqgħat ma' gruppi ta' ħaddiema biex dawn ikunu nvoluti fil-proċess ta' konsultazzjoni qabel ikun introdott xi tibdil fis-sistemi tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li jaqgħu taħt il-Gvern Ċentrali għat-tarmac u tiswijiet ġenerali oħra li, matul din is-sena finanzjarja, se jingħataw it-tarmac mill-ġdid u/jew se jsiru tiswijiet maġġuri fihom?
Kemm se jintnefaq fuq kull każ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq huwa responsabbli għas-`surfacing` u tiswija tat-toroq arterjali u ta` asfaltar ta` toroq li għadhom qatt ma kienu asfaltati.
Kif kelli okkażjoni nħabbar riċentement fl-okkażjoni ta` l-ippublikar tar-rapport li ppreparaw il-konsulenti Ġermaniżi li qed jaħdmu fid-Dipartiment tat-Toroq, fix-xhur li ġejjin sa jkun tlesta l-pjan ta` prijoritajiet għax-xogħolijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Jannar 1999, kemm-il persuna nqabdet tpejjep: (i) fis-swali tas-cinemas; (ii) f'karozzi tal-linja; u (iii) fl-isptarijiet?
F'kull każ ittieħdu passi fil-qorti?
Fl-istess żmien, jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux xi passi kontra sidien ta' ħwienet eċċ li ħallew tfal taħt l-eta' jixtru s-sigaretti jew xorb alkoħoliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998, u Jannar 1999, ma nqabdet l-ebda persuna li kkommettiet xi waħda mill-offiżi li rrefera għalihom fil-Mistoqsija tiegħu l-Onor. Interpellant.
17.02.99
Pulizija — Żgħażagħ taħt l-eta' f'postijiet ta' divertiment
Question
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Jannar 1999, kemm-il persuna taħt l-eta' (1a6-il sena) inqabdet f'post ta' divertiment meta dan mhux permess mil-liġi?
X'passi ttieħdu kontra s-sidien talli ħallew lil dawn it-tfal jidħlu fl-istabbilimenti tagħhom?
F'liema lokalitajiet inqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn Settembru 1998, sa Jannar 1999, inqabdu 36 -il persuna taħt l-eta' f'postijiet ta' divertiment, u ttieħdu passi fil-Qorti kontra s-sidien talli ħallew dawn it-tfal fl-istabbilimenti tagħhom, liema kawżi għadhom pendenti.
Id-dettalji dwar in-numru ta' każijiet, xahar b'xahar, u l-lokalitajiet fejn seħħew huma kif ġej : -
Lokalita' Settembru Ottubru Novembru Diċembru Jannar Total
--------- --------- ------- -------- -------- ------ -----
M'Skala - - - - 14 14
Paceville - 10 - - 10 20
Victoria
Gozo - - - 2 - 2
Total - 10 - 2 24 36
17.02.99
Peress li għaddew ħames snin u nofs mill-preżentazzjoni tar-rapport mill-Kumitat ta' Xogħol dwar Evalwazzjoni tas-Servizzi ta' Trattament fil-qasam ta' droga u alkoħol taħt il-presidenza tal-Maġistrat Silvio Meli, ma jaħsibx li wasal iż-żmien biex jitħejja rapport ieħor meta matul dawn l-aħħar snin saru żviluppi kbar fit-trattament ta' nies li jbatu minn abbuż ta' droga u alkoħol? Ma jaħsibx ll-Ministru li rapport ieħor jista' jara li s-servizzi ta' l-istat u dawk tal-volontarjat jkunu qed jaħdmu id f'id biex ma jsirx dupplikazzjoni ta' xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infakkar lill-Onor. Membru li, taħt l-Amministrazzjoni preċedenti, kienet twaqqfet il-'Co-ordinating Commission Against Drug and Alcohol Abuse' li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha kien preċiżament li tiżgura li ma jkunx hemm duplikazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi u dawk tal-volontarjat f'dan il-qasam.
Irrid nara, fid-dawl ta' l-esperjenza s'issa ta'l-operat ta' din il-Kummissjoni, jekk dan fil-fatt huwiex l-aħjar mod sabiex tiġi assigurata l-ko-ordinazzjoni meħtieġa.
17.02.99
Jista' l-Ministru jgħid speċifikament meta Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat (Malta) se ssir one way?
X'qed iżomm milli tittieħed din id-deċiżjoni?
Jikkonferma l-Ministru li hemm membru min-naħa tal-gvern li qed jindaħal biex din it-triq ma ssirx one way?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed isiru konsultazzjonijiet bejn il-Kunsill Lokali tar-Rabat u dak ta` Had-Dingli biex tinstab soluzjoni għal din il-problema.
Barra minn hekk irid jintlaħaq ukoll ftehim mal-Public Transport Authority dwar ir-rotta Nru. 81.
Ninforma lill-Onor. Membru li ma qed issir l-ebda pressjoni minn xi Membru Parlamentari dwar din il-problema.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jixtegħelu d-dwal pubbliċi li twaħħlu fl-Imtarfa peress li d-dlam minbarra li joħloq problemi lir-residenti qed iwassal ukoll għal vandaliżmu li jġib miegħu ħela ta' fondi pubbliċi?
X'qed iżomm milli jinxtegħelu d-dwal kollha ta' l-Imtarfa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma jirrizultax li l-Enemalta għandha pendenti xi dwal fl-Imtarfa li jridu jiġu mixgħula.
Talbiet għal dwal ġodda ħdejn it-Torri ta' l-Arloġġ qegħdin jiġu kkunsidrati flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq il-lant ta' l-isptar il-ġdid peress li jinsab wieqaf kif ukoll igħid jekk hux se jkun hemm talbiet min-naħa tal-kuntrattur Skanska għal żidiet fir-rati attwali ppubblikati mal-Letter of Acceptance peress li għaddew aktar minn tliet snin mid-data ta' l-istess Letter of Acceptance?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ix-xogħol fuq il-lant ta' l-isptar il-ġdid ma jinsabx wieqaf; xogħol ta' kostruzzjoni għadu għaddej fuq il-'Carpark' u 'l-'Fourth Wing'.
It-talbiet minn naħa tal-kuntrattur Skanska jkunu magħrufa meta jsiru.
B'riferenza għall-Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-Konsorzju Skanska jista' l-Ministru jgħid x'servizzi se tkopri l-figura ta' 7.5% management fee? Jista' l-Ministru jippreċiża jekk ix-xogħlijiet kollha ta' disinji flimkien ma' l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa kollha hux se jitħallsu bħala parti ta' dan il-perċentaġġ ta' 7.5% jew hemm il-ħsieb li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi tħallas lump sum jew perċentaġġ ieħor bħala design fees u din il-figura ta' 7.5% għall-ġestjoni tal-proġett komplet? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min f'isem il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi se jagħmel il-verifiki meħtieġa fl-ispejjeż tal-kuntrattur li abbażi tiegħu skond kif mistqarr fl-istess Memorandum of Understanding se titħallas il-Management fee?
Fid-dawl ta' dan kollu ma jidhirlux il-Ministru li l-pakkett ta' remunerazzjoni li Skanska qiegħed jistenna li jieħu mingħand il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi mhux ċar u li jista' jkun li tħalla appożitament kif inhu sabiex meta jiġi biex isir il-ftehim finali li l-Ministru hu mitlub jgħid meta se jsir Skanska tkun tista' titlob żieda fil-fee bbażata fuq il-fażi tal-pre-design?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-figura ta' 7.5% tkopri l-ispejjeż ta' ġestizzjoni tal-proġett u tax-xogħol kollu mill-istadju tad-disinn sal-'commissioning'. Din il-figura tkopri wkoll spejjeż indiretti bħal xi riżorsi fil-'Head Office' ta' Skanska.
Ix-xogħol ta'disinji u speċifikazzjonijiet jiġu kkalkolati bħala 'cost' u ma huwiex kopert fil-'Management Fee'.
Il-verifika ta' l-ispejjeż issir minn 'Awdituri' u 'Rappreżentanti tal-Klijent' li jiġu nkarigati apposta għal dan il-għan.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, wieħed irid jikkonsidra li 'Memorandum of Understanding' għad irid iwassal għal-kuntratt finali bejn l-F.M.S. u Skanska Malta J.V., biss il-figura ta' 7.5% hija miftiehma.
Jista' l-Ministru jgħid jekk impjegati tal-Malta University Services Ltd u li huma responsabbli mill-ġestjoni tal-proġett ta' l-isptar il-ġdid hemmx il-ħsieb li jsiru mpjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid taħt liema kundizzjonijiet se jkunu mpjegati u x'pakketti ta' remunerazzjoni se jiġu offruti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lil Ministru kkoncernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa l-Imdina, il-Mellieħa, il-Manikata, l-Imġarr, ir-Rabat u San Pawl il-Baħar li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
16.2.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta persuna li toqgħid Malta jkollha taħlef dokument dwar x'eċċezzjonijiet f'kawża fil-Qorti ta' Għawdex, din bilfors trid tinħalef fl-Uffiċċju tar-Reġistratur fil-Qorti?
Għaliex dokumenti bħal dawn, ma jistgħux jinħalfu quddiem kummissarju li jagħti l-ġuramenti bħalma huma ħafna nutara?
Ma jaħsibx li jekk dan iseħħ mhux biss ineħħi pressjoni ta' xogħol fuq dawk impjegati fil-Qorti iżda jkun ta' anqas skariċċ għan-nies?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Artikoli 156 u 158 tal-Kodiċi ta` Organiżżazzjoni u
Proċedura Ċivili jirrikjedu li d-Dikjarazzjoni mehmuża kemm
maċ-Ċitazzjoni u anke man-Nota ta` l-Eċċezzjonijiet tiġi
maħlufa f'idejn ir-Reġistratur tal-Qorti, l-Assistenti
Reġistraturi jew id-Deputati Reġistraturi.
Biex tinbidel din il-proċedura trid issir emenda fil-Liġi.
Iżda biex dan iseħħ l-ewwel irid isir studju serju dwar xi
riperkussjonijiet li jistgħu jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru xi diskussjonijiet ma' sptarijiet privati f'Malta biex xi operazzjonijiet jibdew isiru f'dawn l-isptarijiet flok fl-Isptar San Luqa?
Fiex waslu dawn id-diskussjonijiet u liema operazzjonijiet se jsiru fl-isptarijiet privati?
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar finanzi nvoluti jekk dan isseħħ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment għadu qed jagħmel l-evalwazzjoni tal-proposti mressqa mill-isptarijiet privati lill-Ministeru.