Peress li s-Segretarju Parlamentari l-Onor. Edwin Vassallo qal lill-Business Weekly li l-problema gravi ta' l-usura se titpoġġa fuq nett ta' l-agenda politika tal-gvern, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod konkret se jsir dan? Liema inizzjattivi speċifiċi se jittieħdu dwar l-usura mill-Ministeru tiegħek?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-artiklu li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant ma jikkwotax biss dak li qal is-Segretarju Parlamentari, iżda wkoll u primarjament lill-Ministru ta' l-Intern. Għalhekk wieħed jista' jitkellem dwar il-problema ta' l-użura fil-kuntest sħiħ ta' dak li ġew ikkwotati li qalu ż-żewġ Onorvoli Membri msemmija.
Kif inkiteb fl-artiklu, l-gvern huwa konxju ta' din il-problema; tant li qed jikkunsidra li jagħmel din il-prattika bħala offiża kriminali. Naturalment għadu kmieni biex wieħed jitkellem dwar inizjattivi fi stadju daqshekk bikri.
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Jannar 1999 kemm kellhom jieħdu flus ta' extra duty membri tal-Korp tal-Pulizija? Liema huma dawk l-għaqdiet/kumpanniji eċċ li ilhom ma jħallsu għal xogħol extra li sar wara talba tagħhom stess? X'inhu l-ammont f'kull każ? Ittieħdu xi passi biex dawn il-flus jinġabru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' flus ta' extra duty maħdum minn membri tal-Korp tal-Pulizija fuq talba ta' terzi matul ix-xhur speċifikati fil-Mistoqsija kien kif ġej : -
Ammont / Lm
------------
1998 Settembru 43,530
Ottubru 51,425
Novembru 40,877
Diċembru 38,034
1999 Jannar 27,253
Ninsab infurmat ukoll illi l-għaqdiet/kumpaniji eċċ li għandhom kontijiet pendenti dwar servizzi mitluba minnhom mill-Pulizija u l-ammonti dovuti, huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-kontijiet kif ukoll reminders għal ħlas ta' dawn is-servizzi jintbagħtu regolarment.
09.03.99
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li talbu li jsiru sidien ta' l-art u/jew bini tagħhom qabel il-5 ta' Settembru, 1998 u li x-xogħol kien diġa' beda biex it-talba tiġi milqugħa? Dawn tkomplew wara l-elezzjoni?
Liema għaqdiet sportivi għamlu talba simili wara l-5 ta' Settembru 1998? Jista' f'kull każ jelenka l-ismijiet, il-post u l-kera li qed jintalab? Liema postijiet ma jistgħux jingħataw minħabba x'impediment?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jiġi pproġettat biex helicopter ieħor jieħu post dak tal-Air Malta li jinstab wieqaf? Għaliex twaqqaf dan is-servizz? X'effett jista' jkollu fuq it-turiżmu għal Għawdex it-twaqqif ta' dan is-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-servizz tal-Helicopter bejn Malta u Għawdex ġie sospiż fis-27 ta' Jananr biex ikun jista' jsir 'test analysis' tal-gear box mill-manifatturi tal-helicopter. Din hija prekawzjoni li tittieħed ta' spiss wara xi inċident ta' l-avjazzjoni, bħal ma kien hemm dan l-aħħar fil-każ ta' helicopter ta' l-istess tip fil-Maldives. Is-servizz jerġa jibda malli jkunu finalizzati dawn it-testijiet u jkun hemm clearance mid-Dipartimenti tal-Avjazzjoni Ċivili kemm ta' Malta kif ukoll tal-Bulgarija, peress li l-kumpanija tal-helicopters hija Bulgara.
Għaddjjin diskussjonijiet mal-Kumpanija Bulgara dwar il-possibilta li l-kuntratt li jgħalaq fil-31 ta' Marzu li ġej, jiġi estiż.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nissuġġerixxi li l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tkeċċew barranin mill-qrati Maltin, xahar b'xahar, minn Settembru 1998 sa Jannar 1999 talli: (1) daħlu fil-pajjiż mingħajr permess; (2) talli qagħdu f'Malta aktar milli kien jippermetti l-permess mogħti lilhom; (3) talli nqabdu jaħdmu mingħajr permess; (4) għal xi raġuni oħra; u (5) ta' liema nazzjonalita' huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
09.03.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi programm għandu l-Gvern biex jimmodernizza l-flotta ta' l-iskwadra marittima ta' l-Armata? X'inhu l-ammont ta' flus li l-armata għandha tagħti lit-Tarzna għal tiswijiet/manutenzjoni ta' patrol boats ta' l-armata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sitt snin, l-Iskwadra
Marittima tal-FAM xtrat numru ta' patrol boats mill-
Ġermanja. Permezz ta' dawn il-patrol boats, l-Iskwadra
tista tagħmel patrolling iktar il-bogħod mix-xtajta milli
kienet tagħmel qabel.
Bħalissa qiegħed jingħata bidu għall-proġett ta' l-
immodernizzar tal-Bażi ta' l-Iskwadra Marittima f'Xatt it-
Tiben, li se jiġi jiswa lill-Armata madwar Lm1,000,000.
Dan il-proġett tant essenzjali għall-Forzi Armati qiegħed
jingħata prijorita assoluta.
Matul din is-sena wkoll se jinxtara apparat ta' radju u
ieħor relatat mas-satelliti. Il-patrol boats li ser ikunu
mgħammra b'dan l-apparat se jkunu kompattibbli ma sistema
ġdida msejħa Global Maritime Distress and Safety System li
permezz tagħha sejħiet ta' emerġenza fuq il-baħar ikunu
jistgħu jiġu mwieġba fil-pront u b'iktar effiċjenza. Ir-
rwol ta' Search and Rescue huwa wieħed ewlieni għall-Forzi
Armati. Għaldaqstant l-użu tar-Rescue Boats u x-xiri ta' l-
apparat imsemmi hu meqjus bħala pass importanti 'l quddiem
għall-Iskwadra Marittima.
Ma hemmx kontijiet pendenti li l-Forzi Armati għandhom
jagħtu lill-Malta Drydocks fir-rigward ta' tiswijiet u
manutenzjoni. Kont ta' Lm30,432.00 għal spare parts li
nxtraw mingħand l-istess Drydocks għadu pendenti.
Proċeduri biex jitħallas dan l-ammont diġa qegħdin
jittieħdu.
Wara l-kritika li għamel il-Ministru Dalli fid-diskors tal-budget għall-1999 dwar l-iskartar tal-ħaddiema tal-gvern minn fuq il-post tax-xogħol, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-MPO biex jinqata' dan l-abbuż? X'riżultati ħallew dawn il-passi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-passi dwar l-iskartar mhux l-MPO għandu jeħodhom iżda l-
Kap tad-Dipartiment u kull uffiċjal ieħor li jkun
responsabbli għal dawk il-ħaddiema li jiskartaw.
Sadanittant ninsab infurmat li r-Regolamenti tad-Dixxiplina
qed jiġu riveduti sabiex il-passi li jittieħdu jkunu aktar
effettivi. Dawn huma mistennija li jidħlu fis-seħħ
dalwaqt.
Dwar l-abbuż ta' Sick Leave il-Kapijiet tad-Dipartimenti
wkoll ingħataw l-awtorita li jibagħtu tobba privati fejn
ikun hemm suspett ta' abbuż.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex permess li pulizija tal-SAG ikollu kumpannija li tipprovdi s-servizz ta' 24 hours towing service? Hemm pulizija li talbu li huma jew marthom ikollhom kumpannija tat-towing service? Ingħataw permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi xogħol u investiment privat minn impjegati fis-settur pubbliku, inkluż il-membri tal-Korp tal-Pulizija, huwa rregolat bl-Estacode. Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija ma kellha ebda talba bħal dik li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu.
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata l-gallerija tar-residenza fi Block 13, Door 15, Triq Bertha K.Ilg fil-Qasam tad-Djar f'Ta' Giorni (file 981102) peress li tinstab fi stat ħażin u hija perikoluża għal min jgħix fid-dar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jidher li hemm xi żball fl-indirizz billi ma jeżistix Blokk 13 iżda aktarx Blokk B. Jekk inhu l-każ jien infurmat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar li x-xogħol ġie approvat u għandu jsir fi żmien qarib.
8.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pensjonanti li kienu jaħdmu mar-Royal Navy, Army u Royal Air Force ħadu kull sena żieda għall-għoli tal-ħajja mill-1979 sa l-1998 ħlief fl-1987 u fl-1989?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn is-snin 1982 u l-1989 ma ngħatat l-ebda żieda għall-għoli tal-ħajja. Għaldaqstat, ma kien hemm l-ebda pensjoni tas-sigurta' soċjali miżjuda b'xi żieda għall-għoli tal-ħajja f'dan il-perjodu.
8.3.99
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani biex tinbena fabbrika ġdida tal-produzzjoni tal-ħalib? Fejn se tinbena? Kemm se tkun kbira? X'se tkun il-kapaċita' produttiva tagħha? Kemm se jiswa l-proġett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ġie ddentifikat sit ta' xi 3.7 ettaru biex tinbena l-fabbrika l-ġdida tal-ħalib. Hu ppjanat li l-fabbrika jkollha kapaċita' ta' iżjed minn 35,000 gallun ħalib kulljum. Dan il-proġett għandu jqum madwar Lm8 miljun. Dalwaqt jibdew il-konsultazzjonjiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar is-sit identifikat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex tifel ta' erba' snin li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament qed jitħalla mingħajr facilitator? X'ċans hemm li sa tmiem din is-sena skolastika jkollu facilitator?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bdiet il-proċess biex toħroġ sejħa oħra għal supply kindergarten assistants biex tissodisfa dan il-bżonn u bżonnijiet l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-konsultazzjonijiet dwar il-pensjonijiet ta' uffiċjali pubbliċi li qalbu minn dipartmenti tal-gvern għal ma' entita' pubblika?
Ma' min qed isiru l-konsultazzjonijiet u kemm saru laqgħat s'issa?
Hemm xi data meta l-konsultazzjonijiet huma maħsuba li jintemmu u jittieħdu d-deċiżjonijiet finali?
Response (DALLI, JOHN)
Id-diskussjonijiet li kienu tħallew fi stat ta` konklużjoni fl-1996 u li baqgħu ma ġewx konklużi fil-kważi sentejn ta` Gvern Laburista, għadhom għaddejjin.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali pubbliċi li qalbu minn dipartimenti tal-gvern għal ma' entita' pubblika u li dwarhom għad iridu jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-pensjonijiet tagħhom?
Mil-liema dipartimenti telqu u ma' liema entita' pubblika marru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' uffiċjali pubbliċi li
qalbu minn dipartimenti tal-Gvern għal ma entitajiet
pubbliċi u li kienu daħlu mal-Gvern qabel is-16 ta' Jannar
1979 huwa 1042.
Id-dettalji kif mitluba huma murija fit-tabella li qiegħed
inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma l-Unions dwar l-
interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Ordinanza dwar
Pensjonijiet li tista tolqot lil dawn il-persuni.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-pulizija se tikkumpensa l-ħsarat u t-telf ta' xogħol li sar lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li l-pulizija kissirtlu dgħajsa tal-fibre meta ħadithielu ta' Kandja u issa qed ikollu jidħol anki fi spejjeż legali biex jieħu l-kumpens tad-dgħajsa i l-pulizija kissritlu s-sajf li għadda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dgħajsa li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kienet ilha mitluqa fuq il-moll għall-żmien twil u għalhekk ġiet imneħħija skond ir-Regolamenti ta' l-1997 dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta' Oġġetti ta' Ingombru fir-Regolament tat-Traffiku, wara li l-Pulizija ma rnexxiliex tintraċċa lil sidha. Peress li din hija purament materja ta' parir legali, il-persuna kkonċernata għandha tieħu parir legali sabiex tgħarraf tirregola ruħha.
03.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjonijiet se jittieħdu dwar il-benefiċċji soċjali tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament peress li għadha ma ngħatatx il-benefiċċju għal Jannar 1999 u s'issa kulma għamel id-Dipartiment tas-Sigruta' Soċjali kien li bagħat għaliha u staqsieha jekk l-ex-raġel tahiex il-manteniment u hi wriet li ilu ħafna ma jagħtiha dan il-manteniment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Ta' min iżid li l-persuna in kwistjoni kienet naqset li tirraporta l-iżviluppi li kien hemm fil-każ tagħha u għalhekk baqgħet tieħu l-benefiċċju meta dan ma kienx dovut lilha.
3.3.99
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4008 kif irreferieni l-Ministru tal-Politika Soċjali u ċioe': jista' jgħid x'passi ttieħdu fl-erba' xhur li għaddew biex jiġi mrażżan l-abbuż li jsir mis-sick leave mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku? X'passi hemm maħsuba biex jittieħdu kontra dan l-abbuż li jispiċċa biex inġustament jagħti isem ħażin lis-Servizz Pubbliku kollu, inkluż lil dawk li jaħdmu b'mod eżemplari?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi minbarra l-proċeduri diġa eżistenti
għall-verifika tas-Sick Leave, bħala waħda mill-miżuri tal-
Ftehim Kollettiv, tħabbret sistema ġdida ta' kontroll biex
jiġi mrażżan is-Sick Leave abbusiv.
Din is-sistema ġdida hija spjegata fiċ-Ċirkulari OPM Nru.
4/99 li tagħha qiegħed inpoġġi koppja fuq il-mejda tal-
Kamra. Iċ-Ċirkulari ħarġet fit-28 ta' Jannar ta' din is-
sena.
Peress li fid-diskors li għamel il-Prim Ministru il-bierah, 7 ta' Frar 1999 ġewwa ż-Żejtun, ġie rraportat li qal li "l-ekonomija qed tirpilja" jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema qasam qed jara l-ekonomija tirpilja? Fuq liema bażi tanġibbli wasal għal din il-konklużjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
M'hemmx dubju li wara sentejn ta' inċertezza, l-ekonomija
issa bdiet tieħu r-ruħ.
F'dawn l-aħħar xhur, il-Gvern ta' direzzjoni ġdida u ċara
lil pajjiżna. B'għaqal u determinazzjoni ħdimna sabiex
ġiet imġedda l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija sħiħa
fl-EU. Din ser twassal għall-opportunitajiet ġodda għal
pajjiżna.
Bdejna programm ta' ħidma sabiex f'pajjiżna jerġa jibda
jitkattar il-ġid. Tneħħiet it-taxxa ta' CET u minflokha
daħlet il-VAT li hija aktar adattata għal pajjiżna u b'hekk
neħħejna x-xkiel żejjed għan-negozju li kien hemm qabel.
Ġew riveduti wkoll ir-rati tad-dawl u l-ilma sabiex
jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni lokali. Wasalna għal
soluzzjonijiet importanti u ta' fejda f'diversi oqsma oħra
bħal fil-ftehim kollettiv tas-Settur Pubbliku u t-twettiq
b'mod għaqli tal-proġetti tal-Kottonera, tal-Port il-Kbir u
ta' Manoel Island. Dan hu biss ftit mill-ħidma li wettaq
s'issa dan il-Gvern.
Għalhekk, bdejna nsewwu l-ħsara li sibna u l-iżbalji li
saru u li kienu wasslu għal staġnar ekonomiku. Il-poplu
qed jerġa jakkwista l-fiduċja f'pajjiżna u jidher li l-
ħidma tagħna bdiet tħalli l-frott, kif joħroġ ukoll mix-
xejriet posittivi li ġew indikati fl-istħarriġ li għamel u
ppubblika l-Bank Ċentrali dan l-aħħar.
Jista' l-Ministru jgħid kif inhu organizzat ix-xogħol tal-manutenzjoni fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm hemm ħaddiema? Kemm hemm min jissorvelja u jorganizza x-xogħol? X'inhu l-budget għal dan ix-xogħol? X'inhuma r-riżultati miksuba?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-Isptar Monte Carmeli huwa mqassam f'ħames sezzjonijiet.
1. Is-sezzjoni tal-Mastrudaxxi fejn hemm Supervisor u Technical Officer
2. Is-sezzjoni taż-Żebbiegħa b'Supervisor u Technical Officer.
3. Is-sezzjoni tal-Mechanical/Electrical/Upholsterer b'Supervisor.
4. Il-Boiler House b'Technical Officer.
5. Is-sezzjoni tal-Blacksmiths b'Supervisor.
In-numru ta' ħaddiema li jaqgħu taħt dawn is-sezzjonijiet huwa 43 minbarra is-Supervisors, it-Technical Officers u s-Senior Technical Officers.
B'dan il-mod il-livell tax-xogħol jinżamm tajjeb kemm jista' jkun. Il-budget tas-Sezzjoni tal-Manutenzjoni jifforma parti mill-budget tal-Isptar Monte Carmeli.
Jista' l-Ministru jispjega kif fl-Isptar Monte Carmeli t-transport supervisor jidħol jagħmel xogħol overtime ta' telephone operator u l-assistant technical officer jidħol jagħmel xogħol overtime ta' transport supervisor? Fuq liema bażi jitqassam dan l-overtime?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba li kien hawn operators bis-'sick leave' fl-istess żmien, saru arranġamenti proviżorji biex is-servizz jibqa' miexi. Ta' min jgħid ukoll li preżentament qed jiġu kkunsidrati miżuri addattati biex is-servizz jibqa' jitmexxa mingħajr il-bżonn ta' 'overtime'. Fl-ambitu ta' dawn il-ħtiġijiet inqalgħet okkażżjoni waħda fejn din il-persuna għamlet xogħol ta' 'overtime' ta' Transport Supervisor.