Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4918 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bord tal-Matsec — Suġġett ta' l-accounts

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Bord tal-Matsec ta' l-Accounts fil-livell avvanzat qabad u nforma lill-istudenti li se jiġu eżaminati fuq il-VAT bla ma ġew ippreparati għal dan fl-aħħar sentejn u bla ma ġie mlaqqa' u kkonsultat il-panel tas-sillabu ta' dan is-suġġett? Jidhirlu l-Ministru li huwa ġust li disa' ġimgħat qabel l-eżami ssir bidla hekk drastika fis-sillabu ta' l-accounts?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Sillabu ta' l-Accounting fil-Livell Avvanzat ippubblikat sentejn ilu jgħid li jkun hemm mistoqsijiet fuq: "Accounting for Value and Excise Tax" (p.2) Kap ta' skola staqsa jekk din il-parti tirreferix għall-VAT/CET. It-tweġiba li l-MATSEC Board ħa mingħand il-panel ta' l-Eżaminaturi, li kienu wkoll membri tal-panel tas-sillabu, kienet li jekk ikun hemm mistoqsijiet fuq din il-parti, jistgħu jitwieġbu billi l-istudenti jużaw jew CET accounting inkella VAT accounting. Din it-tweġiba ngħatat ukoll lill-media biex kulħadd ikun mgħarraf.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa l-Imdina, il-Mellieħa, il-Manikata, l-Imġarr, ir-Rabat u San Pawl il-Baħar li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda dwar Pensjonijiet Kontributorji u oħra dwar Pensjonijiet Mhux Kontributorji bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant. 16.3.99

MMA — Reġistrazzjoni ta' vapur

Question

Il-vapur b'reġistrazzjoni Maltija - Simon de Danisen - li nqabad mill-awtoritajiet Ingliżi b'ammont kbir ta' droga, meta ġie reġistrat f'Malta għall-ewel darba? Meta ġie reġistrat l-ewwel darba ta' liema sidien kien? Dan il-vapur inbiegħ u lil min? Kopja tal-kuntratt ta' bejgħ ġie depositat ma' l-Awtorita' Marittima? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bastiment `Simon De Danser` ġie reġistrat f`Malta l-ewwel darba fil-21 ta` Marzu 1997 f`isem Delfin Shipping Company Limited. Minn dak in-nhar `l hawn ma ġie reġistrat l-ebda bejgħ. Kopja ta` l-Att tal-Bejgħ ġiet depożitata mar-Reġistratur tal-Bastimenti. Dan huwa dokument ta` natura kemmerċjali u privata u għalhekk ma jidhirlix li nista` nilqa` t-talba ta` l-Onor. Interpellant, biex il-kuntratt jitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 9 PQ #4825 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' membri fil-Korp tal-Pulizja llum? Imqassmin f'ranks, kemm hemm minnhom li għalqu l-25 sena servizz u b'hekk jistgħu jitilqu meta jridu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-complement preżenti tal-Korp tal-Pulizija huwa ta' 1,751. Il-membri tal-Korp li għalqu il-25 sena servizz huma kif ġej : - GRAD NUMRU ---- ----- Kummissarju 1 Assistent Kummissarju 2 Supretendent 5 Spettur 7 Surġent Maġġur 3 Surġent 24 Kuntistabbli 53 16.03.99

Impjiegi — Ħaddiema fulltime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fuq bażi fulltime li huma reġistrati bħala fuq kuntratt definit? F'liema oqsma jinstabu? Meta persuna titqiegħed fuq kuntratt definit u dan jiġi awtomatikament imġedded sena wara l-oħra, mingħajr ma jsir kuntratt ġdid jew xi forma ta' ittra, il-kuntratt oriġinali jista' qatt isir wieħed indefinit meta jgħaddi ċertu żmien? Japprezza l-Ministru li hawn min ilu ħamsa u anke għaxar snin fuq kuntratt definit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li preżentement il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma żżommx l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija tiegħu. Iżda, meta fil-futur qarib il-Korporazzjoni taqleb għal sistema ġdida ta' komputeriżżazzjoni, l-informazzjoni mitluba tkun tista' tinġabar ukoll. Rigward il-punti l-oħra li qajjem l-Onor. Membru, rrid ngħid li fil-preżent kuntratt definit jista' jiġġedded minn sena għall-oħra permezz ta' klawsola fil-kuntratt oriġinali miftiehem bejn l-impjegat u min iħaddem. Sakemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu skond il-liġi, m'hemm xejn xi jżomm li jkun hemm kuntratti definiti li jtawwlu għal bosta snin. 16.3.99

Impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux xi kumpanniji/organizzazzjonijiet li jħaddmu nies part-time li ma jaqgħux taħt l-ebda wages order u b'hekk ikunu huma li jistabilixxu kemm ġranet ta' btala, sick leave, eċċ. jingħata lill-ħaddiem? Huwa possibbli li din il-ħaġa tiġi rranġata b'mod li kull min hu part-time ikollu benefiċċji bħal dawn stabiliti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ħaddiema "part-time" huma ntitolati għal porzjon "pro rata" għal "leave" skond il-kundizzjonijiet magħrufa ta' l-impieg ta' l-impjegati "whole-time". Ditti ta' "Cleaning Services, Security Services" u "Broadcasting Stations" ma jaqgħux taħt "Wages Councils" u għalhekk m'humiex koperti b'benefiċċji oħrajn minbarra paga minima, u "leave" b'vaganza. Ma jfissirx li kull min hu mpjegat ma' dawn id-ditti ma jgawdix kundizzjonijiet tajba. Kundizzjonijiet miftehma taħt "Collective Agreement" ma' ditti ta' dawn it-tip huma tajbin. Qiegħed inżomm konsultazzjjonijiet, permezz ta' l-uffiċjali tiegħi, ma' l-imseħbin kollha, sabiex fejn hu possibbli jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u min iħaddem, speċjalment fejn jidħlu il-kundizzjonijiet tax-xogħol. 16.3.99

Impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix politika nazzjonali biex sidien ta' fabbriki, kumpanniji, eċċ, iħarsu b'mod pożittiv lejn l-impjegati tagħhom li jkollhom problemi ta' droga u alkoħol? Peress li huwa kemm fl-interess tas-sid kif ukoll tal-ħaddiem li jabbuża li jsir il-fejqan meħtieġ u li dan il-ħaddiem ma jingħatax xogħol perikoluż, ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li bl-għajnuna ta' kulħadd issir xi ħaġa fuq dawn il-linji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Naqbel perfettament li dan l-aspett partikolari tal-ġlieda kontra l-abbuż mill-alkoħol u d-droga jistħoqqlu ħafna aktar attenzjoni. Fil-fatt, jien infurmat li minn riċerka li kienet wettqet l-Aġenzija Sedqa fost għadd ta' kumpaniji f'setturi ndustrijali differenti ftit ta' snin ilu, jidher li din il-problema għadha mhux qed tingħata l-importanza meħtieġa. Nittama li meta l-qafas ko-ordinattiv nazzjonali dwar l-abbuż mill-akoħol u d-droga jiġi ċċarat, din il-problema tiġi ndirizzata. Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 4277. 16.3.99

EU — Raba' Protokol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm se jkun hemm fondi mir-Raba' Protokol ma' l-Unjoni Ewropea mġedded sa l-aħħar ta' l-1999? F'liema proġetti se jintnefqu dawn il-fondi? Kemm se jintnefqu fuq kull proġett? X'passi qed jittieħdu biex niżguraw li dawn il-fondi jintnefqu b'mod effettiv għal pajjiżna?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #4755 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min suppost jiffirma r-riżultati wara l-għażla li ssir minn bordijiet li fihom ikun hemm rappreżentant tal-PSC biex jagħtu promozzjonijiet fis-Servizz Pubbliku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li r-riżultati li għalihom għamel riferenza l- Onorevoli Interpellant jiġu ffirmati mis-Segretarju tal- Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #4805 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — Raba' Protokoll finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-proposti li kienu ġew allokati anke fondi mir-Raba' Protokol Finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea dwar Kulleġġ Vokazzjonali bħala parti mir-ristrutturar ta' l-industrija li għandu bżonn pajjiżna biex jiffaċċja l-futur? L-istess fondi se jintużaw għal dan il-Kulleġġ? X'se jilħaq isir f'dan il-qasam biex ma nitilfux il-fondi msemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #4806 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Valletta — Wires fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien sar minnhom iż-Lm2 miljun miġjuba minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea biex il-wires fit-toroq tal-Belt Valletta jgħaddu minn taħt l-art minflok jibqgħu jkerrħu l-Belt? Kemm intnefqu minnhom? Kemm jonqos jintnefqu minnhom? Meta jiskadi ż-żmien sakemm jistgħu jintużaw, il-bqija jintilfu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #4807 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Diskussjonijiet

Question

Waqt li naqbel li fl-iskejjel tagħna jkun hemm mumenti li l-għalliema u l-istudenti jiddiskutu flimkien kwestjonijiet kurrenti bħall-VAT, l-Unjoni Ewropea, eċċ..., jista' l-Ministru jara li jsir appell lill-għalliema biex jippruvaw ma jitrattawx dawn is-suġġetti b'mod partiġjan u ta' propaganda għax waqt li hemm għalliema li kapaċi jiddiskutu b'moħħ miftuħ u jgħinu lill-istudenti jkollhom moħħ miftuħ, hemm għalliema li sfortunatament jintilfu fil-passjoni partiġjana u jkomplu jxerrdu kultura politika fqira f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Kollega għall-konsiderazzjoni tad-Dipartiment konċernat fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #4808 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Burmarrad — Kappella ta' San Pawl Milqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Kappella ta' San Pawl Milqi ġo Burmarrad mhix tinfetaħ għall-pubbliku? X'passi qed jittieħdu biex din il-kappella tiġi mħarsa kif jixraq? X'jista' jsir biex din il-kappella tinfetaħ għall-pubbliku għax bħalissa l-uniku mod kif taraha hu billi taqbeż iċ-ċint, kif spiss jiġri, u tidħol bil-liberta' kollha fil-post?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa l-Kappella ta' San Pawl Milqi tinfetah għall-pubbliku kull meta jkun hemm rikjesta mill-parroċċa ta' Burmarrad. Hekk seħħ anki fl-10 ta' Frar li għadda, liema jum kien il-festa tal-miġja ta' San Pawl. Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija tlabt lid-Dipartiment tal-Mużewijiet jagħtini t-tagħrif u l-ispjegazzjonijiet meħtieġa.

Kummerċ

Question

Peress li wara żjajjar fi ħwienet fir-Rabat ta' Malta s-Segretarju Parlamentari l-Onor. Edwin Vassallo ġie rrapportat li qal li minn studju li għandu l-gvern juri li l-kummerċ beda jirpilja, jista' l-Ministru jikkonferma li qal hekk? Jista' jgħid għal-liema studju qed jirriferi? Jista' jpoġġi kopja ta' l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fl-okkażjoni msemmija, is-Segretarju Parlamentari tkellem dwar analiżi u mhux dwar studju. Lanqas ir-rapporti li għalihom saret referenza ma jsemmu xi studju. Analiżi taċ-ċifri għax-xahar ta' Jannar 1999 turi żieda ta' 22 fil-mija fl-importazzjoni u ta' 27 fil-mija fl-esportazzjoni. Din iż-żieda hija indikazzjoni ta' attivita ekonomika aktar mgħaġġla. Ukoll ir-rapport tal-Bank Ċentrali għal Diċembru 1998, fit-taqsima Business Perceptions Survey, indika stennija ta' żieda fl-attivita ekonomika fl-ewwel sitt xhur ta' l-1999.
Leg 9 PQ #4589 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bouncers f'nightclubs

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li dawk li huma magħrufa bħala bouncers u li jaħdmu f'nightclubs u postijiet oħra jkollhom liċenzja tal-pulizija biex jiġi żgurata li dawk li jagħmlu dan ix-xogħol ikunu ta' kondotta tajba u li kapaċi jagħmlu dan ix-xogħol? Membri tal-Korp tal-Pulzija jridu permess biex jagħmlu dan ix-xogħol meta ma jkunux xogħol?

Response (BORG, TONIO)

L-Att ta' l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali u l-Avviżi Legali sussegwenti konnessi ma' l-imsemmi Att jipprovdu għall-ħruġ tal-liċenzji li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi membri tal-Korp tal-Pulizija ma jistgħux jagħmlu t-tip ta' xogħol fil-postijiet msemmija jekk ma jkunux hekk ordnati uffiċjalment. 10.03.99

Ċentru ta' Taħriġ għall-Adulti — Post of Head

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-riżultat għal Post of Head, Care Centre (Adult Training Centre) wara s-sejħa MPO Circular 50/97 (19 ta' Settembru, 1997) huwa ffirmat biss mis-segretarju tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u mhux ukoll minn dawk kollha li kienu membri tal-bord li għamel l-intervisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-riżultat għall-Postijiet ta' Head, Care Centre (Adult Training Centre) hija materja tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u għalhekk ikun aħjar jekk l-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru li taħtu taqa' l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. 10.3.99
Leg 9 PQ #4751 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Uniformijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex kull meta kap ta' skola jiddeċiedi/tiddeċiedi li tiddaħħal uniformi ġdida, jogging suit, eċċ tikkonsulta l-ewwel lill-kunsill skolastiku li min-naħa tiegħu jikkonsulta lill-ġenituri qabel jittieħdu deċiżjonijiet arbitrarji li jnefqu lill-ġenituri spiża li mhux dejjem jistgħu jifilħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li huwa dmir tal-Kunsill ta' l-Iskola li jikkonsulta l-ġenituri dwar dawk l-oqsma li jaqgħu taħt l-istess Kunsill fosthom xi tibdil fl-uniformijiet, jogging suits etc. Id-Diviżjoni se tiġbed l-attenzjoni tal-Kapijiet ta' l-iskejjel dwar dan.
Leg 9 PQ #4752 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fgura - Żiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu li tqiegħed żiemel f'parti mill-iskola primarja tal-Fgura? Fejn waslu l-passi li bdew jittieħdu biex dan iż-żiemel ma jibqax jokkupa spazju f'din l-iskola b'detriment għad-dinjita' ta' l-iskola u s-saħħa ta' l-istudenti u kull min jaħdem f'dik l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Leg 9 PQ #4753 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mellieħa - Studenta

Question

Tista' l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tintbagħat lura l-iskola primarja tal-Mellieħa wara li ntbagħtet Mosta Primary B, kif talbet b'ittra ta' l-4 ta' Frar, 1999 lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent din il-persuna qed taqdi d-dmirijiet tagħha l-Mosta 'B'. Ir-raġuni li hi ma ntbagħtitx il-Mellieħa hija li f'din l-iskola intbagħtu nies li huma senior tagħha. Din l-informazzjoni ġiet spjegata bil-miktub lil din il-persuna.

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Peress li fis-16 ta' Awissu, 1998 f'mass meeting fil-Fgura kkwotajt ġurnali lokali li kkwotaw sorsi anonimi li matul l-1998 biss Malta tilfet Lm100 miljun għax kienet ġiet iffriżata l-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mil-liema fondi ta' l-Unjoni Ewropea ntilfu dawn il-Lm100 miljun? Kemm ġejjin minn dawn il-Lm100 miljun tul l-1999?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-ġurnali in kwistjoni rreferew għall-fondi li l-European Investment Bank kien poġġa għad-dispożizzjoni ta' stati kandidati għall-Unjoni Ewropea bħala parti mill-faċilitajiet bankarji ta' pre-adezzjoni. L-iffriżar ta' l-applikazzjoni ta' Malta da parti tal-Gvern preċedenti ċaħħdet lil Malta milli tiġi kkunsiderata bħala stat kandidat, u bħala tali eliġibbli għal dawn il-fondi mill-European Investment Bank. Malta għandha protokoll finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea li kont iffirmajt jien bħala Ministru ta' l-Affarijiet Barranin li se jibda jitwettaq proprju din is-sena, u li jipprovdi fondi ta' 45 Miljun ECU.