Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4387 u ċioe' b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3886, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tiswa lill-gvern kieku fil-ftehim tas-Servizz Ċivili ffirmat fl-1998 daħħal ukoll lill-pensjonanti tas-Servizz li rtiraw qabel l-1996?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Numru 3954 dwar l-istess suggett. 24.3.99
Leg 9 PQ #5089 Sitting 80 1999-03-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tas-Snajja' - Assistenti kapijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-post ta' assistenti kapijiet tat-trade schools li r-riżultat ġie ppubblikat din is-sena? Min applika? Kif ingħataw il-marki? X'kien il-weighting ta' kull kategorija tal-kriterji differenti? F'kull każ, kemm ġab marki kull wieħed mill-applikanti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għall-post ta' Assistent kap ta' "Trade School" applikaw 63 persuna. Persuna irtirat l-applikazzjoni tagħha. 5 persuni ma kellhomx il-kwalifiki meħtieġa. 57 persuna ġew intervistata. Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ippubblikat ir-riżultat u tippermetti li d-Diviżjoni tagħti "breakdown" tal-marki lil individwu li jitlobha.
Leg 9 PQ #5090 Sitting 80 1999-03-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Pembroke — Kaptell tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitranġa l-kaptell tad-drenaġġ ħdejn Blokk 10 fil-Qasam tad-Djar ta' St. Andrews f'Pembroke peress li huwa ta' periklu u nkonvenjent għar-resident?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-manhole ta' ħdejn Block 10 fil-Qasam tad-Djar ta' St. Andrews f'Pembroke ġiet irranġata fit-3 ta' Marzu 1999.

Air Malta — Bdoti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fir-rekwiżiti għall-bdoti ma' l-Air Malta ma kienx hemm ukoll ċertifikat fl-eżami tal-Malti biex b'hekk jinfetaħ bieb għaż-żgħażagħ Maltin f'dan il-qasam flok jiġu preferuti bdoti barranin li għandhom żgur aktar opportunitajiet għal xogħol miż-żgħażagħ Maltin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Għandi għax-naħseb li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-aħħar sejħa li ħarġet il-Kumpanija għall-ingaġġ ta` Trainee Pilots. Jekk dan huwa l-każ, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 4001 fejn spjegajt ir-raġuni l-għala l-Air Malta deherilha li, għall-anqas f`din l-okkażjoni u minħabba l-ispeċjalizzazzjoni teknika tal-grad in kwistjoni, il-Malti ma kienx meħtieġ jibqa` bħala suġġett obbligatorju.
Leg 9 PQ #4926 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bullying

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-inizjattiva li kienet inbdiet dwar imġieba tajba fl-iskejjel biex ixxerred normi ta' mġieba pożittiva u teħodha kontra l-bullying fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ħafna skejjel qegħdin jagħmlu School Development, li jinkludi prevenzjoni, tagħrif, pjan ta' azzjoni u servizz ta' counselling fl-iskejjel tagħhom għat-tfal, għalliema u ġenituri. Skejjel Sekondarji u Primarji qegħdin jiġu megħjuna mill-Guidance and Counselling Unit u mill-Education Welfare Section biex iħaddmu l-pjan miftiehem biex itaffu din il-problema. Id-Drama Unit ta sehem effettiv ħafna bil-play li tellgħu fuq is-suġġett u li rawha numru kbir ta' studenti. Il-Ministeru u d-Diviżjoni qed ikomplu jaħdmu biex isaħħu l-inizjattivi f'dan il-kamp.
Leg 9 PQ #4927 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Qrendi - Skola speċjali

Question

Il-Ministru jaqbel mal-proposta ta' kandidata Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali tal-Qrendi li l-iskola speċjali tal-Qrendi tinbidel f'Ċentru Ċiviku? X'se jsir mill-istudenti li jmorru f'din l-iskola speċjali? X'se jsir mill-investiment li sar apposta għal din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru s'issa qatt ma ġie mitlub jikkonsidra tali proposta.

Persuna b'diżabilita' — Hearing aid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna se tingħata l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, biex tkun tista' tixtri l-hearing aids li jintlibsu ġewwa - u mhux wara l-widnejn - peress li għandha problemi fl-iskola u anke tiġi bullied u ntimidata fl-iskola, kif anke jindikaw ċertifikati sottomessi lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' mill-Awdjoloġista Dr Alf Fenech MD MSc?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li mir-records tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jirriżulta li din il-persuna ma għamlet l-ebda talba lis-Servizz Għajnuniet Speċjali ta' l-Kummissjoni biex tingħata għajnuna biex tinxtara din il-"hearing aid". Irrid ngħid ukoll li l-Kummissjoni qatt ma rat iċ-ċertifikati msemmija. 23.3.99
Leg 9 PQ #4935 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Trasport

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-karozzi li jiġbru lill-istudenti bniet li mill-Mellieħa jmorru fl-iskola Sir Adrian Dingli, Junior Lyceum ma jibqgħux imorru għalihom fis-6.30 a.m. peress li dan hu kmieni wisq u qed jispiċċaw jistennew siegħa u nofs fil-kesħa barra qabel tibda l-iskola? Jaf il-Ministru li matul dan il-ħin ma jkunx hemm ħadd jieħu ħsieb dawn l-istudenti? Jistgħu l-istudenti jinġabru mill-Mellieħa fis-7.30 a.m.? Tista' tiġi kkonsidrata talba min għadd ta' ġenituri li fl-iskola Sir Adrian Dingli ikollhom break iqsar u hekk l-iskola tispiċċa aktar kmieni milli qed tispiċċa bħalissa?

Response (GALEA, LOUIS)

Naf li l-Onor. Kollega japprezza li mhux faċli issib is-soluzzjoni mixtieqa. Infatti ġejt informat li wara l-ilmenti ta' xi ġenituri li t-trasport jitlaq mill-Mellieħa għal Sir Adrian Dingli Junior Lyceum tal-Bniet, (St Andrews) fis-6.30a.m., l-Uffiċjal inkarigat sab li t-trasport jibda fis-6.55a.m., minn ħdejn il-Belleview u wara jidħol ta' Pennellu Estate fis-7.00a.m. Kull vettura biex tlaħħaq man-numru kbir ta' tfal li jattendu diversi skejjel trid tagħmel tlett vjaġġi kull waħda. Ix-xufiera li jġorru t-tfal mill-Mellieħa joqgħodu l-Mellieħa u għalhekk jibdew minn hemm biex wara jagħmlu vjaġġi oħra iżjed l-sifel f'Malta. Per eżempju, fil-każ ta' din il-vettura wara li twassal l-istudetni l-Iskola Sir Adrian Dingli, tgħabbi studenti minn Pembroke għal Junior Lyceum fil-Ħamrun u war titla' n-Naxxar biex twassal it-tfal tal-Primarja ta' l-sitess lokal. L-istudenti ma jitħallewx barra fil-kesħa iżda għandhom permess jidħlu fil-klassijiet tagħhom. Fuq suġġeriment tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Kap ta' l-Iskola ppruvat issib għalliema biex jieħdu ħsieb dawn l-istudenti bejn is-7.30 a.m. u 8.15 a.m. Biss ħadd mill-għalliema ma offra dan is-servizz. Nibqa' ninpenja ruħi li nfittex soluzzjonijiet aħjar minn dawk preżenti.
Leg 9 PQ #4936 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Special Education Centre

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti konsistenti mill-ġenituri li ħadd ma jwieġeb it-telephones li hemm fl-iSpecial Education Centre tal-Furjana? Min qed imexxi dan iċ-ċentru u kemm hemm persuni jaħdmu fih u f'hiex jikkonsisti x-xogħol tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4981.
Leg 9 PQ #4919 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Professur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm li fil-każ tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, jitwettaq dak li approva l-Ministru stess bin-nota li kiteb u ffirma fit-30 ta' Settembru, 1998 fuq ittra miktuba lilu mill-istess professur bid-data ta' l-24 ta' Settembru, 1998? X'passi se jittieħdu dwar din il-persuna biex jispiċċaw l-inċertezzi, l-ansjeta' u l-problemi finanzjarji li qed tbati?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #4920 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceum - Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqgħet lura l-pubblikazzjoni tar-rapporti ta' l-eżaminaturi tas-suġġetti differenti ta' l-eżamijiet għad-dħul fil-Junior Lyceum 1998? Japprezza l-Ministru li dawn ir-rapporti huma għodda siewja ta' evalwazzjoni għall-Ministeru, id-diviżjoni, il-kapijiet u l-għalliema u n-nuqqas ta' pubblikazzjoni tagħhom turi insensittivita' inkwetanti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-rapporti li kellhom isiru dwar l-eżamijiet għad-dħul fil-Junior Lyceum ta' Mejju 1998, kienu inkitbu u ġew ippubblikati fil-ħin. Din is-sena saru żewġ rapporti: L-ewwel wieħed huwa r-rapport mill-eżaminaturi u juri kif marru t-tfal fil-partijiet differenti tal-karti, fil-ħames suġġetti. Biex ikun aċċessibli għall-ġenituri wkoll, dan il-materjal inkiteb sew bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u f'Lingwa li tiftiehem għalkemm twassal l-aspett tekniku wkoll. Dan ir-rapport twassal fl-iskejjel, libreriji pubbliċi, kunsilli lokali u għand nies oħra nteressati fl-ewwel ħmistax ta' Ottubru 1998, jiġifieri fl-ewwel ġimgħatejn tas-sena skolastika. Fl-istess żmien kopji tiegħu tiqiegħdu għall-bejgħ bil-prezz ta' Lm1.50, mis-Salesian Bookshops tas-Sliema u l-Belt. It-tieni rapport huwa ġabra ta' statistika dwar l-eżami li, għall-ewwel darba wkoll, tinkludi fiha 'Item Analysis' tal-ħames karti. Dan it-tieni rapport hu bl-Ingliż; ħafna iżjed tekniku mill-ewwel wieħed u hu maħsub iżjed għall-użu ta' l-għalliema u riċerkaturi. Kopji ta' dan it-tieni rapport waslu fl-iskejjel u fil-libreriji pubbliċi fl-ewwel ġimgħatejn ta' Novembru 1998.
Leg 9 PQ #4921 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceum - Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mix-xogħol li kienet intalbet tagħmel id-Direttur tal-Kurrikulu biex tħejji rapport għall-ġenituri dwar kif imorru t-tfal fl-eżamijiet tal-Junior Lyceum? Għaliex dak ix-xogħol ma jiġix ippubblikat minkejja li issa ntilef żmien prezzjuż din is-sena skolastika? Japprezza l-Ministru li pubblikazzjoni bħal din hi meħtieġa ħafna u għandha siwi edukattiv kbir?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4920.
Leg 9 PQ #4922 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MUS Ltd — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4153 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista', jekk jogħġbok, tgħid jekk impjegati tal-Malta University Services Ltd u li huma responsabbli mill-ġestjoni tal-proġett ta' l-isptar il-ġdid hemmx il-ħsieb li jsiru mpjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid taħt liema kondizzjonijiet se jkunu mpjegati u x'pakketti ta' remunerazzjoni se jiġu offruti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'hemm ebda pjan s'issa li l-impjegati tal-Malta University Services Ltd li huma responsabbli mill-ġestjoni tal-proġett ta' l-isptar il-ġdid isiru impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.
Leg 9 PQ #4923 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Science Lab Technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jdumu ma jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal Science Lab Technicians li ilhom li għalqu xahrejn? Meta se jsiru l-intervisti?

Response (GALEA, LOUIS)

Nassumi li din id-domanda tirreferi għas-sejħa ta' l-applikazzjonijiet għal Laboratory Officers I/II (Biology) tal-5 ta' Novembru 1998. Informat li l-applikazzjonijiet diġa' ġew ipproċessati u l-intervisti ser isiru dalwaqt.
Leg 9 PQ #4924 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinħatar il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni biex ma jintilifx żmien prezzjuż kif diġa' intilef mill-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-materja qed tkompli tiġi konsidrata fid-dawl ta' ristrutturar tat-tmexxija kollha tas-sistema edukattiv.
Leg 9 PQ #4830 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Kultura tal-qari

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ministerjali ttieħdu minn Settembru 1998 sa l-aħħar ta' Jannar 1999 biex tinxtered u tissaħħaħ il-kultura tal-qari fost il-Maltin u l-Għawdxin ta' kull eta?

Response (GALEA, LOUIS)

Appart li f'kull okkażjoni adatta li tippreżentali ruħha nassigura l-emfasi u t-tixrid tal-messaġġ dwar l-importanza tal-qari, ma sarux inizjattivi ta' darba u b'timbru ministerjali. Minflok, miexi fuq bażi regolari u ppjanat, programm biex l-iskejjel iħajjru t-tfal jaqraw u jipprovdulhom il-mezzi biex jagħmlu dan. Proġetti tad-Dipartiment tal-Kurrikulu bħan-'Networking Project', 'Synergy Project' u 'Primary Science Project' kollha għandhom fost l-għanijiet tagħhom li jħajjru t-tfal jaqraw. Iżda l-akbar impenn qiegħed jittieħed mill-iskejjel bħala parti integrali mill-'School Development Plans' tagħhom, fejn dan il-għan qiegħed jigħata priorita' għolja u qiegħed ikun appoġġjat ħafna wkoll mill-Kunsilli Skolastiċi. Il-Ministeru u d-Diviżjoni jsostnu dawn l-inizjattivi fl-iskejjel bil-ħila kollha tagħhom.
Leg 9 PQ #4831 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kumitat tas-support staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-kumitat li sa l-aħħar ta' Diċembru kellu jlesti r-rakkmandazzjonijiet għat-tqassim ta' support staff fl-iskejjel tal-gvern? Lesta x-xogħol tiegħu? X'kienu r-rakkmandazzjonijiet? X'passi se jittieħdu dwarhom? Meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Working Group appuntat biex jistudja s-sitwazzjoni ta' "Support Staff Requirements in State Schools" ippreżenta r-rapport dettaljat tiegħu. L-analiżi tas-sitwazzjoni, il-konklużjonijiet, ir-rakkommandazzjonijiet u l-implikazzjonijiet tagħhom qed jiġu studjati peress li għandhom implikazzjonijiet fit-tul. Se jsiru diskussjonijiet dwar ir-rapport mal-Malta Union of Teachers li magħha kien miftiehem li jkun appuntat il-Working Group. Fiċ-ċirkustanzi u f'dan l-istadju ma nħossx li jkun opportun li ngħid x'kienu r-rakkommandazzjonijiet tar-rapport u x'passi se jittieħdu dwarhom. Mill-banda l-oħra, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tieħu l-passi biex safejn jiddependi mir-riżorsi li diġa' għandha ttejjeb is-sitwazzjoni kemm jista' jkun.
Leg 9 PQ #4915 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Federazzjoni Internazzjoni tat-Trasport — Skola Nawtika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattiva se jieħu fid-dawl tad-dikjarazzjoni li reġa' għamel Jean Yves Legouas f'laqgħa mal-Ministru Ċensu Galea li l-Federazzjoni Internazzjonali tat-Trasport lesta tgħin biex tingħata ħajja ġdida lill-iskola Nawtika? Bi ħsiebu l-Ministru jkompli fuq ix-xogħol mibdi fl-1997 u 1998 bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Awtorita' Marittima f'dan il-qasam?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, dak li qed jissuġġerixxi l-Onor. Kollega qed isir, issa fid-dawl tal-ħidma għat-twaqqif tal-Kulleġġ ta' l-Arti, Teknoloġija u Xjenzi Applikati.
Leg 9 PQ #4916 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

RSC — Ilmenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jara x'jista' jsir biex jiġu kkonsidrati l-ilmenti ta' dawk li jaħdmu mar-Revenue Security Corps (RSC) li jsostnu li t-tmexxija ta' dan il-Korp qed issir b'mod erratiku u spiss jinbidlu sistemi ta' xiftijiet u ħinijiet ta' xogħol b'detriment għall-membri tar-RSC u tax-xogħol innifsu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li matul dawn l-aħħar xhur kien hemm ilment wieħed biss li tressaq bil-miktub minn membru tar-Revenue Security Corps (RSC) rigward talba għal tibdil fir-roster ta' l-għassa. Dan l-ilment instab li ma kienx ġustifikat. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa qiegħed isir studju bir- reqqa biex jiġu riveduti r-rwoli ta' l-RSC u f'dan l- istudju qegħdin jittieħdu l-konsiderazzjonijiet kollha dwar struttura, dmirijiet u sistemi ta' xogħol l-aktar addattati.
Leg 9 PQ #4917 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Qbid ta' żrinġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi sforzi edukattivi qed isiru mit-tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji biex ibiddlu d-drawwiet tagħhom u ma jibqgħux jaqbdu marżebb u żrinġijiet minn postijiet bħall-Buskett u ċ-Chadwick Lakes li skond diversi għaqdiet favur l-ambjent qed iwassal għall-qerda ta' l-unika anfibju li jeżisti fil-gżejjer tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni torganizza ħarġiet (fieldtrips) għal Villa Psaigon, kemm għat-tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji. L-għanijiet ewlenija huma: * tkabbir ta' l-għerf dwar l-ambjent naturali * tgawdija ta' l-ambjent naturali * trawwim u/jew tiġdid ta' kuxjenza favur l-ambjent F'dan il-kuntest, l-għalliema koordinaturi ta' dawn il-fieldtrips flimkien ma' l-għalliema tal-klassijiet rispettivi, jorganizzaw ħarġiet f'inħawi oħra - biex b'hekk jitnaqqsu d-drawwiet negattivi - fosthom dik tal-qbid tal-marżebb u żrinġijiet. Fl-iskejjel Sekondarji qed isiru sforzi kbar biex l-Edukazzjoni Ambjentali tidħol parti mis-suġġetti kollha. Għalkemm dan l-isforz għadu mhux qed jagħti l-frott mixtieq, żgur li l-istudenti qed jitrawmu f'Edukazzjoni Ambjentali f'suġġetti bħal: Home Economics, Studji Soċjali, Ġografija, Storja u b'mod speċjali fis-suġġetti xjentifiċi. Bħal parti mis-Sillabu ta' dawn is-suġġetti, b'mod speċjali tal-Bijoloġija, l-istudenti jmorru jagħmlu studju fuq il-post. Hemm l-għalliema kollha jagħmluha ċara li l-ħlejjaq dejjem nistudjawhom fl-ambjent naturali tagħhom. Jekk ikun hemm bżonn iċaqilquhom, dawn jaraw li ma jagħmlulhomx ħsara, u wara li jlestu minnhom, jerġgħu jpoġġuhom fl-ambjent li kuenu. L-istudenti jingħataw raġuni għal dan. L-għalliema jispjegaw sewwa l-importanza ta' kull maħluq fl-ambjent tiegħu, u l-effetti li jista' jkun hemm fl-ambjent jekk xi speċi ta' maħluq tiġi meqruda. Dan kollu jiġi emfasizzat, u ssir emfasi speċjali jekk il-ħlejqa li jkunu qed jistudjaw tkun rari bħal ma huma l-anfibji f'Malta. Kif l-Onor. Membru jista' jimmaġina għaddejtlu t-tagħrif kollu mgħoddi lili mill-uffiċċjali konċernati. Jidher ċar li anke ħaġa bħal din tinħtieġ ħidma koordinata bejn dipartimenti differenti, għaqdiet ambjentali mhux governattivi u l-media. Jidhirli li jkun tajjeb li d-Dipartiment ta' l-Ambjent jikkoordina din il-ħidma u beħsiebni ngħaddi din il-Mistoqsija u Tweġiba għall-konsiderazzjoni tagħhom.