Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum kemm rapporti ġew ikkummissjonati mill-Ministru dwar xi aspett jew ieħor tal-qasam edukattiv? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew mitmuma u f'liema data ġew mitmuma?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'tagħrif għandu d-Dipartiment tas-Saħħa dwar problemi li minnhom ibatu tfal u adoloxxenti Maltin u Għawdxin fl-eta' ta' bejn it-3 snin u s-16-il sena? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawn il-problemi u mard u kemm hemm tfal f'kull każ li jbatu mill-mard?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu. Rapporti epidemjoloġiċi 'ad hoc' fuq firxa wiesgħa kif qed jitlob l-Onorevoli, ma jistgħux isiru fi ftit ġranet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jingħataw servizz awdjoloġiku mill-Isptar San Luqa? X'etajiet huma? X'tip ta' servizzi jingħataw? kemm idumu biex jiġu moqdija? Kif inhu meqjus il-kwalita' tas-servizz?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaqqaf il-kumitat biex jeżamina s-servizzi awdjoloġiċi li jingħataw mill-Isptar San Luqa li ġie mwiegħed lill-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ f'Novembru li għadda? Min se jkun f'dan il-kumitat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
NInforma l-Onor. Interpellant li l-Kumitat li qed jirreferi għalih inħatar. Dan il-Kumitat Konġunt bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-Għaqda Nazzjonali għat-Tfal u Żgħażagħ neqsin mis-smiegħ hu magħmul kif ġej:
Chairperson: Is-Sur Joseph Camilleri (KNPD)
Membri: Is-Sur Chris Ripard (NAYD)
Ms. Carmen Cascun (Diviżjoni tal-Edukazzjoni)
Dr. Anthony Fenech (Diviżjoni tas-Saħħa)
Il-ħatra tal-membri tibqa fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'rekords għandu d-Dipartiment tas-Saħħa dwar persuni ta' etajiet differenti li jbatu minn problemi tad-dahar? Jista' l-Ministru jagħti dan it-tagħrif għas-sena 1997 u 1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku dwar it-tip ta' problemi tad-dahar li qed jirreferi għalihom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi inizjattivi maħsuba mill-awtoritajiet tas-saħħa biex tqum aktar kuxjenza dwar x'għandu jsir għal stil ta' ħajja sana fost tfal u adoloxxenti ta' bejn it-3 snin u s-16-il sena? Fiex jikkonsistu dawn l-inizjattivi? Meta se jiġu organizzati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li hemm diversi inizjattivi maħsuba mill-Health Promotion Department biex inrawnu fost it-tfal u ż-żgħażagħ il-kunċett ta' stil ta' ħajja aktar b'saħħitha.
Sa mill-1995, Malta, permezz tal-Health Promotion Deparment, u bi ftehim bejn il-Ministeru ta l-Edukazzjoni u l-Ministeru tas-Saħħa, ssieħbet fil-European Network of Health Promoting Schools għall-'pilot phase' tal-proġett li dam sejjer tlett snin. Matul dan iż-żmien, ġew imħeġġa jorgannizzaw attivitajiet u jħejju policies biex jgħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-għażla ta' stil ta' ħajja li tgħinhom aktar għal saħħithom. Il-Health Promotion Department f'dan il-perjodu ta l-għajnuna tiegħu f'dik li hi konsulenza għal dan il-proġett, materjal u provvediment ta' esperti li tkellmu fuq diversi suġġetti.
Issa li l-'pilot phase' spiċċat, matul is-sena skolastika kurrenti, qed jiġi evalwat il-proġett sabiex insaħħu dak kollu li kien suċċess u jiġu diskussi l-problemi li nqalgħu. Fl-istess ħin qed jiġi ppjanat kif ser nimxu l-quddiem ħalli minn 'pilot phase' ngħaddu għal attivitajiet stabbiliti ta' Health Promotion fl-iskejjel.
Fost pjanijiet oħra, hemm il-ħsieb li nħeġġu kemm jista' jkun numru ta' skejjel biex isiru Health Promoting Schools kif ukill il-kunċett ta' Health Promotion jiġi inklus kemm fil-'pre-service training' tat-Teachers, kif ukoll fl-'in-service training'. Huwa maħsub ukoll li jsir 'survey' fuq il-'Health Behaviour' ta ' tfal u adoloxxenti ta' bejn it-3 u s-16 il-sena.
Minbarra dan, il-Health Promotion Department jiġi mistieden ġo skejjel regolarment biex esperti fl-oqsma tagħhom jagħtu talks kemm lill-ġenituri kif ukoll lit-tfal. Il-materjal ippublikat mill-Health Promotion Department jintbagħat regolarment lill-iskejjel. Il-Health Promotion Department għandu l-ħsieb ukoll li jippublika materja apposta għat-tfal u ż-żgħażagħ ta' din l-eta'.
Hemm il-ħsieb ukoll, imma għalissa għadha fil-fażi embrijonika, li skond kif imwiegħed fil-programm elettorali, tiġi mwaqqfa taqsima ġdida ta' kura għaż-żgħażagħ li tieħu ħsieb problemi li jolqtu lilhom bħall-ikel, mard trasmess sesswalment, stress psikoloġiku fi żmien l-eżamijiet u l-għażla tal-karriera, minbarra d-droga u x-xorb.
Jista' l-Ministru jgħid jekk minn Settembru, 1998 'il hawn ġewx impjegati kandidati li għaddew mill-eżami tal-Clerical Ward Assistants li sar madwar erba' snin ilu? Jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru ta' dawk li ġew impjegati? Kemm minn dawk li ġew impjegati kienu Maltin u kemm kienu Għawdxin ? Jekk saru xi mpjiegi, dawn l-impjiegi kienu temporanji jew permanenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li minn Settembru 1998 l-hawn ma' ġew impjegati l-ebda Ward Clerical Assistants, li għaddew mill-eżami erba' snin ilu.
Jista' l-Ministru jgħid fil-bini tad-Diviżjoni u tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u tas-Segretarju Parlamentari fil-Furjana, kemm hemm impjegati tal-gvern li xogħolhom hu li jnaddfu l-uffiċini, is-swali, l-kuriduri u t-turġien ta' dan il-bini? Minn Settembru, 1998 sa Frar 1999, kem intnefqu flus fuq materjal ta' tindif? Kemm hemm f'kull sular persuni li xogħolhom hu li jżommu l-post nadif? X'inhu s-salarju tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sular ta' fuq, fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni hemm erba' impjegati tal-gvern li jnaddfu. Dawn l-impjegati huma General Hands, fi skali 18/19.
Il-materjal ta' tindif jinġieb prinċipalment mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Xi materjal ieħor ta' tindif, li ma jkunx jista' jinġieb minn hemmhekk jinxtara mill-Ministeru. L'ispiża li ntefqet tammonta għal Lm26.63.
Is-Segretarjat Parlamentari jimpjega persuna waħda (1) fuq xogħol ta' tindif. Ix-xogħol jinkludi tindif ta': uffiċini, boardroom, pantry, toilets.
L-iskala tas-salarju ta' l-imsemmija impjegata hija dik Numru 19 (Lm2705 x 57 - Lm3104). Bħalissa, s-Segretarjat jinsab mingħajr servizz ta' impjegata fuq tindif wara li din kienet ġiet trasferita għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fis-17 ta' Frar 1999 u s'issa ma nkisbitx sostituzzjoni għaliha.
Sabiex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas, is-Segretarjat ħa ħsieb li jikseb servizz ta' tindif alternattiv wara sejħa għall-offerti (Quotations). Dan is-servizz ġdid qiegħed isir permezz tad-ditta Bad Boys Ltd b'effett mid-29 ta' Marzu 1999.
L-ammont li ntefaq fuq materjal ta' tindif bejn Settembru 1998 u Frar 1999 huwa ta' madwar Lm26.
Id-dipartiment taż-Żgħażagħ u Sports jimpjega tliet (3) persuni fuq xogħol ta' tindif. Ix-xogħol jikkonċerna prinċipalment tindif ta' l-uffiċini.
L-iskala tas-salarji ta' l-imsemmija impjegati hija dik Numru 18 (Lm2843 x 59 - Lm3256).
L-ammont li ntefaq fuq materjal ta' tindif bejn Settembru 1998 u Frar 1999 huwa ta' madwar Lm18.
In-numru ta' l-impjegati tal-Gvern li qed jagħmlu xogħol ta' tindif fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huwa 10, imqassmin hekk:
Basement 3
Ground Floor 2
First Floor 1
Second Floor 4
Minn Settembru 1998 sa Frar 1999 intefqu Lm1190 fuq materjal ta' tindif.
Id-Diviżjoni tħallas is-somma ta' Lm2767.918 fix-xahar għas-salarji ta' dawn il-persuni.
Minkejja li suppost li t-taxxa tal-VAT ma tolqotx lill-edukazzjoni, jista' l-Ministru jgħid għaliex qed tiġi imposta fuq ħwejjeġ li jinxtraw għall-istudenti, kif tindika ċ-ċirkolari li qed ngħaddilek ma' din il-mistoqsija?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-liġi dwar it-Taxxa Fuq il-Valur Miżjud, l-istess bħall-liġi ta` qabilha dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa, tipprovdi li l-provvista ta` edukazzjoni, riċera edukattiva u tagħlim privat kif indikat taħt Partita 11 tat-Taqsima Wieħed tar-Raba` Skeda ta` l-istess liġi huma eżenti.
Ħwejjeġ li jistgħu jintużaw bħala uniformijiet għall-istudenti m`humiex meqjusa bħala provvista ta` edukazzjoni u għaldaqstant m`humiex eżenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jappoġġja l-petizzjoni li nġabret mill-ġenituri tat-tfal ta' l-iskola primarja Tarxien B biex kuljum jintbagħat pulizija ħdejn l-iskola ħalli jiġi evitat il-periklu għat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li pulizija jkun ordnat kuljum fil-ħin tad-dħul u ħruġ tat-tfal mill-kumpless ta' skejjel li minnu tagħmel parti l-Iskola Primarja B Tarxien.
Jista' l-Ministru jara li kull meta jkun hemm skola u fil-ħin tad-dħul u tal-ħruġ tat-tfal ta' l-iskola primarja Tarxien B ikun hemm pulizija ħdejn l-iskola biex jevita periklu għat-tfal? Għaliex mhux qed jintbagħat pulizija kull meta jkun hemm skola?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien u għadu jkun hemm assenjati regolarment żewġ pulizija fejn l-iskola li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal.
03.05.99 (a.m.)
Jistgħu jittieħdu passi biex fl-aħħar issir it-triq li twassal għall-iskola primarja Tarxien B peress li ilha tistenna snin twal biex it-triq tinkesa u ma tibqax imħarbta tant li lanqas il-karozzi li jwasslu lit-tfal ma jidħlu fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għamel `assessment` tax-xogħol li hemm bżonn fil-lokalita` biex is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant ikun jista` jitwettaq.
Jista' l-Ministru jgħid x'tagħrif jeżisti mir-rekords mediċi fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa li juru problemi tad-dahar fi tfal u adoloxxenti fl-eta' bejn is-7 snin u l-14-il sena? Jista' jagħti statistika dwar dawn il-problemi tad-dahar għas-snin 1997 u 1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu. Ninfurmah ukoll li l-istudju tal-kawżi tal-mard tad-dahar huwa suġġett kumpless li ma jistax isir fi żmien qasir permezz ta' eżami retrospettiv ta' rekords mediċi eżistenti, imma jirrikjedi studju epidemjoloġiku 'ad hoc'.
Minn Settembru 1998 sal-15 ta' Frar, 1999 kemm-il persuna talbet l-għajnuna taċ-Ċentru tad-Detox minħabba abbuż ta' droga?
Jista' l-Ministru jagħti l-figuri xahar b'xahar għal Malta u Għawdex separatament?
Kull xahar kemm-il persuna marret l-ewwel darba għal kura? Kull xahar kemm kien hemm persuni taħt it-18-il sena li talbu l-kura?
Kemm kull xahar kienu qed jabbużaw mill-eroina, kokaina eċċ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni Maltin li bħalissa jinstabu f'ħabsijiet barranin li: (a) qed jiġu nvestigati fuq xi reat; (b) qed iservu sentenza ta' ħabs?
X'għajnuna konsolari tingħata f'kull każ?
Fil-każ ta'(b) kemm qed iservu snin ta' ħabs kull wieħed?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li għandhom neighbourhood watch? Hemm xi kunsilli lokali li għandhom kuntatti mal-pulizija biex iwaqqfu neighbourhood watch?
X'għajnuna jagħtu l-pulizija għat-twaqqif u l-progress tan-neighbourhood watch?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-lokalitajiet li għandhom neighbourhood watch huma dawk ta' Ħal Tarxien, tas-Sliema, Santa Venera, ir-Rabat (Tal-Virtu'), il-Mosta (il-Blata l-Għolja) u l-Mellieħa (Santa Maria Estate).
Ninsab infurmat ukoll li fost il-Kunsilli Lokali li qegħdin f'kuntatt mall-Pulizija biex iwaqqfu neighbourhood watch fil-lokal tagħhom hemm dawk tal-Gżira, ta' Senglea, ta' Bormla u tal-Kalkara.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi kemm l-Assistenti Kummissarji, kif ukoll is-Supretendenti u l-Ispetturi fid-diversi Distretti tal-Pulizija huma responsabbli sabiex jinkoraġġixxu u jassistu fit-twaqqif u t-tħaddim tan-Neighbourhood Watch. Il-Community and Media Relations Unit (CMRU) fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ukoll għandha l-kompitu li teduka l-pubbliku dwar strateġiji ta' prevenzjoni tal-kriminalita' inkluż it-tħaddim ta' neighbourhood watches.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija Maltija hijiex imdaħħla fl-investigazzjonijiet tal-pulizija Taljana dwar traffikar illegali ta' persuni bil-baħar? F'dawn l-aħħar ġimgħat saru żjajjar minn membri tal-korp tal-Pulizija Maltija fi Sqallija dwar dan it-traffikar ta' persuni?
Meta tiġi arrestata persuna Maltija mill-pulizija Taljana dwar traffikar illegali ta' persuni, il-pulizija Maltija tiġi nformata u mitluba informazzjoni dwar il-persuna arrestata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija Maltija hija involuta fl-investigazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani dwar traffikar illegali ta' persuni bil-baħar, pero' ma sarux żjarat fi Sqallija mill-Pulizija Maltija dwar dan. Kull meta persuna ta' nazzjonalita' Maltija tiġi arrestata mill-awtoritajiet Taljani in konnessjoni ma' traffikar illegali ta' persuni, il-Pulizija Maltija tkun infurmata u din minn naħa tagħha tagħti l-assistenza mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'użu se jsir mill-fondi li fadal għar-Raba' Protokoll Finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea?
Kif qed jipproponi li jużahom il-gvern preżenti?
Fuq liema proġetti u f'kull każ x'inhuma l-fondi li qed jipproponi li jonfoq fuq kull proġett?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mid-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li juża parti mill-fondi tar-Raba' Protokoll Finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea għall-proġett ta' komputerizzazzjoni ta' l-iskejjel tal-gvern?
Il-gvern preżenti se jimxi fuq dan il-pass?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-gvern preżenti għadu miexi fuq il-proċess biex jintuża parti mill-fondi tar-Raba' Protokoll Finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea għall-proġett ta' komputerizzazzjoni ta' l-iskejjel tal-gvern.
Bħalissa l-gvern qabbad konsulenti barranin biex iħejju r-rapport għall-proposti finanzjarji għal dan il-proġett, li jrid jiġi mressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea mhux aktar tard minn Ġunju tas-sena 1999.
Jista' l-Ministru jgħid ma' liema pajjiżi qed ikollu taħdidiet dwar li ċittadini ta' dawn il-pajjiżi jiskontaw f'pajjiżna sentenza ta' ħabs li weħlu f'Malta? Ma' liema pajjiżi diġa' jeżisti xi forma ta' ftehim? Qegħdin isiru xi taħdidiet ma xi pajjiżi għall-ewwel darba fuq dan is-suġġett?
Response (BORG, TONIO)
Malta irratifikat il-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa imsejjħa 'European Convention on the Transfer of Sentenced Persons' fis-26 ta' Marzu 1991. Il-pajjiżi l-oħra li irratifikaw din il-konvenzjoni huma: l-Austria, il-Bahamas, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Costa Rica, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Islanda, l-Italja, il-Kanada, ir-Repubblika Kroata, il-Lussemburgu, in-Norveġja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugal, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Slovaka, ir-Repubblika Slovena, Spanja, l-Isvezja, l-Isvizzera, Trinidad u Tobago, it-Turkija, ir-Renju Unit, l-Ungerija u l-Istati Uniti ta' l-Amerika.
Għalhekk ma' dawn il-pajjiżi kollha Malta għandha trattat ta' ftehim dwar tibdil ta' priġunieri. Sar ftehim ukoll mal-Libja. Malta qiegħda fil-proċess ta' taħdidiet dwar is-suġġett ma' l-Eġittu u l-Marokk.
27.04.99