Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6671 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skejjel Primarji — Assistenti Kapijiet

Question

Fil-każ ta' l-interviews li saru għall-ħatra ta' assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji u li l-kummissjoni għas-servizz pubbliku ddeċidiet li tħassar u tordna li jsiru mill-ġdid, għaliex il-kummissjoni ma ħaditx passi qabel saru l-interviews peress li kellha rappreżentant tagħha fuq il-bord ta' l-interviews u ta' l-għażla u mhux ħalliet kollox isir u joħroġ ir-riżultat qabel ħassret il-proċess b'detriment għall-kredibbilta' ta' l-istituzzjoni nnifisha?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ġejt infurmat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li hi ħadet id-deċiżjoni li tanulla l-interviews li saru għall-ħatra ta' Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel Primarji hekk kif irriżultalha li l-kriterji ta' l-għażla li kienu proposti mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni u approvati mill-Kummissjoni, ma ġewx osservati.

UE — Screening process

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li fl-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qed jieħdu sehem fl-iscreeming process ta' l-Unjoni Ewropea? X'taħriġ u formazzjoni ngħataw dawn il-persuni biex ikunu nformati sew bid-deċiżjonijiet, direttivi, riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej u dan fir-rigward ta' l-oqsma differenti li jaqgħu taħtu li jkollhom jadottaw irwieħhom għalihom minħabba l-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea?

Response (BONNICI, JOSEF)

Hemm diversi persuni li ġejjin kemm mis-Servizz Pubbliku kif ukoll mis-Segretarjat li huma nvoluti f`dan il-proċess. Ma jidhirlix li jkun għaqli li f`dan l-istadju nidentifika lill-individwi b`isimhom, speċjalment meta diversi persuni fis-Segretarjat u fil-Korporazzjonijiet jagħtu sehem fl-oqsma partikolari tagħhom kif ikun hemm bżonn. Tajjeb jingħad li qed nikkunsidraw ukoll li nutilizzaw konsulenti esperti f`dan il-qasam, speċjalment f`setturi partikulari li jirrikjedu ċerta esperjenza li mhux bilfors issibha fil-Ministeru, Segretarjat jew Korporazzjonijiet.
Leg 9 PQ #6589 Sitting 97 1999-05-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

EU — Screening process

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ ingħataw dawk li qed jagħmlu l-iscreening process ta' l-Unjoni Ewropea fl-edukazzjoni biex ikunu nformati sew bid-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ministru Ewropej, bid-direttivi tal-kunsill, bir-riżoluzzjonijiet, rakmandazzjonijiet tal-Ministru biex ikunu tassew jistgħu jagħmlu dan l-iscreening bis-serjeta'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saret laqgħa informattiva għall-Uffiċjali Edukattivi li huma involuti fil-proċess ta' Screening u ngħataw istruzzjonijiet ċari dwar kif għandhom jirrispondu għad-deċiżjonijiet, direttivi, riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropeja dwar l-edukazzjoni.
Leg 9 PQ #6647 Sitting 97 1999-05-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Student bid-dyslexia

Question

Jista l-Ministru jara li l-istudent, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa minħabba l-kondizzjoni tad-dyslexia li jidher li għandu u li qed toħloqlu diffikultajiet biex jitgħallem?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux possibli li tingħata għajnuna lit-tfal dyslexic kollha. Bħalissa qed tingħata għajnuna skon il-gravita` tal-problema.
Leg 9 PQ #6648 Sitting 97 1999-05-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permess ta' parkers

Question

Kemm hawn persuni li f'Malta u Għawdex għandhom il-permess li jagħmluha ta' parkers tal-karozzi? F'kull każ fejn huma dawn il-lokalitajiet? Huwa permess li meta jmut parker ibnu jbiegħ għal eluf ta' liri il-liċenzja ta' parker lil xi persuna oħra? Kemm hemm persuni li applikaw għall-parker?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'Malta u Għawdex hawn 47 persuni bil-liċenzja ta' car park attendant. Dawn qegħdin mqassma hekk : Il-Belt Valletta - 18, il-Furjana - 7, Tas-Sliema - 5, Għajn Tuffieħa - 4, ir-Rabat (Malta) - 3, iċ-Ċirkewwa - 2 u l-Ġnejna - 2, filwaqt li f'dawn il-lokalitajiet hemm wieħed - Guardamangia, Ħal Qormi, Raħal Ġdid, Wied iż-Żurrieq, Ħaġar Qim, Delimara. L-ebda liċenzja jew permess tal-Pulizija ma jista` jinbiegħ. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li hemm 8 applikazzjonijiet pendenti. 12.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #6649 Sitting 97 1999-05-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Beach concessions

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji se jiġu kkalkolati l-valur ta' l-art kontigwa li applikaw għaliha beach concessions diversi fl-aħħar sena per eżempju Costa del Sol fl-Għadira? Fuq liema kriterji se jiġi stabilit il-valur ta' l-art ta' dawk li għalqilhom iċ-ċens tal-beach concessions u applikaw biex jerġgħu jingħataw l-art mill-ġdid?

Response (BORG, TONIO)

Nippresumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Beach Establishments li nbnew fuq art tal-Gvern li ġiet mogħtija b'ċens ta' 25 sena apposta għal dan l-iskop. Il-policy dejjem kienet u għadha li, f'każijiet bħal dawn, meta jagħlaq iċ-ċens jerġgħu joħorġu l-offerti u l-persuna li f'idejha kellha ċ-ċens tingħata d-dritt ta' l-ewwel rifjut. Presentament qed tiġi mistħarrġa l-possibilita' illi uħud minn dawn il-fondi jinbiegħu b'offerta. Fi kwalunkwe każ, il-valur tal-proprejta` dejjem jiġi bażat fuq il-press tas-suq. 12.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #6650 Sitting 97 1999-05-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Gabbani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ikel jistgħu jippreparaw u jservu l-kiosks u l-gabbani mxerda ma' Malta u Għawdex skond ir-regolamenti li taħthom ingħataw il-permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kiosks liċenzjati prinċipalment għall-bejgħ ta' ikel take away li jinħtieġ preparazzjoni jew tisjir huma limitati li jippreparaw u jservu burgers, hot dogs, chips u ħobż biż-żejt. 12.05.99 (p.m.)

Protokoll — Reazzjoni tal-maġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-Ministeru dwar ir-reazzjoni tal-maġistrati li ma jaċċettawx il-preċedenza allokata lilhom fil-proposta ġdida dwar il-protokoll?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-kwistjoni tal-preċendenza ma` taqax taħt ir-risponsabbilta` tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

UE — Raba' Protokol Finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5513 u cioe' jista' jgħid x'użu se jsir mill-fondi li fadal għar-Raba' Protokol Finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea? Kif qed jipproponi li jużahom il-gvern preżenti? Fuq liema proġetti u f'kull każ, x'inhuma l-fondi li qed jipproponi li jonfoq fuq kull proġett?"

Response (BORG, JOE)

Id-diskussjonijiet fuq ir-Raba Protokol Finanzjarju jinsabu f`fażi finali rigward il-proġetti li l-Gvern ser jiftiehem dwarhom ma` l-Unjoni Ewropea. Id-dettalji mitluba ikunu jistgħu jingħataw meta dawn id-diskussjonijiet jitlestew.

Detox — Għajnuna

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5321 u cioe' minn Settembru 1998 sal-15 ta' Frar, 1999 kemm-il persuna talbet l-għajnuna taċ-Ċentru tad-Detox minħabba abbuż ta' droga? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-figuri xahar b'xahar għal Malta u Għawdex separatament? Kull xahar kemm-il persuna marret l-ewwel darba għal kura? Kull xahar kemm kien hemm persuni taħt it-18-il sena li talbu l-kura? Kemm kull xahar kienu qed jabbużaw mill-eroina, kokaina, eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 12.5.99
Leg 9 PQ #6585 Sitting 96 1999-05-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior College — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex b'xi mod jew ieħor jiġi rimedjat l-iżball li se jbatu minnu l-istudenti tal-Junior College li se jagħmlu l-Matsec fil-mużika f'livell avvanzat, peress li proprju ftit jiem qabel l-eżami saru jafu li s-sillabu li ġew ippreparati għalih mhux l-istess wieħed li se jiġu eżaminati fuqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed nistħarreġ l-ilment imqanqal fil-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #6586 Sitting 96 1999-05-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Gradwati tal-B.Ed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkollha bżonn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tirrikluta gradwati B.Educ għas-sena skolastika li jmiss: (1) fil-qasam sekondarju (i) f'Malta; (ii) f'Għawdex; (2) fil-qasam primarju (i) f'Malta; (ii) f'Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

L-eżerċizzju meħtieġ għad irid jiġi kompilat u għaldaqstant għadni m'hinix f'pożizzjoni nagħti t-tweġiba mitluba.

EU — Screening process

Question

Jista' l-Ministru jgħid min fl-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qed jieħdu sehem fl-iscreening process ta' l-Unjoni Ewropea? X'taħriġ u formazzjoni ngħataw dawn il-persuni biex ikunu nformati sew bid-deċiżjonijiet, direttivi, riżoluzzjonijiet u rakmandazzjonzijiet tal-Kunsill tal-Ministru Ewropej u dan fir-rigward ta' l-oqsma differenti li jaqgħu taħtu li jkollhom jinbidlu u jadottaw irwieħhom minħabba l-applikazzjoni għas-sħubija fl-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Dr N Bonanno - assistent kap fil-Ministeru tiegħi pparteċipa fl-iscreening process (multilateral) tal-politika reġjonali (l-fond Ewropej tal-Agrikoltura). Is-Segretarju Permanenti, d-Direttur tal-Agrikoltura u d-Direttur tas-Servizzi Veterinarji pparteċipaw fl-iscreening process (Agrikoltura). Id-Direttur tal-Agrikoltura ntbagħat l-Ingilterra fuq kors ta' taħriġ dwar 'negotiating skills' mal-Unjoni Ewropea offrut mill-Gvern Ingliż. Dr N Bonanno fil-passat mar Spanja u l-Portugall dwar il-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea f'dak li għandha x'taqsam l-Agrikoltura.
Leg 9 PQ #6534 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-obbligi tal-konsulenti li hemm fl-Isptar San Luqa? Kemm suppost idumu l-isptar meta jkunu xogħol? Meta jkunu xogħol u ma jkunux fiżikament preżenti l-isptar, fuq liema kriterji jistgħu jiddeċiedu li ma jmorrux lura l-isptar minkejja li jissejħu b'urġenza minn xi tabib li jkun għassa l-isptar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-obbligi ġenerali ta' Konsulent fl-isptar San Luqa huma dawn: (a) 40 siegħa xogħol f'ġimgħa ta' sitt ijiem; u wara jista' jkun 'on call' fuq bażi ta' roster. (b) il-ħinijiet tax-xogħol mhux bilfors ikunu limitati għal dmirijiet ta' filgħodu imma skond l-esiġenzi tas-servizz. Sessjonijiet ta' wara nofs in-nhar jistgħu isiru skond l-arranġamenti approvati mid-Diviżjoni tas-Saħħa. (c) irid jieħu sehem fl-attivitajiet u fil-programm tat-tagħlim tad-Dipartiment konċernat. (d) ikollu responsabbilita fis-swali, 'operating theatres' u kliniċi kollha tad-Dipartiment konċernat kif ikun imqabbad mid-Direttur tad-Dipartiment relattiv. (e) jista' jkun meħtieġ li jagħmel regolarment sessjonijiet speċjalizzati fiċ-Ċentri tas-Saħħa skond programmi approvati dwar kura fil-Komunita. (f) meta l-konsulent ikun 'admitting consultant' (fuq xogħol) jista' jkun meħtieġ li jattendi għal ħtiġijiet tal-pazjenti skond l-esiġenzi tas-servizz. Hu għandu, dak in-nhar filgħaxija jdur is-sala biex jaċċerta sakemm hu prattikabbli li kull dħul ta' emerġenza li jsir wara nofs in-nhar u kmieni filgħaxija jiġi eżaminat minnu fl-istess ġurnata tad-dħul. (g) ikun responsabbli li jaċċerta li d-dixxiplina u l-prattika fis-sala (inklużi l-aspetti ta' l-iġjene) li jaffettwaw il-pazjenti taħt il-kura tiegħu jkunu ta' l-għola livell possibbli. (h) ikun responsabbli li jaċċerta t-twettiq ta' programm kontinwu ta taħriġ u edukazzjoni għall-istaff li jieħu ħsieb il-pazjenti taħt il-kura tiegħu. (i) irid jieħu sehem fit-tagħlim u taħriġ ta' studenti ta' qabel u ta' wara l-gradwazzjoni. Il-konsulent, ma l-obbligi msemmija hawn fuq, ikollu obbligi oħra speċifiċi skond id-dixxplina li jaħdem fiha. Il-Konsulent għandu 'team' tiegħu li flimkien miegħu jkun għassa. Filwaqt li hu responsabbli għal kull ma jagħmel it-'team', hija fid-diskrezzjoni tiegħu jekk jattendix personalment jew le.
Leg 9 PQ #6535 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Imwiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru inkjesti dwar imwiet li seħħew fl-Isptar San Luqa minn Settembru, 1998 sa April, 1999? Kemm hemm konklużi minn dawn l-inkjesti? X'irriżulta mill-inkjesti konklużi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minn Settembru 1998 sa April 1999 infetħu erbgħa nkjesti dwar imwiet fl-Isptar San Luqa. Minn dawn ġiet konkluża nkjesta waħda li fiha l-konklużjoni kienet illi ma kien hemm l-ebda evidenza ta` negliġenza. Fit-tlett każi l-oħra d-Dipartiment għadu qed jistenna r-rapport tal-Bord ta`
Leg 9 PQ #6536 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Istat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat flus kull skola primarja u sekondarja tal-gvern s'issa matul din is-sena skolastika biex tmexxi lilha nnifisha? Kif ġiet ikkalkolata s-somma mogħtija lil kull skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull skola Primarja u Sekondarja tirċievi żewġ Imprests:- (a) Imprest for Materials and Supplies (b) Imprest for School Maintenance Il-fondi għal kull skola jiġu maħduma skond in-numru ta' studetni li jkun hemm. L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-figuri ndikati huma dawk dovuti għal kull skola għal sena sħiħa. L-iskejjel diġa' rċevew nofs is-somma ndikata. F'Mejju jirċievu n-nofs l-ieħor ta' l-Imprest Materials for Materials and Supplies u f'Lulju jirċievu l-kumplament ta' l-Imprest for School Maintenance.

Power stations — Sulphur content

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-sulphur content tal-fuel li jintuża fil-power stations lokali? Kif jitqabbel il-livell tas-sulphur ma' fuels oħra li jintużaw minn pajjiżi bħall-Istati Uniti, il-Ġermanja u l-Ingilterra? X'effett iħalli fuq il-kwalita' ta' l-arja l-fuel li jintuża fil-power stations lokali?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-fuel li jintuża fil-boilers tal-power station hu heavy fuel oil b`kontenut massimu ta` kubrit (sulphur) ta` 3.5%. Il-combined cycle plant li qed jinbena f`Delimara juża gas oil b`kontenut massimu ta` sulphur ta`0.5%. Fis-suq taż-żejt jeżistu żewġ standards ta` heavy fuel oil, dak ta` 3.5% sulphur u dak ta` 1% sulphur. F`power stations fil-pajjiżi msemmija l-fuel oil ma tantx jintuża, billi l-fuels prinċipali huma l-faħam u n-natural gas. L-iktar li jintuża l-heavy fuel oil hu f`power stations assoċjati ma raffineriji. Minħabba limiti fuq l-emissjoni ta` sulphur dioxide, fejn jintuża żejt b`sulphur b`kontenut għoli tintuża s-sistema ta` fuel gas desulphurisation. F`power stations oħra jintuża żejt b`kontenut massimu ta` 1% Mill-bidu ta` din l-amministrazzjoni, meta rriżulta li l-fuel oil kien fih 3.5 fil-mija sulphur, staqsejt lill-Enemalta biex tħejji pjanijiet sabiex jiġi użat fuel b` massimu ta` 1 fil-mija sulphur. Fil-fatt qed isir investiment fil-power stations biex isir it-tibdil neċessarju (Fuel injection system) biex dan it-tip ta` fuel b`sulphur content ferm inqas minn dak użat s`issa jkun jista` jintuża s-sajf li ġej. B`hekk il-poplu Malti, speċjalment ir-residenti fil-viċinanzi tal-Power Station tal-Marsa, ikun qed igawdi minn tnaqqis sostanzjali ta` tniġġiz mill-operat tal-Power Station. Dan huwa konsistenti mal-miżuri li kien ħa l-Gvern Nazzjonalista ta` qabel biex jitnaqqas it-tniġġiz mill-Power Station tal-Marsa u b`mod partikulari meta sar investiment sostanzjali biex l-użu tal-faħam introdott mill-Gvern Laburista preċedenti, jitneħħa minn pajjiżna darba għal dejjem.
Leg 9 PQ #6538 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministru ta' l-Edukazzjoni — Rapporti

Question

Minn Settembru, 1998 sa April, 1999, jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm-il rapport ġie kkummissjonat mill-Ministru? 2) F'liema oqsma? 3) Min tqabbad iħejji dawn ir-rapporti f'kull każ? 4) Kemm tħallsu dawk li ħejjew ir-rapporti? 5) Kemm hemm rapporti li ġew mitmuma? 6) X'passi ttieħdu dwar kull rapport li ġie mitmum u mressaq lill-Ministru?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Gianpula — Mewta b'overdose

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proċess verbal tal-Maġistrat Giovanni Grixti dwar il-mewt b'overdose taż-żagħżugħ Sammy Schembri fid-disco tal-Gianpula fl-1998?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi l-proċess verbal imsemmi mill-Onor.Interpellant ghadu ma ġiex prezentat il-Qorti. Ta min jinnota, izda, illi l-processi verbali huma normalment kunsidrati bhala atti kunfidenzjali u ma humiex accessibili ghall-pubbliku.
Leg 9 PQ #6528 Sitting 94 1999-05-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tarxien — Tempji

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett bi sħab mal-Bank of Valletta biex it-tempji ta' Ħal Tarxien jiġu ppreżentati aħjar lill-viżitaturi?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed insegwi l-iżvilupp ta' dan il-proġett b'ħafna interess fil-kwadru ta' riforma komprensiva tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-wirt kulturali tal-poplu tagħna. Kif diġa` ħabbart ftit ġranet oħra ser inlaqqa` l-esperti Maltin flimkien ma' esperti barranin biex flimkien infasslu strateġija għall-konservazzjoni tat-tempji megalitiċi. Il-BOV Heritage Trust qed tieħu sehem sħiħ f'dawn l-iżviluppi.