Minn Jannar 1999 sa April 1999 liema huma l-persuni l-ġodda li ġew miġjuba fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u s-segretarjat parlamentari li jaqa' taħtu? X'xogħol ingħataw f'kull każ lil dawn il-persuni? Min huma dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
L-unika persuna ġdida li nġiebet fis-Segretarjat tal-Ministeru kienet is-Sur Colin Vassallo li ingħatat ix-xogħol ta' clerk/receptionist.
Matul il-perjodu ndikat ma ġew ebda persuni ġodda fis-Segretarjat Parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar 1999 sa April 1999 kemm-il darba ltaqa' l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija? X'deċiżjonijiet importanti ttieħdu dwar l-azzjoni li se tittieħed minn dan il-kunsill tul l-1999? Xi pjan ta' ħidma qed jaħdem fuqu għal matul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Jannar '99 sa April '99, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija iltaqa` erba' darbiet. Il-linji ġenerali ta' pjan ta' ħidma tal-Kunsill huma imfissra fid-dokument li ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiftaħ l-Ipoġew mill-ġdid, peress li f'mistoqsija preċedenti ngħatajt it-tweġiba li dan kellu jiftaħ f'April 1999 u dan ix-xahar għadda u ma nfetaħx? X'inhuma r-raġunijiet li x-xogħol waqa' lura?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Kollega għat-tweġiba diġa` mogħtija għall-Mistoqsija numru 5338.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol mill-Bank of Valletta biex it-tempji ta' Ħal Tarxien jiġu riabilitati u ppreżentati aħjar u b'mod interattiv għall-pubbliku u bi struttura maniġerjali moderna?
Response (GALEA, LOUIS)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt xi tlett ġimgħat ilu għall-istess Mistoqsija ta' l-Onor. Kollega.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mil-istudenti u għalliema ta' l-iskola tas-snajja' ta' Bighi issa li l-gvern ħa deċiżjoni li jagħlaqha? X'użu se jagħmel il-gvern mill-bini ta' din l-iskola?
Jista' l-Ministru jgħid min ta permess lil Marea Kiosk fl-Għadira jqatta' r-railings u jagħmel taraġ għall-main street tal-bajja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma saret l-ebda applikazzjoni ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għax-xogħol li sar fil-post speċifikat mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmat ukoll li nħarġet enforcement notice dwar dan l-iżvilupp.
19.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, minn Birkirkara tkun assessjata mill-Istatementing Board biex ikun magħruf x'għajnuna u xi programm edukattiv għandha bżonn biex tkompli bl-edukazzjoni tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istatementing Board jiltaqa' regolari kull ġimgħa sabiex jiddiskuti każijiet ġodda li jkun irċieva. L-Istatementing Board ser jiddiskuti l-każ tal-persuna li isimha qed jintbgħat separatament minn Birkirkara fil-ġimgħat li ġejjin flimkien ma' ħafna każijiet oħra li l-Board għandu quddiemu. Fl-ewwel sena tal-ħidma tiegħu l-Istatementing Board irċieva 'l fuq minn tlett mija u tletin każ sew minn skejjel Statali kif ukoll minn skejjel tal-Knisja.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir mis-CDAU il-case conference tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li għandha erba' snin u li toqgħod Birkirkara biex ikun magħruf x'għajnuna għandha bżonn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija fil-Mistoqsija, bdiet tattendi s-CDAU fis-7 ta' Diċembru 1998. Sakemm il-każ tagħha ġie assessjat, ingħatat regolarment it-terapija meħtieġa. Issa l- issir fid-9 ta'Ġunju 1999.
Jistgħu jittieħdu passi biex l-istudenti Għawdxin li se joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC fil-Bijoloġija, Fiżika u Kimika ma joqogħdux jinġiebu Malta għas-sessjonijiet tal-laboratorji iżda jagħmlu dawn is-sessjonijiet fil-laboratorju f'Għawdex stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord tal-Matsec iddeċieda li jkun fl-aħjar interess ta' l-istudenti kollha kemm dawk Għawdxin kif ukoll dawk Maltin li kull student jagħmel l-eżamijiet prattiċi fil-laboratorji ta' l-Universita` biex kulħadd ikun qed jagħmel l-eżami taħt l-istess kundizzjonijiet. Fil-passat inqalgħu problemi oħra ta' natura teknika kif ukoll problemi marbutin mal-kunfidenzjalita` ta' l-esperimenti li l-istudenti jkunu se jiġu mitluba jagħmlu. Sa dan it-tant l-istudenti Għawdxin għażlu s-sessjoni ta' l-eżami li jridu joqogħdu għaliha, waqt li l-Ministeru f'Għawdex flimkien mal-Liċeo Superjuri t'Għawdex ser jipprovdu t-trasport, miċ-Ċirkewwa għall-Universita` u lura, għal dawn l-istudenti fil-jiem ta' l-eżamijiet.
Tista' l-Ministru tgħid kemm inħarġu karti roża u karti sofor f'Għawdex fix-xhur ta' Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru, 1998 u Jannar, Frar, Marzu u April, 1999? Fl-istess perijodu, kemm impjegati tal-gvern ġew boarded out mill-impjieg tagħhom fuq bażi medika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li minn Settembru 1998 sa April 1999 inħargu b'kollox 534-il karta roża f 'Għawdex. Dawn huma mqassmin kif imniżżel hawn taħt:
Xahar Nru ta' Karti Roża
Settembru 1998 72
Ottubru 1998 65
Novembru 1998 59
Diċembru 1998 40
Jannar 1999 68
Frar 1999 46
Marzu 1999 86
April 1999 98
L-informazzjoni dwar in-numru taż karti Sofor li nħarġu fix-xhur imsemmija tingħata f'xi seduta oħra.
Jiena nfurmata li n-numru ta' impjegati tal-Gvern li kienu jaqgħu taħt id-dipartimenti tal-Ministeru għal Għawdex u li ġew 'boarded out' mill-impjieg tagħhom fuq bażi medika kien kif se jingħad hawn taħt:
Xahar Impjegati tal-Gvern boarded out
fuq bażi medika
Settembru 1998 1
Ottubru 1998 1
Novembru 1998 1
Diċembru 1998 2
Jannar 1999 4
Frar 1999 6
Marzu 1999 1
April 1999 2
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħol sar matul din is-sena skolastika fuq il-bini tal-kumpless MA Refalo f'Għawdex? Għaliex waqaf dan ix-xogħol? Meta se jitkompla?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-Kumpless Sir M A Refalo f'Għawdex sar xogħol ta' tneħħija ta' l-apramorta l-qadima, bini ta' klassijiet u laboratorji ġodda, tqegħid ta' soqfa kif ukoll xogħol ta' ftuħ u għeluq ta' bibien u twieqi. Bħalissa qegħdin jitħejjew l-offerti sabiex jitkompla x-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li hemm bħalissa fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li qegħdin: 1) jiskontaw sentenza ta' ħabs; 2) jistennew biex jgħaddu ġuri; 3) qegħdin hemm għaliex il-qorti għadha ma ddeċidietx x'se tagħmel bil-każ tagħhom? Kemm f'kull każ huma barranin u ta' liema nazzjonalita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-4 ta' Mejju, 1999, in-numru ta' persuni li kienu qed jiskontaw sentenza ta' ħabs fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' 169, li minnhom 29 huma barranin, filwaqt li n-numru ta' dawk taħt arrest preventiv kien ta' 97, li minnhom 36 huma barranin.
Rigward it-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6721 f'Seduta 101.
Ninsab infurmat ukoll li n-nazzjonalita` tal-priġunieri barranin hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
19.05.99 (a.m.)
Dipartiment ta' l-Ambjent — Protezzjoni ta' l-ambjent
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'koperazzjoni teżisti bejn id-Dipartiment ta' l-Ambjent u dipartimenti oħra bħalma huma tal-pulizija, avjazzjoni ċivili, edukazzjoni, eċċ kif ukoll dwar tfassil ta' politika biex jiġi protett l-ambjent fl-ambitu kollu tiegħu? X'tagħmir għandu d-Dipartiment ta' l-Ambjent biex jara li ma jkunx hemm tniġġiż ta' l-arja? F'dawn l-aħħar erba' xhur - Jannar sa April - kemm ittieħdu passi mid-dipartiment li wasslu li persuni ttieħdu l-Qorti? Fuq liema kontravenzjonijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jemmen li relazzjoni tajba bejnu u dipartimenti oħra hi essenzjali biex jiġi salvagwardjat l-ambjent f'pajjiżna. Infatti dan id-Dipartiment jqis lilu nnifsu aktar bħala policy developer u regulatur, u jħalli d-dipartimenti l-oħra flimkien mas-settur privat biex jimplimentaw dawn il-policies.
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għandu apparat li jkejjel il-carbon monoxide fl-arja. Dan l-apparat intuża u saru rapporti preliminari li juru li l-livelli ta' dan il-gass jaqgħu fil-limiti gwida ta' l-Organizzazjoni Mondjali tas-Saħħa. Rapport dwar dan kien pubblikat fuq il-website tad-dipartiment. Dan l-aħħar, id-dipartiment xtara apparat ieħor li jkejjel sustanzi perikolużi oħra bħal SOx, NOx, ozone u PM10. Hu maħsub li dan l-apparat jibda jintuża sa l-aħħar tas-sena.
Dan id-dipartiment javża lill-pulizija u entitajiet oħra kull meta jiġi a konoxxenza ta' reati kontra l-ħarsien ta' l-ambjent, eż. Rimi ta' skart, kaċċa u nsib, dħul ta' speċi. Dan għamlu f'diversi ċirkustanzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-linja liċenzjati biex jaħdmu fuq rotot f'Malta u kemm hemm Għawdex? Għalkemm liċenzjati, dawn kollha jaħdmu b'mod regolari? Kemm saru testijiet fuq dawn il-vetturi fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena biex ikun żgurat li ma joħroġx duħħan żejjed mill-exhaust? X'riżultati kien hemm?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
19.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' vetturi liċenzjati bħala coaches li allura ma jaħdmux fuq rotot regolari? Fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, kemm saru testijiet fuqhom biex jiġi żgurat li ma joħroġx duħħan żejjed mill-exhaust ta' dawn il-vetturi? X'riżultati kien hemm?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
19.05.99 (a.m.)
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru laqgħat tal-bord tal-MITTS minn Ottubru 1998 sa April 1999? Min qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' CEO bħalissa? Kemm applikaw persuni għall-post ta' CEO tal-MITTS? Min ġie magħżul? Japprezza li n-nuqqas ta' sens ta' direzzjoni fil-MITTS qed tiddemoralizza lill-impjegati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-Bord tal-MITTS kellu erba laqgħat, li saru fuq sitt seduti fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija, kif jidher hawn taħt:
83rd Board Meeting 22/12/98 u 29/12/98
84th Board Meeting 19/01/99
85th Board Meeting 24/02/99 u 08/03/99
86th Board Meeting 04/05/99
Minn Diċembru 1998 sa issa x-xogħol ta' CEO qiegħed jagħmlu s-Sur Ray Navarro, Divisional Manager, Corporate Strategy u Customer Relations.
Għall-post ta' CEO kien hemm 21 applikant. Bħalissa qed isiru negozjati mal-persuna li ġiet identifikata għal dan il-post.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal bearer accounts fil-banek lokali? X'inhu l-ammont finanzjarju tagħhom flimkien?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija regolata mill-Att Bankarju ta` l-1994 u din l-informazzjoni hija miġbura regolarment kull xahar mill-Bank Centrali ta` Malta, l-għola Awtorita` kompetenti taħt l-Att hawn fuq imsemmi.
Peress li l-informazzjoni mitluba għandha ċertu valur kummerċjali, u peress li dan it-tagħrif jista` jservi ta` detriment għall-istrateġija tal-banek jekk dan isir pubbliku, ma nħossx li għandi nagħti tali informazzjoni.
Issa li wasal is-sajf u jkun hemm żieda qawwija ta' studenti barranin li jiġu pajjiżna biex jitgħallmu l-Ingliż, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri jittieħdu mill-pulizija fil-postijiet ta' divertiment, bħal Paceville, Buġibba u Għawdex, biex jiġi żgurat li ma tinkisirx il-liġi dwar dħul f'dawn il-postijiet u ta' konsum ta' alkaħol? Issir xi kampanja ta' pubbliċita' jew jinħarġu xi leaflets biex l-iskejjel konċernati jqassmuhom lill-istudenti u juruhom x'jgħidu l-liġijiet ta' Malta dwar dawn l-affarijiet?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid fit-Tweġiba għall-Mistoqsija preċedenti, qed isiru spezzjonijiet mill-Pulizija f'postjiiet ta' divertiment sabiex ma jkunx hemm abbużi, inkluż dak ta' dħul ta' persuni taħt is-sittax il-sena, kemm Maltin kif ukoll barranin f'dawn il-postijiet.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru konċernat.
18.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena skolastika sarux xi talbiet minn skejjel privati biex isir xi aġġustament fil-miżati tagħhom? Jekk iva (a) minn liema skejjel? (b) żieda ta' kemm? (c) meta saret? (d) ġiet aċettata? (e) X'ġustifikazzjoni ngħatat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena skolastika sa issa saru tlett talbiet minn skejjel privati biex isir aġġustament fil-miżati tagħhom.
1. Little Angels School
Żieda kull Term Meta saret it-talba
Kindergarten Lm27 20.01.99
Primary Lm26
2. Bambi Play School &
Anthony Lawrence Bartolo
Kindergarten Lm 3 09.03.99
Primary
Year 1 to Year 2 Lm 4
Year 3 to Year 4 Lm 4
Year 5 to Year 6 Lm 4
3. St Cecilia Kindergarten
Kindergarten Lm10 09.04.99
Rigward l-aċċettazzjoni il-ġustifikazzjoni għal dawn it-talbiet nirreferi l-Onor. Interpellant għall-Avviż Legali 150 ta' 1990 (sezzjoni 12 par.3):-
"Ma għandu jsir ebda tibdil fir-rati tal-ħlas tal-miżati jew ħlas ieħor qabel ma jingħata AVVIŻ lill-Onorevoli Ministru responsabbli għall-Edukazzjoni mhux anqas minn xahar qabel ma jsir dan it-tibdil".
Ara ukoll A.L. ta' l-1994:
"Iżda r-rati tal-ħlas tal-miżati jew ħlas ieħor stabiliti fil-bidu ta' sena skolastika ma jistgħux jiżdiedu matul dik is-sena skolastika kollha kemm hi".
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' studenti li qagħdu għall-eżamijiet tal-: (1)SEC; (2) MATSEC; (3) Livell avvanzat fl-eżamijiet li qed isiru bħalissa? Kemm huma mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u privati? Kemm minnhom huma studenti bniet? Kemm intalbu eżenzjonijiet mill-ħlas ta' l-eżamijiet u x'kienu r-raġunijiet prinċipali? Kollha ġew aċċettati? Kemm kien hemm studenti li applikaw għall-eżamijiet għaliex għalqu is-sittax (16)-il sena iżda ma temmewx Form V?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.