Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex fil-Freeport jiġu solvuti l-problemi tad-dewmien fiċ-ċaqlieq tal-containers minn Terminal II għal Terminal I, ċaqlieq li skond il-GRTU qed jieħu 72 siegħa, l-istess żmien li container jieħu biex mir-Renju Unit jasal Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li t-tul ta` 72 siegħa imsemmija, kienet riżultat ta` miżura temporanja li ttieħdet waqt li kienu għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kumpanija u l-burdnara biex tinstab soluzzjoni għal diffikulta` li kienet inqagħlet bejniethom. Infatti fis-26 ta` Mejju 1999 ġie formulat abbozz ta` ftehim bejn il-partijiet li mistenni jwassal għal ftehim aħħari.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun jista' jaċċetta studenti f'kull kors differenti li se jorganizza l-Istitut għall-Istudji tar-Restawr li se jorganizza f'Ottubru, 1999? Fejn se jsiru l-korsijiet u liema korsijiet se jiftħu f'Ottubru, 1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hu maħsub li kull sena b'effett minn Ottubru 1999 fl-Istitut għall-Istudji fir-Restawr, se jilqa` fih in-numru ta' studenti kif se nsemmi għal tlett korsijiet differenti:
Diploma fl-Istudi tar-Restawr u Konservazzjoni - 22 student
Ċertifikat ta' Assistent Restawratur - 15-il student
Ċertifikat ta' Artiġjan tar-Restawr - 15-il student
Peress li minn Ottubru li ġej l-Istitut għall-Istudju tar-Restawr se joffri korsijiet ta' sena u ta' tlett snin, jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm persuni jgħallmu f'dawn il-korsijiet, xi kwalifiki għandhom u minn liema pajjiż ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-arbli tad-dawl minn Kennedy Grove sal-Coastline twaħħlu wħud minnhom quddiem il-crash barrier b'periklu serjissimu għas-sewwieqa meta nafu li għadd ta' persuni mietu wara li kienu f'karozzi li ħabtu ma' arbli tad-dawl?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-arbli msemmija twaħħlu maġend il-crash barrier peress li ma kienx fiżikament possibli li jitwaħħlu wara l-barriers imsemmija. Qed isiru diskussjonijiet mad-Dipartiment tat-Toroq sabiex il-crash barrier tiġi mressqa quddiem l-arbli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi drittijiet għall-pensjoni għandha l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ħadmet bejn Settembru, 1954 u Mejju, 1965 u reġgħet bdiet taħdem bejn Jannar, 1995 u għadha taħdem u se tkompli taħdem sakemm tirtira minn hawn u ftit ieħor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna kkonċernata. Billi t-talba hija għal stima ta' rata ta' pensjoni jkun meħtieġ li tinġabar ċertu nformazzjoni. Hekk kif jitlestew dawn l-investigazzjonijiet, il-persuna kkonċernata tiġi nfurmata bid-dettalji tal-każ tagħha.
1.6.99
Jista' l-istabbiliment, li ismu qed jintbagħat separatament, ikeċċi minn miegħu liż-żagħżugħ, li ismu qed jintbagħat separatament, wara li kien ilu sena u nofs miegħu, kultant taħt job coach provdut mill-Fondazzjoni Eden? Kif jista' dan l-istabbiliment ikeċċi lil dan iż-żagħżugħ bla ma qatt tah warning jew bla ma ġiet segwita xi proċedura li tintuża meta jintemmu l-impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li ż-żagħżugħ li għalih qed jirreferi l-Onor. Membru kien ġie impjegat mill-istabbiliment indikat bis-saħħa ta' programm li jitmexxa mill-Fondazzjoni Eden u l-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ u li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jinstab impjieg għal persuni b'diżabilita'.
Jirriżultali minn rapport tad-Dipartiment tax-Xogħol li, f'dan il-każ partikolari, sar kull sforz mill-istabbiliment konċernat sabiex dan iż-żagħżugħ ikun jista jkompli fl-impjieg tiegħu, iżda, anki wara konsultazzjoni ma l-istess Fondazzjoni Eden, instab li dan ma kienx possibbli.
Jien infurmat ukoll li, f'dan il-każ, ma kien hemm l-ebda ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
1.6.99
Dipartiment tal-Kuntratti — Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sejħa għall-offerti li ħarġet il-Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi għall-provvista ta' l-ikel fl-isptarijiet tal-gvern ġiet awtorizzata mid-Dipartiment tal-Kuntratti kif jitolbu r-regolamenti finanzjarji tal-gvern imressqa mill-Gvern Nazzjonalista f'Ġunju 1996 b'Avviż Legali 70/96? Jekk is-sejħa ġiet awtorizzata, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f`seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux sodisfatt bil-kwalita' ta' xogħol li qed isir min-naħa Maltija fil-ġbir u għoti ta' informazzjoni fil-proċess ta' screening li qed isir għall-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Minn dak li sar sa llum, iva, ninsab sodisfatt bil-kwalita` ta` xogħol li qed isir min-naħa Maltija fil-ġbir u għoti ta` informazzjoni fil-proċess ta` screening li qed isir għall-applikazzjoni ta` Malta fl-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn waslu l-isforzi biex jiġi reklutat CEO għall-MITTS?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena infurmat li s-Sur Victor Vella AIMIS, FCCA, MBA ngħata l-ħatra bħala ċ-CEO il-ġdid tal-MITTS u li dan rrapporta għax-xogħol nhar it-Tnejn, l-24 ta' Mejju 1999.
Is-Sur Vella intgħażel wara sejħa pubblika u proċess ta' għażla li saret mill-MITTS bl-assistenza kontinwa tal-kumpanija tal-konsulenza professjonali, PricewaterhouseCoopers.
Is-Sur Vella li ilu jgħix barra minn Malta mill-1985 'l hawn, għandu esperjenza vasta ma' kumpaniji internazzjonali ta' l-informatika fl-Amerika u fl-Ewropa. Dan l-aħħar is-Sur Vella kien jgħix fl-Olanda.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-banek qed jiġbru n-numru tal-karta ta' l-identita' ta' dawk kollha li jagħmlu tranżazzjonijiet bil-bearer accounts? Jikkonferma li din it-tip ta' identifikazzjoni tfisser it-tmiem tal-bearer accounts?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li din il-proċedura ilha tiġi adottata għal dawn l-aħħar erba` snin u dan sabiex ikun hemm konformita` mal-provvedimenti ta` l-Avviż Legali numru 195 ta` l-1994 li daħal in vigore fit-30 ta` Diċembru 1994.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-instructors u instructresses wara li jagħmlu l-interviews? Se jiġu reklutati kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
L-instructors/instructresses li temmew il-kors ta' taħriġ b'suċċess u li jinstabu aċċettabbli mill-Bord ta' l-Għażla mwaqqfa mill-PSC, jingħataw l-impieg.
Bejn il-perijodu Ottubru 98 sa April 99, jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel kellna każi fejn membri tal-minor staff ħabtu għall-kapijiet, assistenti kapijiet u għalliema? X'passi ttieħdu kontra dawn il-persuni li naqsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġew irrapurtati żewġ każijiet fejn membri tal-Minor Staff allegatament ħebbew għall-Kap ta' l-Iskola tagħhom u li f'każ minnhom l-awtoritajiet qegħdin f'kuntatti mal-Pulizija dwar l-azzjoni minn naħa tagħhom, u filwaqt li t-tieni każ qiegħed quddiem il-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-istipendji ta' l-istudenti fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi jekk jirriżulta li t-tnaqqis proposti fl-istipendji ma jagħmlux tajjeb għalihom dawk li jħaddmu f'dawn is-settur?
Response (REFALO, MICHAEL)
Imħabba ċ-ċirkostanzi speċjali tal-każ l-istipendi ta' l-istudenti tal-'I.T.S.' ser jibqgħu kif inhuma llum. It-taħdidiet li qed isiru mar-rappreżentanti tas-settur privat, u li nbdew ferm qabel ma tlesta r-rapport Galdes, huma maħsubin biex is-settur jagħmel kontribut lill-'I.T.S.'
Jista' l-Ministru ma' liema kunsilli lokali sar xogħol fi skejjel primarji Maltin minn Jannar 99 sa April 99? F'liema skejjel sar dan ix-xogħol? F'liema skejjel u ma' liema kunsilli lokali hemm maħsuba xogħlijiet sa l-aħħar ta' l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul il-perjodu Jannar 1999 sa April 1999 sar xogħol ma dawn il-Kunsilli Lokali fl-iskejjel li ġejjin:
KUNSILL LOKALI SKOLA
Naxxar Skola tas-Snajja' 'Stefano Zerafa'
Qrendi Kumpless Skolastiku tal-Qrendi
School for the Visually Impaired
Marsa Skola Sekondarja Subien 'F.X.Attard'
Marsaxlokk Skola Primarja Marsaxlokk
Dingli Skola Primarja Dingli
Mill-Vot Kapitali - "Item 7 Refurbishment and Maintenance in Government School" għas-sena 1999 ġiet allokata s-somma ta' nofs miljun lira. Sa issa dan l-ammont ta' flus diġa' ġie kommess kollu.
Fil-fatt, huwa l-ħsieb tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li jsir xogħol ma' dawn il-Kunsilli Lokali u f'dawn l-iskejjel li ġejjin:
KUNSILL LOKALI SKOLA
Naxxar Skola Sekondarja Ogħla - Naxxar
Dingli Skola Primarja Dingli
Siġġiewi Skola Primarja Siġġiewi
Paola Skola Primarja Paola B
Skola Primarja Paola A
Żabbar Skola Primarja Żabbar B
Pembroke Skola Primarja Pembroke
B'Kara Skola Primarja Sta Venera B
Kalkara Skola Primarja Kalkara
Tista' l-Ministru tgħid ma' liema kunsilli lokali Għawdxin hemm ftehim għal xogħol fl-iskejjel primarji Għawdxin? X'xogħol sar minn dan il-ftehim? Hemm xi ħsieb ta' xogħol simili matul din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li iktar kmieni din is-sena ikkummissjonajt perit biex jagħmel rapport fuq it-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa fl-iskejjel primarji u sekondarji f'Għawdex. Dan ir-rapport tlesta u ġie sottomess ftit jiem ilu. Il-Ministeru qed jistħarreġ kif jista' l-aħjar jitwettaq dan il-programm ta' xogħolijiet. Sadanittant iżda ħarġu offerti għal xogħolijiet li se jsiru b'kuntratt.
Tista' l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol tal-bini fuq l-estensjoni tal-bini fuq l-estensjoni ta' l-iskola post-sekondarja Sir MA Refalo f'Għawdex? Meta tlesta l-bini? Min tqabbad ilesti t-tenders għax-xogħol li baqa'? Meta tlestew it-tenders? Liema ġew pubblikati? Liema ma ġewx pubblikati? Għaliex? Liema tenders ġew deċiżi? Meta se jitkompla x-xogħol kollu? Meta hu ppjanat li jkun lest?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol tal-bini fuq l-estensjoni tal-bini eżistenti ta' l-Iskola Post-Sekondarja Sir M A Refalo beda f'nofs Novembru, 1998 u tlesta f'nofs Frar ta' din is-sena.
It-tenders għax-xogħol li baqa', tqabbad biex jagħmilhom il-Perit Maurice E Galea, External Advisor tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Furjana. It-tenders li baqa' tlestew minn kollox u tnejn minnhom ħarġu fil-Gazzetta tal-Gvern tat-Tlieta, 25 ta' Mejju, 1999, Avviż Nri 13 u 14, filwaqt li t-tnejn l-oħra li jirigwardjaw Electrical and Mechanical Works u Equipment mistennija joħorġu mid-Direttur tal-Kuntratti aktar tard. It-tenders kollha jiġu deċiżi wara li jagħlqu u x-xogħol jitkompla immedjatament wara. Hu ppjanat li dan ikun lest għas-sena 2000.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-oqsma speċifiċi li l-gvern mhux lest iċedi dwarhom fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea dwar sħubija?
Response (BORG, JOE)
M`huwiex għaqli li l-pożizzjoni li l-Gvern Malti fi ħsiebu jadotta waqt in-negozjati dwar aspetti partikolari li dwarhom jridu jsiru n-negozjati tiġi żvelata minn qabel.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jistenna biex jaħtar l-Imdina Rehabilitation Committee peress li aktar ma jħalli żmien jgħaddi aktar se jiġri li din is-sena ma jintnefqux l-Lm200,000 allokati għar-restawr urġenti tul l-1999? X'inhuma r-raġunijiet li għalih l-Imdina Rehabilitation Committee għadu ma nħatarx?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern se joħroġ 'policy guidelines' ġodda fuq il-kumitati tar-riabilitazzjoni sabiex ikun hemm l-aqwa koordinazzjoni mal-Kunsilli Lokali.
Minn Settembru, 1998 sa April, 1999, jista' l-Ministru jgħid kemm impjegaw magħhom fuq bażi full time u part-time il-kunsilli lokali f'Malta u f'Għawdex? Kunsill b'kunsill, fejn u kemm f'kull każ ġew reklutati impjegati ġodda?
Response (GATT, AUSTIN)
Naghti tweġiba f`xi seduta oħra peress li l-informazzjoni mitluba trid tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed tagħmel xogħol ta' Group D fl-Isptar San Luqa iżda qed tibqa' titħallas ta' Group A? Kemm se ddum f'din is-sitwazzjoni inġusta? X'rimedji jeżistu biex din il-persuna titranġalha s-sitwazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna indikata għandha grad ta' Group `A'.
Rigward ix-xogħol tagħha din tagħmel xogħol ta' Group `A' u ġieli taħdem ukoll fejn ikun hemm impjegati ta' Group għola. Dan ma jfissirx li qegħda tiġi mqabbda tagħmel xogħol ta' Group `D'.