Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentru Detox — Pazjenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6993 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' minn Jannar sa April ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna wżat il-faċilitajiet tad-Detox f'Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom kienu barranin u ta' liema nazzjonalita'? Kemm kienu nisa? Mit-total, kemm kienu taħt: a) il-15-il sena; b) minn 16-il sena iżda taħt it-18-il sena; c) minn 19-il sena sa 21 sena; u d) 'il fuq minn 21 sena? Kemm kull xahar marru għall-għajnuna l-ewwel darba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn Jannar u April 1999, 587 persuna wżaw il-faċilitajiet taċ-Ċentru Detox f'Malta, waqt li fiċ-Ċentru tad-Detox f'Għawdex, in-numru kien ta' 2 persuni. Fil-każ tad-Detox ta' Malta, kien hemm 538 li kienu Maltin, waqt li kien hemm 10 ta' Nazzjonalita' Taljana, 14 Ingliżi, 18 Libjani, 3 Jugoslavi, 1 Awstraljan, 2 Russi u 1 mir-Rumanija. Fil-każ taċ-Ċentru tad-Detox f'Għawdex, ma kienx hemm persuni ta' nazzjonalita' barranija. Minn dawk li attendew ġewwa ċ-Ċentru tad-Detox f'Malta, kien hemm 77 mara li 2 minnhom kienu ta' nazzjonalita' barranija. F'Għawdex, kien hemm mara ta' nazzjonalita' Maltija. L-etajiet tagħhom kienet kif ġej: Nru. ta' persuni Malta Għawdex 15-il sena 0 0 16-18 -il sena 35 0 19-21 sena 99 0 21 sena 'l fuq 453 2 TOTAL 587 2 Matul dawn l-ewwel erba' xhur tas-sena 1999, in-numru ta' nies li marru għall-għajnuna għall-ewwel darba ġewwa ċ-Ċentru tad-Detox f'Malta, kien kif ġej: 1999 Nru. ta' persuni Jannar 10 Frar 14 Marzu 8 April 12 F'Għawdex, ma kienx hemm persuni ġodda li wżaw iċ-Ċentru tad-Detox għall-ewwel darba matul il-perjodu msemmi. 8.6.99
Leg 9 PQ #7375 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li jintnefaq kull sena fl-isptarijiet kollha tal-gvern fuq is-servizz ta' l-ikel lill-pazjenti: 1) f'pagi; 2) f'materjal; u 3) fi spejjeż oħra? X'vantaġġi se jkun hemm, jekk se jkun hemm, fil-privatizzazzjoni ta' dan is-servizz? Kemm se jiffranka l-gvern b'dan il-pass?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li peress li bħalissa hemm offerta pubblika biex is-servizz ta' l-ikel ta' l-isptarijiet ikun jista' jiġi pprivatizzat ma tkunx etika li wieħed jagħti l-informazzjoni mitluba, minhabba li din tista' tinfluwenza l-offerti għal dan it-'tender'. Il-vantaġġi tal-privatizzazzjoni huma diversi, fosthom insibu servizz aktar personalizzat u ta' kwalita waqt li noħolqu l-oppportunitajiet ġodda biex il-ħaddiema tagħna jtejbu l-professjonalita tagħhom.
Leg 9 PQ #7376 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Impjegati jaħdmu fil-kċejjen

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fil-kċejjen ta' l-Isptar San Luqa, l-Isptar Monte Carmeli, l-Isptar Sir Paul Boffa, l-Isptar San Vinċenz de Paule u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista' l-Ministru jagħti l-figuri sptar bi sptar u l-gradi u x-xogħol differenti li jagħmlu? X'se jagħmel b'dawn l-impjegati ladarba jrid jipprivatizza s-servizz?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-persuni li jaħdmu fid-diversi sptarijiet msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma hekk:- GRADI TAL-ĦADDIEMA SAN LUQA MONTE PAWLU SPTAR CARMELI BOFFA T'GħAWDEX --------------------------------------- ------------------ Cooks 20 11 2 5 Asst. Tech. Officer 4 1 - - Hosp. Auxiliaries 1 - - 6 Health Assistants 5 2 - 13 Fatigue men/women - - 2 - Supervisors - 2 - - Senior Tradesmen - 1 - - Motor Trans. Driver - 1 - - General Hands - 1 - - ----------------------------------------------- ---------- TOTAL 30 19 4 24 ============================================== =========== Għar-rigward l-informazzjoni dwar l-isptar San Viċenz de Paule nirreferi l-Onorevoli Interpellant lill-Ministru konċernat. Fl-ispecification tat-tender għall-privatizzazzjoni tas-Servizz hemm maħsuba u speċifikati kundizzjonijiet li jissalvagwardaw l-impjieg u l-interessi ta' dawn il-ħaddiema.
Leg 9 PQ #7330 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti - mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex projbit li jiddaħħlu mobile phones minn studenti fis-swali fejn isiru eżamijiet, kollha organizzati mill-Univerista' ta' Malta? Jikkonferma l-Ministru li meta kienu diġa' tqassmu l-karti tal-Matematika tas-SEC f'sala waħda u nstab li f'sala oħra fiċ-Ċentru Tekniku ta' Raħal Ġdid ma kienx hemm karti għall-istudenti, il-karti ta' l-ewwel sala nġabru wara li l-istudenti kellhom iż-żmien jaqraw il-karta? Jikkonferma li dawk l-istudenti li laħqu raw il-karti tħallew jippassiġġaw barra s-sala tagħhom u kien hemm minn uża il-mobile phone u anke il-card phone?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn din is-sena, it-tmexxija ta' l-eżamijiet tal-MATSEC, fil-jiem ta' l-eżami, tħallew f'idejn id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Fis-snin ta' qabel, sakemm dawn l-eżamijiet kienu taħt il-Ko-Ordinatur tal-MATSEC, ma nqala' ebda każ ta' studenti li ħadu magħhom mobile phones fil-kamra ta' l-eżami. Kieku dan kien il-każ, l-istudenti kienu jkunu pprojbiti milli jagħmlu użu minn mobile phones. Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ma jħallix studenti jidħlu b'mobile phones fiċ-Ċentri ta' l-Eżamijiet. Il-'Head of Centres' u l-invigilators kellhom struzzjonijiet li jaraw meta jpoġġu għall-eżami, l-istudenti jkollhom biss dak li huwa meħtieġ għal waqt l-eżami. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija informat li ċ-Ċentru Tekniku ta' Raħal Ġdid huwa kompost minn sala li tesa' 130 ruħ u blokk ta' 24 kamra li jesgħu 580 ruħ. Wara li d-dipartiment għamel l-istħarriġ neċessarju, ż-żewġ 'Heads of Centre' li kienu responsabbli ta' dan iċ-Ċentru flimkien ma' l-Invigilators jinnegaw kompletament li tqassmu xi karti ta' l-eżamijiet qabel il-ħin. Huma kkonfermaw bil-miktub li kemm l-istudenti fis-sala kif ukoll fil-blokk bdew it-tieni parti ta' l-eżami flimkien fl-10.00a.m. Huma jinnegaw kompletament li kien hemm xi studenti li użaw mobile phones hekk kif imsemmi f'din il-mistoqsija parlamentari. Huma wkoll ikkonfermaw li ma teżisti ebda card phone fis-sala fejn saru dawn l-eżamijiet.
Leg 9 PQ #7331 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Eżamijiet tal-SEC/MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jintgħażlu dawk il-persuni li jagħmluha ta' heads of centre kif ukoll ta' invigilators ma' l-istudenti fl-eżamijiet tas-SEC, MATSEC, eċċ. organizzati mill-Universita' ta' Malta? Ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li dawn in-nies ikunu għalliema kwalifikati, anke dawk irtirati, li ma jgħallmux is-suġġett li jkun qed jiġi eżaminat? Mill-eżamijiet li saru s'issa kien hemm xi każi fejn ġie rapportat li kien qed isir ikkupjar? Jekk fl-affermattiv, f'liema eżamijiet u x'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ingħata l-inkarigu mill-Matsec Board biex jieħu ħsieb jappunta l-Heads of Centre għall-eżamijiet fil-kitba tas-Sec u l-Matsec. Id-Dipartiment għażel il-Heads of Centre minn fost l-impjegati tiegħu stess, kif ukoll mil-lista provduta mill-Board tal-Matsec li qabel kienu jiġu appuntati f'din il-kariga. L-invigilators li intgħażlu biex jieħdu sehem fit-tmexxija ta' l-eżamijiet ta' din is-sena kienu dawk li attendew għal waħda mil-laqgħat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet organizza biex jispjega l-proċeduri u d-doveri ta' l-Invigilators. Għal dawn il-laqgħat, id-Dipartiment bagħat għal kull persuna li kienet inkluża fil-lista mogħtija mill-Matsec Board kif ukoll mil-listi li kellu l-istess dipartiment li jiġu appuntati għall-eżamijiet ta' Barra. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija jekk invigilators għandhomx ikunu għalliema kwalifikati anke jekk irtirati, d-dipartiment ma jaqbilx għal kollox ma' din il-proposta. Id-Dipartiment dejjem kellu numru ta' invigilators minn kull settur tal-ħajja li taw servizz eċċellenti lid-dipartiment biex setgħa jmexxi l-eżamijiet bl-akbar serjeta` matul iż-żmien li ilu jikkonduċi l-eżamijiet ta' Barra u Lokali. Id-Dipartiment jisħaq l'aktar li l-individwi jkunu ta' livell aċċettabbli ta' edukazzjoni u juru inizjattiva u dedikazzjoni fis-servizz li jagħtu lid-Dipartiment. Dan jista' jsir mhux biss minn għalliema iżda wkoll minn individwi oħra fis-soċjeta`. Id-Dipartiment qed jagħmel sorveljanza kontinwa minn sessjoni għal oħra biex jara li l-invigilators appuntati jagħtu l-aħjar servizz biex l-eżamijiet kollha jitmexxew bl-akbar serjeta` u impenn. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija informat li ġew irrapurtati żewġ każi ta' kkupjar. Dawn kienu fil-karti ta' l-'English Literature Paper 2' tas-Sec u fil-'Chemistry Paper 2' fil-Livell Avvanzat tal-Matsec. Il-'Head of Centre' inkarigati miċ-Ċentri fejn saru dawn l-eżamijiet, għamlu rapport fuq il-każ u dawn ġew mgħoddija mal-'scripts' lill-Matsec Board għall-attenzjoni tagħhom.
Leg 9 PQ #7332 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet tas-SEC/MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet li m'humiex ta' l-Istat li huma ċentri fejn isiru l-eżamijiet tas-SEC, MATSEC, eċċ? Jista' jgħid jekk jistax jiġi kkunsidrat li l-eżamijiet jibdew isiru fl-iskejjel rispettivi ta' l-istudenti biex la jkun hemm skariġġ bla bżonn ta' l-istudenti kif ukoll ma jkunx hemm sparpaljar ta' riżorsi umani? Jaqbel il-Ministru li għalliema minn dawn l-iskejjel jagħmluha ta' invigilators basta ma jkunux jgħallmu dak is-suġġett li jkun qed isir l-eżami fih?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel tal-V u tas-VI Form tal-Kulleġġ San Alwiġi intużaw bħala Ċentri għall-Eżamijiet tal-Matsec li saru fis-sessjoni ta' din is-sena fil-livell Avvanzat u Intermedjarju. Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet għamel arranġamenti mal-Kulleġġ ta' San Alwiġi u De La Salle biex juża l-laboratorji tagħhom biex jikkonduċu l-eżamijiet Prattiċi tal-Chemistry u Physics ta' l-Associated Examining Board billi l-faċilitajiet fl-iskejjel ta' l-Istat ma kienux biżżejjed biex jakkomodaw in-numru ta' kandidati li resqu din is-sena għal dawn is-suġġetti. Dwar il-proposta li fil-futur l-eżamijiet tal-Matsec u Sec jibdew jiġu organizzati fl-iskejjel rispettivi tagħhom, informat li huwa l-impenn tad-Dipartiment li jirnexxielu jilħaq dan il-għan. Fil-fatt id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet inkluda din il-proposta fil-Business Plan tal-1999-2001. Is-suġġeriment dwar jekk għalliema mill-istess skola għandhomx jitħallew jagħmluha ta' invigilators fl-iskejjel tagħhom stess, jirrikjedi diskussjoni ma' diversi partijiet qabel jiġi deċiż għandux jiġi aċċettat fil-prinċipju.
Leg 9 PQ #7333 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Eżami tas-surġenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li qagħdu għall eżami għal surġent li r-riżultat tiegħu ħareġ il-ġimgħa li għaddiet? Kemm għaddew? Minn dawk li għaddew kemm minnhom kellhom: (1) Anqas minn ħames snin servizz? (2) Bejn ħames u għaxar snin servizz? (3) Aktar minn għaxar snin servizz? Kemm hu t-total ta' surġenti fil-Korp tal-Pulizija inkluż dawk li għaddew minn dan l-eżami? Intlaħaq in-numru ta' surġenti li huwa previst li jkun hemm? Kemm hemm surġenti li għandhom aktar minn 25 sena servizz?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 89 kuntistabbli li qagħdu għall-eżami għal surġent li minnhom 28 għaddew. Minn dawk li għaddew 13 għandhom inqas minn 5 snin servizz, 10 għandhom bejn 5 u 10 snin servizz filwaqt li 5 għandhom aktar minn 10 snin servizz. Fil-preżent in-numru ta' surġenti fil-Korp huwa ta' 274, li minnhom 22 għandhom aktar minn 25 sena servizz. Dan in-numru ma jinkludix dawk il-kuntistabbli li għaddew mill-eżami msemmi. Ninsab infurmat ukoll li skond il-complement approvat n-numru ta' surġenti irid ikun 301.
Leg 9 PQ #7334 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Akkademja tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jiggradwaw dawk li qegħdin jagħmlu l-kors fl-Akkademja tal-Pulizija biex jinħatru spetturi fil-Korp tal-Pulizija? Kemm minn dawn huma diġa' membri fil-Korp? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn hux diġa' għamlu xogħol fit-taqsimiet differenti tal-pulziija bħala parti mit-taħriġ tagħhom? Jekk fl-affermattiv, f'liema taqsimiet servew? Hemm minnhom li qed jispeċjalizzaw f'xi xogħol partikolari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat il-kors li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant tlesta u anke` ħareġ ir-riżultat. F'dan il-kors kien hemm 24 kadett, li minnhom 17 huma surġenti fil-Korp tal-Pulizija. Parti mit-taħriġ kien li l-kadetti ġew assenjati fid-diversi taqsimiet tal-Korp, li kienu fil-maġġor parti tagħhom fid-Distretti, fid-Dipartiment ta' l-Investigazzjoni Kriminali, fit-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni u fit-Taqsima ta' kontra d-Droga. Ħadd minn dawn il-kadetti għadu ma speċjalizza f'xi qasam partikolari.
Leg 9 PQ #7335 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li sar lill-Knisja matul din is-sena skolastika skond il-ftehim bejn Stat u Knisja? X'kien il-ħlas - xahar b'xahar - bejn Settembru u Mejju ta' din is-sena skolastika? Matul din is-sena skolastika kien hemm xi talbiet biex isir xi ħlas addizzjonali aktar milli kien oriġinarjament previst? Għal liema raġuni? X'kien l-ammont mitlub?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas li sar lill-Knisja matul din is-sena skolastika skond il-ftehim bejn Stat u Knisja jammonta għal Lm5,183,813. Il-Ħlas, xahar b'xahar, kien hekk: Settembru 1998 - Lm557,086 Ottubru 1998 - Lm663,287 Novembru 1998 - Lm551,929 Diċembru 1998 - Lm626,096 Jannar 1999 - Lm557,083 Frar 1999 - Lm557,083 Marzu 1999 - Lm557,083 April 1999 - Lm557,083 Mejju 1999 - Lm557,083 Matul din is-sena skolastika kien hemm żewġ (2) talbiet sabiex isir ħlas addizzjonali aktar milli kien oriġinarjament previst. Dawn kienu hekk: i) Ammont ta' Lm300,193 li jirrappreżenta arretrati ta' salarji għas-snin 1996 sa 1998 (Lm234 kull persuna bħalma ħadu l-ħaddiema tal-gvern); u ii) Ammont ta' Lm130,303 li jirrappreżenta arretrati ta' salarji mis-sena 1991 tal-gradi ta' l-Instructors skond il-ftehim milħuq f'Settembru 1998 bejn il-Knisja u l-Malta Union of Teachers dwar ir-riorganizzazzjoni tal-gradi ta'l-Instructors fl-iskejjel tal-knisja.
Leg 9 PQ #7303 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni 1916/99

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif tista' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tilqa' l-applikazzjoni 1916/99 biex tinbena lukanda fuq is-sit ta' Villa Frieres f'San Ġiljan meta bini f'dan is-sit iħassar il-karatteristika tal-pjazza ta' San Ġiljan u l-bini ta' Villa Frieres huwa ta' Grad 2 skond il-policy UCO7 tal-pjan ta' struttura?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant jifhem li l-Awtorita` ta l-Ippjanar ma tistax ma tħallix lil xi ħadd jissottometti applikazzjoni dwar kwalunkwe sit jew żvilupp. Iżda dan ma jfissirx li kull applikazzjoni tiġi awtomatikament approvata. Kull applikazzjoni tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta' polices vigenti u skedar li jkun hemm fuq is-sit li dwaru tkun saret l-applikazzjoni.
Leg 9 PQ #7304 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Sir Luigi Preziosi — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li fl-iskola Sir Luigi Preziosi hemm ħafna ħmieġ? Kemm hemm niex biex inaddfu? Jista' jinvestiga rapporti li fl-istess skola hemm għalliem li ismu qed jintbagħat separatament li jsawwat lill-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-Rapport fuq l-indafa fl-iskola Sir Luigi Preziosi mhux eżatt. Fl-iskola hemm 3 purtinari full time, Messaġġier u ħaddiem fuq Maintenance. Wieħed jifhem li meta xi ħadd mill-purtinari jkun nieqes għal tul ta' żmien tkun diffiċli tinżamm l-istess livell ta' ndafa. Ma jirriżultax li l-għalliem li ismu ngħata separatament isawwat lill-istudenti.
Leg 9 PQ #7305 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Kunsill Lokali - Dingli

Question

Jista' l-Ministru jara x'passi ttieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara l-ilmenti imqajma mill-Kunsill Lokali ta' Ħad Dingli li f'xagħri viċin l-irdum fl-inħawi tal-Qaws jew Wied Ħażrun kien qed jintefa' t-terrapin u l-ħamrija bla permess? Meta ttieħdu l-passi? X'passi ttieħdu mill-pulizija dwar l-istess ilment? Meta ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar investigat il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant u ġie stabbilit li ntefa` materjal (terrapien) fuq l-art agrikola fl-inħawi msemmija. Għaldaqstant wara li twaqqaf dan ix-xogħol inħarġu żewġ Stop and Enforcement Notices b'referenza ECF 462/99 u ECF 427/99. Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija nvestigat dan il-każ u rriżulta li dan ix-xogħol sar skond permess maħruġ mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura.
Leg 9 PQ #7306 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fiera tar-Rebbigħa

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir sforz fost il-kapijiet ta' l-iskejjel biex is-sena d-dieħla aktar skejjel jieħdu sehem fil-fiera tar-Rebbiegħa organizzata miż-żgħażagħ għall-unita' bħala inizjattiva tanġibbli ta' solidarjeta' ma' żgħażagħ minn inħawi differenti tad-dinja?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandix x'inżid mat-tweġiba li diġa' tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7023.

Ambaxxaturi Maltin

Question

Mill-5 ta' Settembru, 1998 sa April 1999 ( fi tmiemu) liema ambaxxaturi Maltin użaw il-faċilitajiet ta' l-ajurport Malti kull meta ġew u telqu minn Malta? Min kienu dawn l-ambaxxaturi? Kemm-il darba użaw il-faċilitajiet tal-VIP fl-ajruport u f'liema data?

Response (BORG, JOE)

Qed nagħti informazzjoni dwar id-dati li juru kemm il-darba, u f`liema dati Ambaxxaturi Maltin għamlu użu mill-faċilitajiet tal-VIP fl-ajruport ta` Malta. Mhux dejjem huwa l-każ li Ambaxxaturi Maltin jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet kull meta jaslu jew jitilqu minn Malta. Ambaxxatur Dati li fihom Dati li fihom sar użu mill- sar użu mill- faċilitajiet faċilitajiet tal-VIP mal- tal-VIP mat- wasla f`Malta tluq minn Malta Is-Sur Vincent Camilleri 31.12.98 06.09.98 Prof Salvino Busuttil 27.02.99 07.01.99 01.04.99 07.03.99 Dr Noel Buttigieg Scicluna 07.03.99 28.02.99 28.03.99 26.01.99 02.02.99 13.09.98 Is-Sur Salvu Borg 07.03.99 27.02.99 Is-Sur Gaetan Naudi 22.03.99 17.03.99 14.04.99 Is-Sur Henry De Gabriele 12.04.99 08.03.99 03.03.99 06.09.98 23.12.98 Dr George Bonello du Puis 30.03.99 03.01.99 25.01.99 Dr Michael Bartolo 13.04.99 20.04.99 13.03.99 20.03.99 Dr Jimmy Farrugia 20.04.99 17.04.99 Is-Sur George Saliba 13.02.99 06.09.98 26.03.99 17.02.99 Is-Sur George Doublesin 23.12.98 09.01.99 Is-Sur George Busuttil 17.12.98 08.09.98 Chev. P Naudi 09.09.98 Is-Sur Victor Camilleri 20.09.98 10.02.99 09.02.99 05.09.98 16.03.99 06.09.98 24.04.99 24.09.98 01.04.99 17.03.99 11.04.99 Dr Mario Costa 22.10.98 17.09.98 03.02.98 29.10.98 21.02.99 25.02.99 07.03.99 Is-Sur Maurice Abela 16.10.98 06.09.98 18.12.98 21.10.98 09.01.99 Is-Sur Charles Vella 23.10.98 09.09.98 Is-Sur Alfred Zarb 11.11.98 08.11.99 03.02.99 22.11.98 21.03.99 30.01.99 17.03.99 31.01.99 Is-Sur Richard Matrenza 03.12.98 09.09.98 04.10.98 Is-Sur Carmel Aquilina 18.12.99 06.09.98 21.03.99 03.01.99 09.04.99 Dr Joseph Licari 19.12.98 07.01.99
Leg 9 PQ #7329 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Proposta ġdida dwar il-qrati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6953?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Naqbel ma l-implikazzjoni tal-mistoqsija ta' l-Onor Interpellant li l-Lista ta' Preċedenza approvata mill-Gvern li kien jifforma parti minnu hu, mhix aċċettabbli.
Leg 9 PQ #7297 Sitting 115 1999-06-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni PA1610/98

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-applikazzjoni PA1610/98 li qed joġġezzjonaw għaliha r-residenti ta' l-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 1610/98 ġiet rifjutata fit-2 ta' Ottubru, 1998. Wara din id-deċiżjoni ġiet sottomessa talba għall-rikonsiderazzjoni. Din it-talba tressqet quddiem il-Bord tad-DCC fis-17 ta' Mejju, 1999, fejn il-Bord ikkonferma l-ewwel deċiżjoni li din l-applikazzjoni tiġi rifjutata.
Leg 9 PQ #7298 Sitting 115 1999-06-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jintbagħat facilitator ma' l-istudent li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li l-facilitator li kellu ntbagħtet Għawdex il-ġimgħa li għaddiet u issa dan l-istudent mhux qed jitħalla jattendi skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Supply Kindergarten Assistant imsemmi rreżenja fil-17.5.99 u minnfloku intbgħatet Supply Kindergarten Assistant fil-24.5.99.
Leg 9 PQ #7299 Sitting 115 1999-06-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ċentru tar-Riżorsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet il-ħidma biex jitwaqqaf ċentru tar-riżorsi li jappoġġa l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni inklussiva fl-iskejjel? Min se jkun imexxih? Min se jkun jaħdem fih? Fejn se jkun il-post u x'riżorsi finanzjarji u riżorsi oħrajn se jkollu biex jaħdem b'mod sodisfaċenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Ms Billie Nightingale, konsulenta ta' nazzjonalita` Amerikana fuq il-programm għall-iżvilupp ta'l-edukazzjoni inklussiva, għadha kif ippreżentat rapport dwar kif jidhrilha li għandu jitwaqqaf iċ-ċentru tar-riżorsi li jappoġja l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni inklussiva fl-iskejjel. Ir-rapport qiegħed jiġi evalwat u r-risposti għad-domandi l-oħra joħorġu wara din l-evalwazzjoni.
Leg 9 PQ #7300 Sitting 115 1999-06-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu inizjattivi biex aktar għalliema f'Malta u f'Għawdex ikunu jafu x'inhi d-dyslexia u b'hekk aktar tfal ikunu jistgħu jiġu megħjuna u jonqos l-ittimbrar negattiv kontra tfal b'din il-kundizzjoni? Hemm xi pjan biex jittieħdu dawn l-inizjattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li barra minn tagħrif li jitwassal informalment fl-iskejjel fost il-kapijiet u għalliema, fis-7,8,9,12,13 u 14 ta' Lulju 1999 ser isir In-Service Course bl-isem "Bright Kids - Literacy Failure?" Dan il-kors se jkun miftuħ għall-għalliema fil-Junior Lyceums u Skejjel Sekondarji u Primarji u għal dawk interessati li jagħtu support lil tfal bid-dyslexia.

GRTU — Laqgħat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'konklużjonijiet intlaħqu fil-laqgħa li kellu mal-eżekuttiv nazzjonali tal-GRTU dwar tibdiliet li jridu jsiru fl-iskema tal-pensjoni, liema laqgħa kienet fis-6 ta' Mejju, 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-laqgħa msemmija mill-Onor. Interpellant kienet intiża biex jinżamm djalogu u diskussjoni fuq diversi oqsma. Ma kienx l-iskop tal-laqgħa li jinġibdu xi konklużjonijiet. Il-punti kollha li semmew waqt il-laqgħa qed jiġu evalwati mill-Ministeru. 2.6.99