Legislature:
Category:
Reset
Active:

NATO — Ajruplani/vapuri tal-gwerra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi talba minn xi pajjiżi tan-NATO biex ajruplani/vapuri tal-gwerra li qed jieħdu sehem fil-gwerra kontra l-Jugoslavja jieqfu xi żmien f'Malta? X'kienet ir-risposta tal-gvern għal din it-talba?

Response (BORG, JOE)

Il-Ministeru ma kellu l-ebda talba speċifika minn xi pajjiżi tan-NATO biex ajruplani militari/vapuri navali li kienu ħadu sehem fl-attakki kontra l-Jugoslavja jieqfu għal xi żmien f`Malta.

NATO — Ajruplani tal-gwerra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tmien ajruplani tal-gwerra Ingliżi u Amerikani li niżlu Malta fl-20, 21, 22 u 26 ta' Mejju ħadux sehem fil-gwerra tan-NATO kontra l-Jugoslavja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ajruplani Ingliżi li niżlu Malta fl-20, 21 u 22 ta` Mejju kienu fi triqthom lejn Ċipru, waqt li l-ajruplan Amerikan li niżel Malta fis-26 ta` Mejju kien fi triqtu lejn il-Bahrain.
Leg 9 PQ #7512 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Management Efficiency Unit — Assistenti kapijiet

Question

Fid-dawl ta' dak li ġara u li wassal għat-tħassir tal-proċess ta' l-għażla ta' l-assistenti kapijiet għall-iskejjel primarji għaliex il-Management Efficiency Unit ma titqabbadx tanalizza n-nuqqasijiet li hemm fil-proċess u tirrikmanda rimedji biex dak li ġara ma jerġax jiġri?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-MUT qed titlob li ssir inkjesta dwar in-nuqqasijiet li seta kien hemm f'dan il-każ u għaldaqstant għad irid jiġi deċiż jekk hemmx bżonn li jsir dan.
Leg 9 PQ #7513 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ESTS/TAS — Skemi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Ministeru jaħdem biex l-iskemi ta' apprendistat ESTS u TAS jissaħħu fl-oqsma ta' l-istudji tuistiċi biex aktar żgħażagħ jiġu mħejjija aħjar għal opportunitajiet ta' xogħol fit-turiżmu?

Response (REFALO, MICHAEL)

Kif jaf l-Onor Interpellant, is-sistemi ta' l-'ESTS' u 'TAS' jaqgħu taħt l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. L-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi flimkien mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-'ETC' ser ikompli jorganizza l-korsijiet fil-'Food Preparation' u 'Food Service' biex aktar żgħażagħ jiġu mħejjija għal xogħol fil-qasam turistiku.
Leg 9 PQ #7526 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet/siti storiċi — Ticketing machines

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tax-xiri ta' ticketing machines għal xi mużewijiet u siti storiċi f'pajjiżna? Kemm hemm kumpanniji u individwi li tefgħu offerta? Min huma? X'kienet f'kull każ l-offerta? Liema ntgħażlet? Liema siti se jkollhom dawn il-makni? Meta se jiġu nstallati?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' intqal fil-mistoqsija parlamentari numru 6674, informat li t-tender tat-'ticketing system' għall-mużewijiet qegħda tiġi evalwata.
Leg 9 PQ #7503 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Art pubblika

Question

Peress li fi kliem il-Prim Ministru stess hemm "diffikulta' dwar disponibbilta' ta' art pubblika f'Għawdex" biex l-aħwa Agius ta' 10, Triq Monġur, Għarb ikollhom fejn jagħmlu razzett, jista' l-gvern jikkumpensahom bi flus flok art għax għaddejjin is-snin u l-aħwa Agius qed jiġu mċaħħda mill-ġustizzija għax justice delayed hija justice denied?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie nnutat. Sakemm tittieħed deċiżjoni aħħarija dwar id-disponibilita ta' art pubblika f'Għawdex għall-iskop in kwestjoni, jibqa jsir kull sforz biex, jekk jista jkun, ir-rakomandazzjoni tal-Kummissjoni tiġi mplimentata kif inhi. Jekk jirriżulta li l-problema ta disponibilita ta' art pubblika f'Għawdex tibqa tippersisti, allura wieħed ikun jista jagħti konsiderazzjoni xierqa għas-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Membru.

Koperattivi — Oqsma finanzjarji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inizjattivi se jittieħdu biex il-koperattivi jiksbu l-ħiliet meħtieġa fl-oqsma finanzjarji, maniġerjali u ta' marketing biex jitmexxew aħjar u jirnexxu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li preferibilment, is-soċjetajiet koperattivi għandhom ikollhom u jiksbu huma stess dawk il-ħiliet u riżorsi umani meħtieġa biex joperaw b'mod awtonomu u effiċjenti fi swieq kompetittivi. Madankollu, fejn dan ma jkunx qed jintlaħaq, il-Bord tal-Koperattivi (f'isem il-Gvern) kif ukoll l-Organizzazzjoni APEX (f'isem il-koperattivi reġistrati) jistgħu joffru dawk is-servizzi meħtieġa sabiex dawn il-koperattivi jaħdmu kif jixraq. Wieħed irid japprezza li l-mod eżatt kif tingħata din l-għajnuna tiddependi mill-każ partikulari u l-eżiġenzi tiegħu. Il-Fond Ċentrali tal-Koperattivi jista' wkoll jintuża b'dan l-iskop. 14.6.99
Leg 9 PQ #7505 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Rappreżentanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mar-rappreżentanti tas-settur privat biex jappoġġja finanzjarjament l-Istitut għall-Istudji Turistiċi bejn Settembru 1998 u Mejju 1999? Meta saru dawn il-laqgħat? Xi progress sar s'issa f'dawn il-laqgħat?

Response (REFALO, MICHAEL)

Għandi l-pjaċir ninforma lill-Onor Interpellant li saru diversi laqgħat mill-'M.H.R.A.' kemm f'livell Ministerjali kif ukoll mal-Bord tal-Gvernaturi ta' l-'I.T.S.' sabiex l-Ministeru jikseb appoġġ finanzjarju mill-lukandiera waqt li l-istudenti jkunu fuq il-'work phase' fl-industrija. Ftit tal-ġranet ilu l-'M.H.R.A.' ressqet proposta lill-Bord ta' l-'I.T.S.' Din qed tiġi studjata.
Leg 9 PQ #7506 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Membri tal-minor staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-passi li ttieħdu kontra membri tal-minor staff li f'żewġ każijiet ħebbew għall-kap ta' l-iskola tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'każ minnhom il-Pulizija qed tikkonsidra azzjoni kriminali kontra l-individwi konċernati. Il-każ l-ieħor qiegħed quddiem il-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku u l-ewwel seduta ġiet iffissata għas-17 ta' Ġunju 1999.
Leg 9 PQ #7507 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Għawdex - Tiswijiet

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-perit li stħarreġ it-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa fl-iskejjel primarji u sekondarji f'Għawdex? Kif se jitwettaq il-programm ta' xogħol meħtieġ? F'liema każi x-xogħol se jsir mal-kunsilli lokali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ma jidhirlix li għandi npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport tal-Perit li stħarreġ it-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa fl-Iskejjel Primarji u Sekondarji f'Għawdex. Iżda jekk l-onor interpellant jixtieq jara dan ir-rapport, jiena lesta li npoġġi kopja ghad-dispozizzjoni tiegħu. Il-Perit fir-Rapport tiegħu qassam ix-xogħol meħtieġ fuq perijodu ta' ħames snin li l-ewwel fażi tiegħu se tibda titwettaq din is-sena. Il-Ministeru qed jitsħarreġ kif l-aħjar jitwettqu dawn ix-xogħolijiet
Leg 9 PQ #7508 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Guardian Angel

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jintbagħtu l-persuni meħtieġa fl-iskola Guardian Angel biex tkun tista' tinżamm nadifa?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt lid-Direttur Ġenerali jassigura l-passi meħtieġa biex jintbagħtu nies biex l-iskola Guardian Angel tkun tista' tinżamm nadifa.
Leg 9 PQ #7377 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'nefqa se jagħmel il-Ministeru fil-business plan tiegħu 2000-2001 u 2002 biex iħejji l-istrutturi meħtieġa għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f'pajjiżna fis-sena 2003?

Response (GALEA, LOUIS)

M'huwiex il-każ li jingħataw dettalji dwar il-business plan għas-snin 2000, 2001 u 2002 qabel ma dan jiġi approvat mill-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #7378 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għar Dalam/Villa Rumana

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk jirriżultawx fattwali l-ilmenti mqajma f'ittra pubblikata llum f'The Times (Neglected details, JJ Grech p.8) li jagħtu isem ħażin lill-mod kif jiġu ttrattati dawk li jżuru Għar Dalam u l-Villa Rumana? X'se jsir biex din l-attitudni tinbidel?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva. Ser issir investigazzjoni fuq l-ilmenti allegati u skond ir-riżultati ta' l-investigazzjoni jittieħdu l-passi li jkun hemm bżonn.
Leg 9 PQ #7499 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Irziezet tal-ħut tal-baħar — Monitoring

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'monitoring qed isir fuq l-effett ta' l-irziezet tal-ħut fil-baħar li għandna diversi nħawi ta' l-ibħra Maltin? Jeżistu rapporti dwar l-effett fuq l-ekosistima ta' l-inħawi fejn hemm dawn l-irziezet? Jista' jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #7500 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Proġett tal-Portomaso

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex ix-xogħol fuq il-qtugħ tal-blat fil-proġett ta' Portomaso ma jibqax iħammeġ u jniġġes il-bajja ta' San Ġiljan? F'kull każ meta ttieħdu l-passi meħtieġa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tqattiegħ ta' blat fil-marina tal-proġett ta' Portomaso issa tlesta skond l-aħħar struzzjonijiet ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Meta xi kundizzjonijiet ma kienux qed jiġu strettament osservati, l-Awtorita` ħadet il-passi neċessarji u x-xogħol ġie sospiż sakemm ittieħdu l-passi neċessarji biex il-kundizzjonijiet jiġu rispettati. Ninsab infurmat ukoll li tul il-proġett, u l-iżjed f'dawn l-aħħar xhur meta t-tniġġis fil-baħar żdied minħabba traskuraġni minn naħa tal-kuntrattur, ttieħdu diversi passi, kif ġej : - * saru emendi fil-mod ta' tqattiegħ ta' blat sabiex ħafna mit-tqattiegħ sar fix-xott; * sar tibdil fil-frekwenza tal-ippumpjar ta' l-ilma u l-metodu li kien qed jintuża biex isir l-istess ippumpjar (din kienet l-ikbar problema li kienet qed toħloq tniġġis fil-baħar); * sar monitoring kontinwu minn uffiċjali ta' l-Awtorita` u fl-aħħar xahar anki tqabbdet kumpanija ta' periti biex ikun l-ħin kollu fuq is-sit (dawn kienu jirrapurtaw lill-Awtorita` kuljum); * inħasel il-blat madwar il-marina, qabel ma din infetħet għall-baħar; * inġabar it-tajn mill-qiegħ tal-marina qabel ma din infetħet għall-baħar; * tqiegħed filtru mal-makkinarju li eventwalment ser jippompja l-ilma fil-marina. Sadanittant, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ukoll bdiet il-proċess sabiex tirtira l-garanzija bankarja ta' Lm50,000 li kien għamel l-iżviluppatur peress li x-xogħol ta' skavar tal-marina ma sarx skond il-programm miftiehem fil-permess oriġinali u minħabba ħsara ambjentali kkawżata mix-xogħol fuq il-marina. Il-garanzija bankarja kienet tkopri l-ewwel fażi tax-xogħolijiet, jiġifieri sakemm jitlesta x-xogħol fuq il-marina u l-breakwater. Fil-fatt hemm ukoll garanzija bankarja oħra ta' Lm50,000 li tkopri l-ħames snin ta' wara. Bħala parti mill-permess għall-iżvilupp tas-sit tal-Hilton, kienet ġiet miftiehma skeda ta' monitoring tax-xogħol. Dan il-monitoring sar minn konsulenti indipendenti u huwa abbażi tar-rapporti tagħhom kif ukoll abbażi ta' l-fatt li l-iżviluppatur ma mexiex skond il-programm ta' xogħol miftiehem li l-Awtorita` bdiet il-proċess biex tirtira l-garanzija. Il-monitoring kien qed isir kemm fuq il-kwalita` ta' l-ilma kif ukoll fuq l-istat ta' saħħa ta' l-alka. Kien hemm ukoll qbil bejn l-Awtorita` u l-iżviluppatur dwar liema huwa t-'threshold levels', jiġifieri x'livell ta' tibdil huwa aċċettabli fl-ambjent ta' madwar is-sit tal-Hilton. Ir-rapporti li saru mill-konsulenti juru li dawn il-livelli inqabbżu u li l-kaġun ta' dan kien ix-xogħol ta' skavar fuq il-marina li ma kienx qed isir skond il-kundizzjonijiet tal-permess. Skond il-ftehim legali li jeżisti bejn l-Awtorita` u l-iżviluppatur tal-Hilton, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar issa appuntat assessur indipendenti biex jeżamina l-jedd li qed titlob l-Awtorita`. F'dan l-aħħar xahar, l-Awtorita` ukoll ġegħlet lill-iżviluppatur biex, skond Artiklu 34(5) ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, jagħmel garanzija bankarja oħra, din id-darba ta' Lm20,000 li tkopri l-perijodu sakemm ix-xogħol fuq il-marina u l-breakwater jitlesta. L-Awtorita` talbet din il-garanzija bankarja fid-dawl ta' dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat u biex tassigura li l-iżviluppatur jimxi skond il-kundizzjonijiet tal-permess.
Leg 9 PQ #7501 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Għarb - Bini f'"Tas-Sbejħa"

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex minkejja stop notice mill-Planning Authority fuq il-bini f'"Tas-Sbejħa" fi Triq il-Monġur fl-Għarb, Għawdex dan il-bini xorta qed jintuża regolarment biex jospita turisti ġo fih?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7037, ninsab infurmat illi l-Enforcement Notices li hemm pendenti fuq Ta' Sbejħa Complex jirrigwardjaw l-istrutturi. Ninsab infurmat ukoll li skond verbal li sar fil-Qorti fl-4 ta' April, 1997, mandat ta' Inibizzjoni 278/97, dan il-kumpless jista` jintuża; jiġifieri l-blokk ta' fuq it-triq bħala maisonettes filwaqt li l-blokk ta' wara bħala terraced houses. Minħabba deċiżjoni ta' mandat ieħor datat 27 ta' Mejju, 1999, li jġib in-numru 59/99 ma jistgħux jittieħdu aktar passi f'dan il-mument.
Leg 9 PQ #7502 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

Għawdex — Għarb - Bini f'"Tas-Sbejħa"

Question

Peress li hemm illegalitajiet u anke stop notice mill-Planning Authority fuq il-bini "Ta' Sbejħa" f'Monġur Street, Għarb, Għawdex kif dan il-post qed jitħalla jintuża biex jospita regolarment turisti ġo fih?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet numru 6578 u 7039.
Leg 9 PQ #7371 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' riorganizzazzjoni hemm maħsuba biex ikun hemm struttura li tieħu ħsieb il-manutenzjoni u l-bini ta' skejjel fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #7372 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — General Manager

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-General Manager tal-Korporazzjoni Enemalta rriżenja fl-aħħar xhur? X'kienu r-raġunijiet li wasslu għal din ir-riżenja?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nikkonferma li c-Chief Executive Officer, u mhux General Manager, tal-Korporazzjoni Enemalta irriżenja u dan minħabba raġunijiet personali.
Leg 9 PQ #7373 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Strutturi bla permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar strutturi bla permess mibnija fl-impjant ta' Polidano fil-limiti tas-Siġġiewi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fis-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant diġa` bdew jittieħdu l-passi kollha meħtieġa skond l-Att Nru. 1 ta' l-1992 dwar l-Ippjanar. Fil-fatt hemm Stop and Enforcement Notices fuq is-sit imsemmi u applikazzjonijiet biex jissanzjonaw. Peress illi dawn l-avviżi ġew appellati u għadhom pendenti quddiem il-Bord ta' l-Appell, l-Awtorita` tkun tista` tkompli tieħu passi wara li jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell. Hemm ukoll taħrika quddiem il-Qorti talli nkissru l-Istop and Enforcement Notices u din għadha wkoll pendenti.