Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq — Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx kondizzjoni mad-dipartiment u entitajiet kollha konċernati rigward is-servizzi fix-xogħol li qed isir f'dawn it-toroq: Triq San Pawl, Triq Paradise u Triq San Ġorġ f'San Pawl il-Baħar biex it-toroq ma jerġgħux jinqalgħu wara ftit taż-żmien? Jista' l-Ministru jgħid ma' liema dipartimenti, sezzjonijiet jew entitajiet saret il-kondizzjoni? Kemm saru laqgħat u meta saru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saru diversi laqgħat bejn il-Kunsill Lokali, l-Enemalta, il-Water Services Corporation, id-Dipartiment tad-Drenaġġ, il-Melita Cable, L-Awtorita` tat-Trasport, Maltacom u d-Dipartiment tat-Toroq rigward is-servizzi u x-xogħol li kellu jsir f`dawn it-toroq. Minbarra l-laqgħat formali saru wkoll diversi laqgħat waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq il-post.Id-diversi rapprezentanti, għalkemm qatt ma kitbu formalment, kienu mitluba jassiguraw li x-xogħol meħtieġ isir f`salt. Kien għalhekk li finalment sar ix-xogħol minn diversi entitajiet f`salt. Hu mistenni li l-ebda organiżazzjoni ma jkollha ħtieġa li taqla` l-istess toroq matul is-snin li ġejjin.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tissolva l-problema ta' l-ilma tax-xita quddiem il-bank tal-Mid-Med fi Triq San Pawl, f'San Pawl il-Baħar biex l-ilma tax-xita li jinżel minn Triq San Ġorġ ma jmurx ġod-djar iżda jiġi mmexxi lejn Triq il-Parroċċa mingħajr inkonvenjent għar-residenti u qabel ma jsir il-wiċċ finali tat-tarmak? Japprezza li soluzzjoni hija urġenti għax il-problema aktar se tisserja bix-xogħol li sar ftit ilu fl-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li xogħol indikat mill-Onor. Interpellant kien inkluż bhala parti mix-xogħol finali li jrid isir fl-inħawi.

Dipartiment tat-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien sewa biex id-Dipartiment tat-Toroq jiċċaqlaq minn Beltissebħ għal post fi Triq il-Kanun f'Santa Venera ftit snin ilu? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jiswa issa ċ-ċaqliq biex minn hawn u ftit ieħor id-Dipartiment tat-Toroq se jmur minn Beltissebħ għall-bini f'San Maison ftit 'il bogħod?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment ma għandux l-informazzjoni dwar l-ispiża nvoluta, la biex id-Dipartiment tat-Toroq mar Santa Venera qabel l-1996 u lanqas biex ġarr minn Santa Venera għal Beltissebħ wara l-1996. Dwar l-aħħar parti tad-domanda l-informazzjoni tkun tista` tingħata aktar il-quddiem.
Leg 9 PQ #7637 Sitting 124 1999-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Lukanda Costa del Sol

Question

Meta l-Costa del Sol inbniet fl-Għadira tal-Mellieħa kellha l-permessi meħtieġa mill-PAPB? Meta ħarġu dawn il-permessi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records fl-Awtorita` ta' l-Ippjanar, irriżulta li fit-3 ta' Mejju 1974 kienet saret applikazzjoni, referenza PB 2169/1340/74, biex jinbena beach establishment u li sussegwentament inħareġ permess għaliha fit-3 ta' Lulju 1974. Ninsab infurmat ukoll li fis-26 ta' Marzu 1979, saret applikazzjoni oħra fuq l-istess referenza biex jinbena restaurant u li l-permess inħareġ fl-4 ta' Diċembru 1979. Peress li l-file oriġinali ma kienx instab, ta' min jinnota li din l-informazzjoni hija meħuda minn Fore File F/F 1340/74 li infetaħ wara li saret applikazzjoni ta' Tiġdid (to erect a restaurant) fl-24 ta' Settembru 1984. Minn dan il-file ma hemm l-ebda indikazzjoni jekk il-Costa del Sol inbnietx qabel jew wara il-ħruġ ta' l-ewwel permess imsemmi.
Leg 9 PQ #7638 Sitting 124 1999-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill ta' l-Ewropa — Okkażjoni tal-50 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fl-okkażjoni tal-50 sena tal-Kunsill ta' l-Ewropa li ġiet organizzata għat-tfal ta' l-iskejjel? Kif intnefqu l-flus? Min tħallas għal din l-attivita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm budget ta' Lm5000 allokat għall-attivitajiet kollha konnessi maċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 Anniversarju tal-Kunsill ta' l-Ewropa. S'issa għadhom qed jitħallsu l-kontijiet pendenti u għad ma ingħalqux il-kontijiet kollha.
Leg 9 PQ #7639 Sitting 124 1999-06-16 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

HCEB — Lukanda Costa del Sol

Question

Jirriżultalu l-Ministru li l-HCEB approvat il-bini ta' lukanda ġdida skond applikazzjoni tal-Costa del Sol fl-Għadira tal-Mellieħa? Meta ħarġet din l-approvazzjoni mill-HCEB? Il-bini ta' lukandi ġodda li għalihom hemm applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kollha għandhom l-approvazzjoni tal-HCEB? Liema għandhom? Liema m'għandhomx?

Response (REFALO, MICHAEL)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7533 Sitting 123 1999-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

Turiżmu — Kiri ta' appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun il-liċenzja li jridu jħallsu sidien Għawdxin li jikru appartamenti għal ftit jiem ta' vakanzi lill-Maltin biss f'Għawdex?

Response (REFALO, MICHAEL)

Din hi materja li trid tiġi deċiża mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu iżda kif diġa' stqarrejt waqt id-dibattitu fi stadju ta' Kumitat ta' l-Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi ta' l-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta, jien fil-fehma li l-ħlas għal din il-liċenza għandha tkun waħda nominali.

Għawdex — Ċentru għat-Taħriġ ta' Adulti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li jkun hemm assistent kap fiċ-Ċentru għat-Taħriġ ta' Adulti ta' Għajnsielem? Kemm hemm persuni mpjegati ma' dan iċ-ċentru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal postijiet ta' Kapijiet u Assistenti Kapijiet taċ-Ċentri ta' l-Adulti fid-19 ta' Settembru, 1997, kien ġie deċiż mill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali fl-Amministrazzjoni preċedenti li għandu jkun hemm Kap u Assistent Kap f'kull Ċentru tat-Taħriġ ta' l-Adulti f'Malta irrespettivament minn-numru ta' persuni b'diżabilita' li jattendu f'kull Ċentru. Id-deċiżjoni li jkun hemm Assistent Kap (minbarra l-Kap) taċ-Ċentru ta' l-Adulti ta' Għajnsielem itteħdet fid-dawl ta' dik id-deċiżjoni preċedenti. Hemm tnax-il impjegat fiċ-Ċentru tat-Taħriġ ta' Għajnsielem li jinkludu Kap, Assistent Kap, 2 Care Workers, 4 Assistenti Care Workers u 4 Assistenti Soċjali Każwali. 16.6.99
Leg 9 PQ #7535 Sitting 123 1999-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Adult Training Centre — Post ta' Kap

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'wieġbet il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għall-punti mqajma fl-ittra li rċeviet mingħand il-GWU bid-data tat-12 ta' April, 1999 dwar il-mili ta' post ta' Kap fl-Adult Training Centre?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni jidhrilha li m'għandiex tagħmel pubbliku korrispondenza li hi jkollha ma organiżżazzjonijiet jew persuni li jikkomunikaw magħha.
Leg 9 PQ #7630 Sitting 123 1999-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Proposta ġdida dwar il-Qrati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu biex il-lista ta' preċedenza li hemm referenza għaliha f'mistoqsijiet parlamentari numri 6953 u 7329 issir waħda aċċettabbli?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

M'għandi xejn x'inżid mar-risposta li kont tajt bi tweġiba għad-domanda numru 7329.
Leg 9 PQ #7632 Sitting 123 1999-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Power Station — Delimara

Question

Matul is-snin li ġejjin, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tkun qed tintuża iżjed it-teknoloġija tal-combined cycle fil-power station ta' Delimara? Gradatament meta hemm il-ħsieb li l-power station ta' Delimara tiġġenera iżjed elettriku minn issa biex jonqos il-bżonn tal-power station tal-Marsa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bħalissa qed isiru t-testijiet finali tal-Combined Cycle Plant f'Delimara. Hu ppjanat li dan l-impjant jibda jiġi użat fuq bażi regolari minn Lulju li ġej. Fil-futur hemm il-possibilta' li jsiru blocks oħra ta' Combined Cycle Plant f'Delimara u għalhekk ġie allokat spazju għal dan il-għan. Bl-użu tal-Combined Cycle Plant hu maħsub li l-proporzjon ta' l-enerġija elettrika mill-Marsa tonqos minn sittin għal erbgħin fil-mija total waqt li l-impjant tal-Marsa jiġi modernizzat.
Leg 9 PQ #7633 Sitting 123 1999-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Power station — Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex il-ħaddiema fil-power station tal-Marsa ma jaħdmux f'ambjent bi sħana u storbju eċċessivi li qed jagħmlu ħsara lis-saħħa u lis-smiegħ tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-Power Station tal-Marsa, inklużi dawk li jaħdmu fit-Taqsima tal-Manutenzjoni, huma pprovduti bl-ear protectors. Barra dan, l-operaturi li jikkontrollaw l-apparat bħall-boilers, għandhom cubicles forma ta' kamra mibnija mal-Panel 'Aluminium Glass Cubicle' li din ukoll hija mgħammra b'sistema t'arja kkundizzjonata.
Leg 9 PQ #7527 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom qed tittieħed id-deċiżjoni li jitnaqqas in-numru ta' studienti li jidħlu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Kemm se jitħallew jidħlu studenti fis-snin li ġejjin?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nassigura lill-Onor Interpellant li mhuwiex il-ħsieb li l-Istitut jintroduċi xi 'numerus clausus' iżda jibqa' jaċċetta għadd adegwat ta' studenti dejjem skond il-kwalifiki akkademiċi tagħhom u naturalment, skond ir-riżorsi umani, finanzjarji u loġistiċi ta' l-Istitut. Tajjeb li ngħid li filwaqt li l-għadd ta' studenti 'full-time' fl-aħħar ta' Frar ta' din is-sena kien ta' 615, in-numru llum niżel għal 485. Fl-istess ġurnata fi Frar l-għadd ta' studenti 'part-time' kien ta' 448 filwaqt li llum dan issa niżel għal 191. Dan ifisser li fil-perijodu msemmi l-għadd totali ta' studenti li jew irriżenjaw jew abbandunaw l-istudju tagħhom hu ta' 387. Dan in-numru fih innifsu hu prova biżżejjed ta' l-għaqal li jiġi stabilit livell akkademiku xieraq għad-dħul fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
Leg 9 PQ #7528 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Toroq — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom ma jitnaddfu t-toroq u l-bankini mimlijin ħaxix ħażin u maħmuġ fit-triq ewlenija li mill-ajruport tieħu lejn il-Belt? Jista' jsir it-tindif meħtieġ u jinqata' l-ħaxix ħażin għax joffri dehra tassew kerha lil min jasal f'pajjiżna u joħroġ mill-ajruport?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #7529 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Importazzjoni ta' tiġieġ/bajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar l-importazzjoni ta' tiġieġ u bajd mill-Belġju mniġġes mid-diossina?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa ħa l-passi neċessarji u immedjati sabiex tinżamm l-importazzjoni ta' prodotti tat-tiġieġ u bajd, ċanga, majjal u ħalib maħduma fil-Belġju mill-15 ta' Jannar 1999. Id-Dipartiment qiegħed fil-proċess li jeleva mill-ħwienet u stabbilimenti ta' l-ikel kull prodott magħmul minn dan il-laħam li seta' ġie maħdum u mpurtat wara l-15 ta' Jannar. Il-miżuri li qed jittieħdu huma fuq l-istess linji li adottaw pajjiżi oħra Ewropej.
Leg 9 PQ #7530 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi — Offerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar is-sejħa għall-offerti li ħarġet il-Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi għal provvista ta' l-ikel fl-isptarijiet tal-gvern? Meta ttieħdu dawn il-passi? Setgħet il-fondazzjoni toħroġ din is-sejħa?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li saru d-diskussjonijiet meħtieġa id-Dipartiment tal-Kuntratti issa ser jieħu f`idejh din is-sejħa għall-offerti. Il-passi biex dan isir ittieħdu hekk kif sar magħruf il-ħruġ tas-sejħa għall-offerti. Jidher li minn interpretazzjoni stretta tal-Public Service (Procurement) Regulations 1996 il-Fondazzjoni ma setgħetx toħroġ din l-offerta jekk mhux bil-permess ad hoc tal-Ministeru tal-Finanzi skond klawsola 4 (4) tar-Regolamenti.
Leg 9 PQ #7531 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi — Offerti

Question

Jista' issa l-Ministru jgħid jekk is-sejħa għall-offerti li ħarġet il-Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi għal provvista ta' l-ikel fl-isptarijiet tal-gvern ġietx awtorizzata mid-Dipartiment tal-Kuntratti kif jitolbu r-regolamenti finanzjarji tal-gvern imressqa mill-Gvern Nazzjonalista f'Ġunju 1996 b'Avviż Legali 70/96? Jekk is-sejħa ġiet awtorizzata, meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Saru l-preparazzjonijiet meħtieġa biex id-dipartiment tal-Kuntratti jieħu f'idejh din is-sejħa għall-offerti.
Leg 9 PQ #7531 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi — Offerti

Question

Jista' issa l-Ministru jgħid jekk is-sejħa għall-offerti li ħarġet il-Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi għal provvista ta' l-ikel fl-isptarijiet tal-gvern ġietx awtorizzata mid-Dipartiment tal-Kuntratti kif jitolbu r-regolamenti finanzjarji tal-gvern imressqa mill-Gvern Nazzjonalista f'Ġunju 1996 b'Avviż Legali 70/96? Jekk is-sejħa ġiet awtorizzata, meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jidher li minn interpretazzjoni stretta tal-Public Service (Procurement) Regulations 1996, il-Fondazzjoni ma setgħetx toħroġ din l-offerta jekk mhux bil-permess ad hoc tal-Ministeru tal-Finanzi skond klawsola 4(4) tar-Regolamenti. Il-passi biex dan isir ittieħdu hekk kif sar magħruf il-ħruġ tas-sejħa għall-offerti. Wara li saru d-diskussjonijiet meħtieġa d-Dipartiment tal-Kuntratti issa ser jieħu f'idejh din is-sejħa għall-offerti.
Leg 9 PQ #7532 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dipartiment tat-Toroq — Diskussjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet mad-Dipartiment tat-Toroq li hemm riferenza għalihom fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7182?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li wara li saru taħdidiet mad-Dipartiment tat-Toroq, instab mezz kif l-arbli fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq setgħu jitwaħħlu wara l-crash barriers. Tajjeb li wieħed jgħid li wara d-diskussjoni dwar din il-materja fil-Parlament, ġbidt l-attenzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta dwar il-possibilta ta' perikli għas-sewqan tal-post li kien ntagħżel oriġinarjament biex jitwaħħlu l-arbli.
Leg 9 PQ #7509 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Kumitati ta' Riabilitazzjoni — Policy guidelines ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed ifassal il-policy guidelines ġodda fuq il-kumitati tar-riabilitazzjoni? Kemm ilhom jitfasslu dawn il-policy guidelines? Meta se jkunu lesti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dawn qed jitfasslu mill-Ministeru tal-Ġustizzja.