Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8039 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet/siti storiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol biex titfassal struttura li tmexxi l-mużewijiet u s-siti storiċi? Kif se jiġu reklutati l-persuni għal din l-istruttura? X'budget se jkollha din l-istruttura? X'relazzjoni se jkollha mas-servizz ta' amministrazzjoni pubblika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol biex titfassal struttura li tmexxi l-mużewijiet u siti storiċi ser ikompli wara li l-ewwel sar seminar iffukat fuq dan is-settur f'Marzu li għadda. Issa beda wkoll ix-xogħol ta' kumitat speċjali li ġie mitlub jeżamina aktar mill-qrib dan is-settur sabiex jitfasslu liġi ġdida, strutturi ġodda kif ukoll operat ġdid li jkun jista' jakkomoda fi ħdanu diversi 'stake holders' li b'xi mod jistgħu jikkontribwixxu għall-ħarsien ta' dan il-wirt. Huwa għalhekk diffiċli li wieħed jitkellem fuq Budget f'dan l-istadju. Meta r-rapport ikun lest ngħaddih lill-Oppożizzjoni.

EU — Negozjatur

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħatar in-negozjatur ewlieni tal-Gvern Malti biex imexxi l-isforzi għal sħubija fl-Unjoni Ewropea? X'qed iżomm il-gvern milli jaħtar negozjatur ewlieni? Fuq liema kriterji mistenni jagħżel dan in-negozjatur ewlieni?

Response (BORG, JOE)

In-negozjatur ewlieni li sejjer ikollu l-inkarigu li jmexxi n-negozjati għas-sħubija mal-Unjoni Ewropeja qiegħed fil-proċess li jiġi identifikat. Deċiżjoni finali mistennija tittieħed fi żmien suffiċjenti qabel il-bidu tan-negozjati. Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li, minn informazzjoni li għandi, dawk il-pajjiżi applikanti li magħhom għadhom ma bdewx in-negozjati, għadhom ma ħatrux negozjatur ewlieni. Dwar it-tieni u t-tielet mistoqsijiet tal-Onorevoli Interpellant irrid ngħid li m`hemm assolutament xejn li qiegħed iżomm lill-Gvern milli jagħmel din il-ħatra li trid tkun imsejsa fuq il-kriterju tal-kompetenza. Dan sabiex jiġi żgurat li l-pakkett negozjat ikun l-aħjar wieħed fiċ-ċirkostanzi u jkun fl-aħjar interessi tas-setturi kollha tas-soċjeta` Maltija.
Leg 9 PQ #7818 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

Turiżmu — Numru ta' sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li bihom jiġi deċiż f'pajjiżna n-numru ta' lukandi u sodod għal turiżmu sostenibbli? Kemm huwa meqjus il-massimu ta' lukandi fi gradi differenti għal turiżmu sostenibbli f'Malta u f'Għawdex?

Response (REFALO, MICHAEL)

L-iżvilupp tat-turiżmu huwa bbażat fuq pjan strateġiku li jiġi aġġornat minn żmien għall-żmien. Fil-fatt il-Ministeru għadu kemm lesta abbozz ta' studju ta' 'Carrying Capacity', u ieħor fuq l-impatt ekonomiku, li flimkien iservu ta' bażi biex jiġi aġġornat pjan strateġiku sostenibbli, bbażat fuq l-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija tad-9 ta' Ġunju 1999 li wkoll tittratta dwar is-suġġett tal-mistoqsija.
Leg 9 PQ #7819 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm rċeviet ilmenti l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mill-Valletta Rehabilitation Project dwar il-ħsara li l-kuntratturi tal-korporazzjoni jagħmlu fit-toroq ippavimentati tal-Belt Valletta? Fiex jikkonsistu dawn l-ilmenti? Kemm-il laqgħa saret bejn l-VRP u l-WSC dwar din il-problema? X'qed tagħmel il-WSC biex kuntratturi tagħha ma jkomplux jagħmlu ħsara fit-toroq ippavimentati tal-Belt Valletta?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Koperattivi — Support Unit

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6163, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li s-seba' applikanti għall-vakanza ta' Assistant Manager fil-Co-operative Support Unit (ETC Permit 36/96) li kienu applikaw regolarment sad-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet kien dawn li isimhom qed jintbagħat separatament? Jista' l-Viċi Prim Ministru wkoll jikkonferma li l-applikazzjoni li ntlaqgħet tliet xhur wara d-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet, u li l-Viċi Prim Ministru qal li kienet ġiet aċċettata bħala late application, kienet tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, illum membru tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS, u li din kienet il-persuna li ngħatat l-impjieg ta' Assistant Manager mal-Bord tal-Korperattivi? Jista' jgħid min kien jew kienu dawk li ħadu d-deċiżjoni jew min ta l-istruzzjonijiet li l-applikazzjoni ta' din il-persuna li kienet daħlet tliet xhur tard kellha tiġi aċċettata bħala late application? Jista' jgħid ukoll minn min kien iffurmat l-Bord ta' l-Għażla li kien responsabbli għal ħatra ta' din il-persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra. 22.6.99
Leg 9 PQ #7895 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Kuntratti — Diskussjonijiet mal-Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta bdew id-diskussjonijiet mid-Dipartiment tal-Kuntratti mal-Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi dwar is-sejħa għall-offerti għall-provvista ta' l-ikel fl-isptarijiet tal-gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Kuntratti beda diskussjonijiet mal-Fondazzjoni għax-Xjenzi Mediċi appena kellu t-tagħrif li kienet ħarġet din is-sejħa għall-offerti. Jiena nfurmat li l-ewwel kuntatti tad-Direttur tal-Kuntratti mal-Fondazzjoni saru fil-21 ta` Mejju 1999.
Leg 9 PQ #7896 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Malta Standardisation Authority — Persuna fil-bord ta' l-intervisti

Question

Jikkonferma l-Ministru li persuna li kienet fil-bord ta' l-intervisti għar-reklutaġġ tal-Malta Standardisation Authority spiċċat biex imliet il-vakanza hi? Jidhirlu li dan etikament korrett?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #7905 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jikkonsidra li jressaq emendi fl-Att ta' l-Edukazzjoni biex ibiddel il-klawsola li tgħid "a person shall qualify for a permanent warrant if he is a citizen of Malta" biex hekk persuni ta' nazzjonalita' oħra jkunu jistgħu jingħataw permanent warrant biex jgħallmu f'pajjiżna? Din il-bidla qed issir biex pajjiżna jaderixxi għar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea biex membri tal-UE jkunu jistgħu jgħallmu f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwistjoni ta' l-UE m'għandha x'taqsam xejn. Qed nikkunsidra talba li issa ilha ssir lil diversi amministrazzjonijiet minn nisa ta' ċittadinanza barranija miżżewġin Maltin li issa ilhom snin jgħallmu fl-iskejjel Maltin a' bazi ta' Warrant temporanju u li qed jitolbu li jkollhom Warrant permanenti. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra li rċevejt fuq is-suġġett u tat-tweġiba mis-Segretarjat tiegħi.
Leg 9 PQ #7646 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Bajjiet — Servizz ta' ambulanza

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir biex, issa li wasal is-sajf, jiġi provdut servizz ta' ambulanzi fl-inħawi differenti ta' Malta biex jintlaħqu malajr bajjiet popolari f'każ ta' xi diżgrazzja? X'jista' jsir biex f'kull bajja jitħalla aċċess għall-istaff ta' l-ambulanza biex ikun jista' jilħaq malajr nies li għandhom bżonn l-għajnuna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li qiegħed jingħata servizz ta' ambulanzi mill-Health Centre tal-Mosta u mill-Health Centre ta' Paola. Dan ta' l-aħħar jingħata mis-St. John's Ambulance Brigade. Rigward l-aċċess għall-istaff ta' l-ambulanzi, ninfurmah li qed jittieħdu passi mill-Kunsilli konċernati fejn hu possibbli, biex dan jitjieb. Japprezza wkoll li din il-problema ma tikkonċernax biss ambulanza imma wieħed irid jikkonsidra l-bżonn ta' professjonisti oħra li huma skarsi.
Leg 9 PQ #7813 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Custom Electrical System Ltd — Offerta

Question

Minn Settembru 1998 sa Mejju 1999, jista' l-Ministru jgħid kemm-il offerta tefgħet il-Kumpannija Custom Electrical Systems Ltd għal kuntratti tal-Korporazzjoni Enemalta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi, il-Kumpanija li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant tefgħet 16-il offerta għal tenders u quotations ta' l-Enemalta.
Leg 9 PQ #7814 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Biennale di Venezia — Artisti Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intagħżlu artisti lokali għall-Biennale di Venezia ta' din is-sena? Min intgħażel? Min għażilhom? Liema artisti ġew ikkonsidrati? Fuq liema kriterji? Liema artisti saritilhom żjara fl-istudios tagħhom? Kemm ġiet tiswa l-parteċipazzjoni Maltija fil-Biennale? Jista' l-Ministru jgħid x'kien is-sehem tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament f'din il-parteċipazzjoni Maltija tal-Biennale?

Response (GALEA, LOUIS)

Wara li l-Ministeru ġie nfurmat, f'Marzu 1999, mill-Mużew ta' l-Arti, li għall-edizzjoni tal-Biennale di Venezia ta' din is-sena saru arranġamenti ġodda biex il-Pajjiżi żgħar ukoll ikunu jistgħu jipparteċipaw, il-Mużew ġie awtorizzat javża lid-Direzzjoni tal-Biennale li Malta ser tieħu sehem. Ġie nominat Kumitat magħmul mid-Direttur tad-Dipartiment tal-Mużewijiet, mill-Kuratur u Assistent Kuratur tal-Mużew ta' l-Arti, minn Profs. Kenneth Wain u l-Profs. Peter Serracino Inglott biex issir l-għażla li kellha tirrapreżenta lil Malta fil-Biennale di Venezia. Il-Kumitat iddeċieda li l-għażla artistika għandha tkun ta' karattru post-modern biex tikkonforma mal-karattru li din il-Biennale kellha matul l-aħħar snin, u biex l-anqas ma jinħoloq distakk kreattiv li forsi jirrifletti negattivament fuq l-arti kontemporanja Maltija. Għal dan l-iskop saret short-list ta' artisti Maltin li, fl-opinjoni tal-Kumitat, kellhom potenzjal li jipproduċu arti post-moderna u li kienet tinkludi xogħlijiet ta' Gabriel Caruana, Pawlu Carbonaro, Alfred Chircop, Raphael Vella, Marco Cremona, Austin Camilleri, Norbert Attard, Pierre Portelli, Vince Briffa u Ray Pitre'. Wara visti fl-istudji ta' dawn l-artisti, ġew magħżula tlett proġetti li kellhom il-karattru meħtieġ. Dawn kienu żewġ skulturi ta' l-azzar ta' Ray Pitre' u żewġ video-presentations ta' Vince Briffa u Norbert Attard li intbgħatu Venezja fit-22 ta' Mejju 1999. L-ispiża għal -parteċipazzjoni f'dan il-Biennale prestiġjuż hi stmata li titla għal xi Lm26,000 li tinkludi l-kiri ta' l-art għall-paviljun Malti bir-rata ta' ftit aktar minn Lm2,000 kull xahar - il-Biennale iddum ħames xhur. Hu magħruf li mijiet ta' eluf iżuru din il-wirja Il-persuna li isimha intbgħat separatament mal-Mistoqsija ma kellha ebda sehem fil-parteċipazzjoni Maltija tal-Biennale ta' Venezja.
Leg 9 PQ #7815 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Bord

Question

Il-Ministru jaħseb li huwa għaqli li fuq il-bord ta' l-Enemalta ġie maħtur direttur li hu mdaħħal f'kumpanniji li jitfgħu offerti għall-kuntratti li toħroġ l-Enemalta stess? Qabel saret il-ħatra tal-bord, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ivvettjati l-persuni maħtura biex isir magħruf jekk għandhomx konflit ta' interess?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-persuni kollha maħtura bħala diretturi fuq il-Bord tal-Enemalta, ikkonformaw mal-Kodiċi ta' Etika għal Diretturi ta' Bordijiet fis-Settur Pubbliku. Il-membri li għandhom xi nteress personali f'xi kumpanija jew azjenda, għarrfu bil-miktub lill-Bord, dwar l-interessi tagħhom. F'każi ta' konflitt ta' interessi, il-proċedura segwita minn dan il-Bord hija l-istess bħalma kien isir mill-Bordijiet preċedenti. Meta l-Gvern jaħtar persuna biex isservi fuq Bord, dan isir wara li tkun saret evalwazzjoni ta' l-integrita' u l-kompetenza tal-persuna, biex b'hekk l-azjenda tibbenefika mis-servizzi ta' tali persuna.
Leg 9 PQ #7816 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-impjegat tad-Dwana, li ismu qed jintbagħat separatament, ġie trasferit mix-xogħol tiegħu fit-Taqsima tad-Droga, Dwana fl-ajruport? Ma jaħsibx il-Ministru li trasferimenti bħal dawn jistgħu jibagħtu messaġġi żbaljati li min jiġġieled kontra d-droga mhux qed jiġi nkoraġġit anzi jista' jiġi interpretat li qed jiġi kkastigat?

Response (DALLI, JOHN)

Trasferimenti minn sezzjoni għal oħra jsiru minn żmien għal żmien skond il-ħteġiet, l-eżiġenzi u ċ-ċirkustanzi tal-mument. Wieħed jista` jsemmi li bejn April 1996 u Ġunju ta` din is-sena ħarġu għaxar Transfer lists tal-Customs Class li f`ħames minnhom kien hemm involuti xi membri tat-Taqsima tad-Droga. Il-persuna li qed jalludi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet waħda minnhom. Ma naħsibx li transfer f`dipartiment għandu jiġi interpretat bħala xi każ ta` messaġġi żbaljati jew ta` xi kastig. Huwa sempliċi fatt li fiċ-ċirkustanzi eżistenti tinħass il-ħtieġa li jsir xi tibdil. Naturalment, dejjem jiġri li jkun hemm min ikun lest jaċċetta l-bidla u oħrajn li jsibuha aktar iebsa.
Leg 9 PQ #7817 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Uffiċċju tad-Dwana — Management Meeting

Question

Jikkonferma li l-ħaddiem, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separtament, f'Management Meeting ta' l-Uffiċċju tad-Dwana fis-26 ta' Novembru, 1998 ġie mfaħħar għas-sehem tiegħu fil-qabda kbira ta' kwantita' ta' drogi fid-9 ta' Novembru, 1998 fil-Baggage Room?

Response (DALLI, JOHN)

Il-persuna li għaliha qed talludi l-mistoqsija kienet waħda minn grupp ta` sebgħa li l-Management tad-Dwana kien ħass li juriha l-apprezzament tiegħu wara qabda ta` droga.
Leg 9 PQ #7640 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Bini ta' lukandi

Question

Għaliex fit-tweġiba li tajtni għall-mistoqsija parlamentari numru 6720 dwar applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta' lukandi ġodda m'hemmx inkluża dik sottomessa mill-Costa del Sol PA 2551/94 meta l-istess applikazzjoni ssemmiet fi tweġiba li ngħatatli fil-31 ta' Jannar, 1996 għall-mistoqsija parlamentari numru 30679?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-14 ta' Awissu 1998, fuq rikunsiderazzjoni, il-Bord tad-D.C.C. irrifjuta l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant u għalhekk l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma setgħetx tibqa` tqis din l-applikazzjoni bħala pendenti quddiema wara l-imsemmija data.
Leg 9 PQ #7641 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OECD — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-gvern qed jikkonsidra li Malta għandha ssir membru ta' l-Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD)?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Hemm diversi raġunijiet li għalihom Malta qed tikkonsidra li ssir membru ta' l-Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD). Tlieta fost ir-raġunijiet ewlenin huma: L-OECD hija organiżżazzjoni li tipprovdi lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri forum fejn janaliżżaw u jiddiskutu l-esperjenzi tagħhom fil-politika ekonomika u soċjali. Dan għandu jtejjeb it-tfassil tal-politika ekonomika ta' Malta. L-OECD teżiġi sistema ta' statistika ekonomika komparabbli mill-membri fi ħdanha, li fil-preżent jammontaw għal disgħa u għoxrin. Dan ikun ta' vantaġġ kbir għal pajjiżna għaliex jipprovdi tqabbil dirett bejn diversi ċifri ta' l-istatistika ma dawk tal-pajjiżi ta' l-OECD. Dan ifisser ukoll li kull tabella wżata mill-OECD tibda tinkludi wkoll lil Malta u b'hekk pajjizna isir aktar magħruf internazzjonalment, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam ma żvilupp ekonomiku. It-tielet raġuni prinċipali hija li l-OECD tipprovdi servizz ta' sistema ta' analiżi ta' kull ekonomija fi ħdanha (country reports). Din l-analiżi ssir b'mod indipendenti u tkun ippubblikata internazzjonalment. Tipprovdi tqabbil ta' l-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżi li jinsabu fl-istadju ta' żvilupp ekonomiku simili għal tagħna. Dan kollu jsaħħah il-profil ekonomiku ta' pajjiżna mad-dinja fis-swieq internazzjonali.
Leg 9 PQ #7642 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Minerals Subject Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi ntgħażlet il-kumpannija Entec UK Ltd biex tfassal Minerals Subject Plan tal-gżejjer Maltin għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kien hemm kumpanniji oħra interessati biex ifasslu dan il-pjan? Min għamel l-għażla tal-kumpannija Entec UK Ltd? Kemm hu mistenni jqum ix-xogħol ta' din il-kumpannija għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-sejħa għat-tenders għall-Minerals Subject Plan inħarġet f'Lulju ta' l-1998 u kien hemm 11-il kumpanija li wrew interess biex ifasslu dan il-pjan. Is-sottomissjonijiet kollha ġew eżaminati mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u r-rakkomandazzjoni ġiet riferuta lit-Tender Evaluation Committee ta' l-istess Awtorita`, kif ukoll lill-Kumitat tal-Kuntratti. L-evalwazzjoni tat-tender saret abbażi ta' kriterji pre-stabbiliti li evalwaw is-sottomissjonijiet kollha mill-punto di vista ta' l-esperjenza tal-kumpaniji f'dan il-qasam, it-tim ta' esperti li ġew identifikati biex jagħmlu dan ix-xogħol, jekk is-sottomissjoni kenitx konformi mat-tender document, it-tip ta' konsultazzjoni pubblika li kienu qed jipproponu, kif ukoll il-prezz ta' l-offerta. Ninsab infurmat ukoll li dan l-eżerċizzju ta' ranking wera li l-kumpanija Entec UK Ltd kienet tidher li hi l-aħjar kumpanija li setgħet tipprovdi dan ix-xogħol u li kienet il-kumpanija li ssottomettiet l-irħas offerta, li kienet tammonta għal GBP 43,795 (c. Lm. 26,000).
Leg 9 PQ #7643 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Players lokali tas-snooker — Appoġġ finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-players lokali tas-snooker, Alex Borg u Ġużi Grech, jingħataw appoġġ finanzjarju bħalma jingħataw sportivi oħra anke jekk dawn ta' l-aħħar ma jaqtgħux figura tajba f'kompetizzjonijiet internazzjonali bħalma jaqtgħu Borg u Grech?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Malta Billiards and Snooker Association ibbenefikat minn għotjiet finanzjarji sostanzjali f'Awissu u Ottubru 1998 u Marzu 1999. Dawn l-għotjiet saru in konnessjoni ma' parteċipazzjoni f'tournaments internazzjonali barra minn Malta. Wieħed jassumi li l-isportivi li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ibbenefikaw ukoll minn dawn l-għotjiet. Ta' min jgħid ukoll li meta s-Segretarjat irċeiva talbiet individwali għal għajnuna finanzjarja dawn ġew ikkunsidrati fuq il-meritu tagħhom kif sar fil-każ tas-Sur Alex Borġ li ħa għotja ta' Lm500 f'Settembru 1998.
Leg 9 PQ #7644 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Għadira — Turista Daniża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm damet ma waslet fuq il-post l-ambulanza msejħa fil-każ tat-turista Daniża li ntlaqtet u nqatlet minn jet ski fl-għadira fit-2 ta' Ġunju, 1999? Xi problemi sab l-istaff ta' l-ambulanza biex jasal ħdejn it-turista mejta? X'lezzjoni tista' tittieħed minn dan il-każ għal servizz aħjar f'emerġenza f'xi bajja?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor.Interpellant li fil-każ li għalih qed tirreferi d-domanda daħlet sejħa għall-Ambulanza fil-`Casualty' fis-12.40 p.m. u din telqet mill-Health Centre tal-Mosta fis-12.45 p.m. L-ambulanza ma ltaqgħet ma' l-ebda problemi u l-vjaġġ ħa bejn 8 u 12-il minuta.
Leg 9 PQ #7645 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

UE — Abbozz dwar il-politika industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jkun lest l-abbozz dwar il-politika industrijali tal-gvern biex jimtela n-nuqqas li hemm riferenza għalih fir-rapport aġġornat dwar l-applikazzjoni tal-gvern għal sħubija fl-UE? Min qed ifassal dan l-abbozz?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7563.