Jista' l-Ministru jgħid xi pjan ta' ħidma hemm ippjanat għal matul iż-żmien li baqa' mill-1999 u għas-sena 2000 biex tissaħħaħ l-istruttura amministrattiva u akkademika tal-bord tal-Matsec? X'kordinazzjoni se jkun hemm bejn l-Universita', id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet għal tmexxija aħjar tal-Matsec? X'kollaborazzjoni se jkun hemm mal-Edexal biex jissaħħaħ l-Matsec?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bil-ħsieb li tissaħħaħ l-istruttura amministrattiva u akkademika tal-Bord tal-MATSEC ħarġu applikazzjonijiet għall-postijiet vakanti fil-karigi ta':
(a) Principal Subject Area Officer (Science)
(b) Research and Development Officer
(c) Co-ordinator, Matsec Support Unit
Fix-xahar ta' Mejju saru l-intervisti għal dawn il-vakanzi u wieħed jistenna li dawn jimtlew fil-ġejjieni qrib.
Fuq il-Bord tal-MATSEC hemm żewġ rappreżentanti tad-Diviżjoni u ieħor tal-Ministeru u prattikament fuq il-panels kollha hemm uffiċjali mid-Diviżjoni għal kull livell. Dawn jattendu regolarment u jipparteċipaw bis-sħiħ fix-xogħol li jagħmel dan il-Bord għat-tmexxija ta' l-eżamijiet tal-MATSEC. Dan isir dejjem fil-parametri li jorbtu lil dan il-Bord, fosthom dak li l-aħħar deċiżjoni hija dejjem tas-Senat ta' l-Universita`.
Minn din is-sena d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ħa ħsieb parti sostanzjali ta' l-amministrazzjoni ta' l-eżamijiet billi ta s-servizz tiegħu waqt ir-reġistrazzjoni ta' l-applikazzjonijiet, l-allokazzjoni ta' kandidati fiċ-Ċentri ta' l-Eżamijiet, fl-appuntar ta' l-Invigilators u Head of Centres kif ukoll fit-tmexxija ta' sessjonijiet bil-miktub kemm tas-Sec kif ukoll tal-Matsec.
Id-Dipartiment qiegħed f'kuntatt mal-Matsec Bord biex mir-reġistrazzjonijiet tas-sena 2000 jiġu formalizzati r-responsabiltajiet individwali taż-żewġ entitajiet bl-iskop li jissaħħu l-istrutturi ta' tmexxija ta' l-Eżamijiet tal-Matsec. Din il-parteċipazzjoni tad-Dipartiment fl-amministrazzjoni mistennija tikber fis-snin li ġejjin.
Il-Bord tal-Matsec qiegħed fi trattattivi ma' l-Edexcel biex din tagħmel evalwazzjoni ta' erba' suġġetti li ġew eżaminati din is-sena fil-livell ordinarju. Hu maħsub li kollaborazzjoni tiġi estiża fis-snin li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-applikazzjoni numru 2498/99 sottomessa lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fir-rigward ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Jista' l-Ministru għaldaqstant iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni sottomessa kif ukoll kull pjanta u dokumentazzjoni li akkumpanjat din l-applikazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-applikazzjoni Numru 2498/99 tikkonsisti f'`outline application for alterations and extensions' għall-Isptar il-Ġdid.
L-applikazzjoni sottomessa bil-pjanti qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-applikazzjoni numru 2498/99 sottomessa lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fir-rigward ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Jista' l-Ministru għaldaqstant iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni sottomessa kuf ukoll kull pjanta u dokumentazzjoni li akkumpanjat din l-applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li applikazzjoni numru 2498/99 hija 'Outline Application' għall-bdil u estensjoni ta' l-isptar il-ġdid. Il-Ministru tas-Saħħa diġa` poġġa kopja tal-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra, fis-seduta tal-lum stess.
Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar diġa` bagħtet Termini ta' referenza tal-'Environmental Impact Statement' u tat-'Traffic Impact Statement'.
Jista' l-Ministru jgħid fejn se jintbagħtu l-għalliema ta' l-iskola tas-snajja' ta' Bighi fis-sena skolastika l-ġdida? Kemm saru laqgħat ta' konsultazzjoni magħhom dwar l-għeluq ta' dik l-iskola, peress li dawn qed jgħidu li ġew informati biss u mhux konsultati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-għalliema ta' l-Iskola tas-Snajja' - Bighi ġew offruti jindikaw il-preferenzi fejn jixtiequ jgħallmu s-sena d-dieħla. Safejn hu possibli, ix-xewqa tagħhom tiġi rrispettata.
Infakkar li d-deċiżjoni dwar l-għeluq ta' l-iskola ta' Bighi qed issir biex jitwettaq proġett ta' mportanza fil-qasam edukattiv u ta' restawr, u wara li ġie konsidrat li kemm l-istudenti kif ukoll l-għalliema jistgħu jiġu akkomodati fi skejjel oħra tas-snajja'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom mhux se tintlaqa' t-talba li l-mużiċisti ta' l-orkestra nazzjonali jkollhom direttur-ħaddiem li jirrappreżentahom fil-bord tat-tmexxija?
Response (GALEA, LOUIS)
Minn imkien ma jirriżulta li diġa' ġie deċiż li t-talba msemmija mhix ser tintlaqa'. Il-kwestjonijiet kollha marbuta ma' l-Orkestra qed jiġu konsidrati.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu wara t-talba mill-GRTU li jinstab rimedju għas-sitwazzjoni li nħolqot b'ħafna sidien tad-dgħajjes li jġorru t-turisti fid-Dwejra, Għawdex jikkompetu kontra xulxin u jolqtu ħażin id-dħul ta' xulxin għax hemm ħafna minnhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-uniċi sidien ta` dgħajjes li qed joperaw servizz ta` ġarr ta` passiġieri fid-Dwejra huma biss dawk it-tmien sidien li għandhom il-permess joperaw dan is-servizz. L-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku qatt ma waslulha lmenti jew rapporti li hemm min qed jopera illegalment b`kompetizzjoni ma` l-operaturi li għandhom il-liċenzja meħtieġa. Dawn l-istess operaturi ikkonfermaw ma` l-Awtorita` li huma l-uniċi sidien li qed joperaw fid-Dwejra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-ministeru wara li nġibditlu l-attenzjoni li bejjiegħa tal-ħxejjex u frott f'Għawdex qed jintlaqtu ħażin ħafna minn bejgħ dirett li ma jgħaddix mill-pitkalija?
X'laqgħat saru mal-GRTU dwar dan il-każ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Din l-allegazzjoni ilha ssir għal dawn l-aħħar sentejn. Jiena nfurmat li kemm d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura kif ukoll il-Ministeru għal-Għawdex qed jistħarrġu dawn ir-rapporti u qed iħejju pjan ta' azzjoni.
Hekk kif jitħejja dan il-pjan, jiġi diskuss kemm mal-GRTU kif ukoll ma kull min hu nteressat.
Protokoll Taljan — Ċentru ta' l-istudji tar-Restawr
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma stmati li se jkunu l-ispejjeż totali biex jitmexxa ċ-ċentru ta' l-istudji tar-restawr fl-1999 u fis-sena 2000? Kemm se jkun hemm fondi mill-Protokoll Taljan għal dan iċ-ċentru fl-1999 u fis-sena 2000? Kemm se joħroġ fondi pubbliċi l-gvern għal dan iċ-ċentru fl-1999 u fis-sena 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Fid-deċiżjoni dwar kemm se jiddaħħlu studenti fiċ-Ċentru ta' l-Istudji tar-Restawr, jista' l-Ministru jgħid b'liema kriterji ġew deċiżi n-numri? X'attenzjoni ngħatat għall-opportunitajiet ta' mpjiegi għal dawn il-persuni wara li jtemmu l-korsijiet li jkunu għażlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress i t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jirriżultalu l-Ministru li l-HCEB approvat il-bini ta' lukanda ġdida skond applikazzjoni tal-Costa del Sol fl-Għadira tal-Mellieħa? Meta ħarġet din l-approvazzjoni mill-HCEB? Il-bini ta' lukandi ġodda li għalihom hemm applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kollha għandhom l-approvazzjoni tal-HCEB? Liema għandhom? Liema m'għandhomx?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onor Membru ġiet proċessata biss mill-'Hotels and Catering Establishments Board' u mhux approvata u dan wara kjarifika li kienet saret mill-imsemmi Bord f'Novembru 1996. Fil-fatt il-proġett kien ġie rifjutat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Ninsab infurmat ukoll li, ħlief għall-applikazzjoni waħda li għadha qed tiġi proċessata, il-lukandi li għalihom hemm talba pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u li huma elenkati fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija 6720, kollha għandhom l-approvazzjoni ta' l-'H.C.E.B.'
Wara l-istudju tal-Prof. Alfred Vella imxandar fir-rivista uffiċjali Xjenza tal-Kamra tax-Xjenzati fejn jingħad kif studji juru l-livelli allarmanti tal-benzene fl-inħawi traffikużi f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi se jittieħdu, flimkien ma' ministeri oħra, biex il-kwalita' ta' arja ma tkompliex tiddeterjora b'detriment għal saħħitna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Profs. A. Vella ntalab jissottometti kopja tar-rapport imsemmi lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għall-kummenti ta' l-istess Dipartiment.
Wara r-rakkmandazzjoni ta' l-Ombudsman biex mit-tqassim ta' nies jinqata' l-patronaġġ politiku u l-politika ta' "naqdu lin-nies tagħna", kien hemm xi diskussjoni fil-Kabinett dwar dam? Ittieħdet xi deċiżjoni minnek bħala kap tal-gvern biex din ir-rakkmandazzjoni ta' l-Ombudsman tiġi segwita u titwettaq?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
It-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hi fin-negattiv.
Jiena dejjem emmint li l-patronaġġ politiku huwa ħazin u għalhekk dejjem għamilt kemm stajt biex jiġi eliminat.
Sena b'sena mindu beda jopera l-Freeport, jista' l-Ministru jgħid: (1) x'kien il-volum ta' containers maħduma u x'kien id-dħul relatat ma' dan ix-xogħol; (2) x'kienet l-ispiża operazzjonali tal-Freeport; (3) x'kien l-ammont tad-dejn kull sena; (4) ma' liema kumpanniji għandu kuntratt il-Freeport u x'inhu l-valur ta' kull kuntratt u għal liema volum ta' xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni tal-Port Ħieles kull sena tippubblika l-Accounts tagħha u kopja ta' l-istess titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra għad-dispożizzjoni ta' l-Onorevoli Membri. L-informazzjoni li qed tintalab għall-ewwel tlitt partijiet tal-mistoqsija jinsabu fl-imsemmija Accounts.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali u għalhekk ma nħossx li għandha ssir pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpanniji privati li jipprovdu s-servizz ta' ġbir ta' skart lill-kunsilli lokali? Kemm hemm kunsilli lokali b'dan it-tip ta' kuntratt? F'kull każ x'inhu l-valur ta' kull kuntratt? X'sorveljanza qed issir biex jiġi żgurat li l-kumpanniji privati huma attrezzati biex jipprovdu dan is-servizz? Jekk saret din is-sorveljanza, x'jirriżulta?
Response (GATT, AUSTIN)
Hemm tlettax (13) il-Kunsill li għandhom is-servizz tal-ġbir ta` l-iskart ma` seba` (7) kumpaniji privati.
Il-valur ta` kull kuntratt ivarja skond il-kobor ta` kull Kunsill u t-tip ta` servizz.
Hija prerograttiva tal-Kunsill li jara, qabel joħroġ kull kuntratt, li l-kuntrattur huwa attrezzat biex jipprovdi dan is-servizz. Huwa wkoll id-dmir ta` kull Kunsill li jagħmel sorveljanza biex jiġi żgurat li x-xogħol isir skond il-kuntratt u bl-anqas ilmenti mill-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intbagħtu kampjuni barra biex fuqhom isir it-test għal preżenza ta' diossina? X'kampjuni ntbagħtu? Meta ntbagħtu? Fejn intbagħtu? Meta ġew lura r-riżultati f'kull każ? X'irriżulta minn dawn it-testijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nissuġerixxi li din id-domanda tiġi rreferuta lill-Ministru ta`
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi qed jittieħdu matul din is-sena skolastika u sa tmiem l-1999 fil-programm li kien beda ta' Education Business Links bi sħab mal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-porgramm "Education Business Links" tkompla fuq l-istess linji. Qegħdin isiru diskussjonijiet dwar inizjattivi ġodda. Dawn id-diskussjonijiet ma ġewx finalizzati.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2770 peress li ilni sitt xhur nistenna tweġiba mit-18 ta' Diċembru, 1998?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fl-1995 il-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp kienet qiegħda ddaħħal sistema ġdida ta' kompjuterizazzjoni fl-accounts u għalhekk inħasset il-ħtieġa li taqleb mis-sistema tal-'Bulk Payment System' għas-sistema tat-TX 35.
Biex tikkonferma ma' l-esiġenzi tas-sistema mitluba mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali, il-korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp imliet il-formoli NI 13, id-dokument li għalih qed issir referenza, għal kull impjegat li kellha l-Korporazzjoni f'dak iż-żmien. Dan sar wara kjarifika li ntalbet apposta bil-miktub mingħand id-Dipartiment għas-Servizzi Soċjali.
Il-fondi kollha li baqgħu jinqatgħu sal-lum mis-salarju ta' dan l-impjegat u ta' l-impjegati l-oħra kollha bħala l-kontribuzzjoni tal-bolla, jitħallsu regolarment kull xahar lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Kif jidher hawn fuq, il-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp dejjem osservat il-liġi bir-reqqa u għalhekk m'hemmx ħtieġa li jittieħdu l-ebda passi.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni jiftaħ l-Ipoġew? Mindu nagħlaq u beda x-xogħol fuqu kemm intnefqu flus u fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet li saru s'issa? X'jonqos isir? Kemm se jdum biex isir u kemm se jiswa? X'se jkun il-prezz tad-dħul meta jerġa' jiftaħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa tmiem l-1998 id-Dipartiment tal-Mużewijiet nefaqu Lm469,405 fuq dan il-porġett.
Ix-xogħlijiet li għad iridu jitwettqu huma:
1. L-installazzjoni tal-passaġġi għall-viżitaturi u l-poġġamani fil-livell ta' fuq tal-Ipoġew.
2. L-installazzjoni tas-sistema ta' dawl fil-livell ta' fuq
3. Il-provi finali tal-apparat sofistikata li ġie installat fuq il-post
4. It-taħriġ fi proċeduri ta' servizz u sigurta` għan-nies li ser ikun hemm fuq il-post
5. L-installazzjoni tal-armar tas-sala tad-dħul u tal-espożizzjoni ta' tagħrif dwar is-sit għall-viżitaturi
Sabiex jintemm dan il-proġett, din is-sena d-dipartiment qiegħed jonfoq LM17,000.
Għalhekk l-ispiża kapitali totali mid-Dipartiment tal-Mużewijiet ser tkun ta' LM486,405.
Barra dan, kien hemm naturalment ix-xogħlijiet imwettqa mid-Dipartiment tat-Toroq u l-korporazzjonijiet tas-servizzi fit-toroq tal-madwar.
It-tmexxija tal-proġett, u l-prezzijiet, għadhom qed jiġu imfassla.
Il-proġett ser ikun lest u miftuħ qabel l-aħħar ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid min qed jagħżel lill-esperti li mistennija jagħmlu xogħol ta' tiswija fit-tempji neolitiċi lokali? X'xogħol sar biex jinstabu dawn l-esperti? X'inhuma l-kwalifiki u l-esperjenzi ta' dawn l-esperti? Kemm se jitħallsu? Meta se jsir ix-xogħol u kemm se jiswa? Liema tempji se jsir ix-xogħol fuqhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċess tal-għażla tal-esperti biex jgħinu fil-problema tal-konservazzjoni tat-tempji qiegħed isir mid-Dipartiment tal-Mużewijiet bl-għajnuna tal-Ministeru tal-Edukazzjoni f'konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati f'dan il-qasam.
Ser issir ukoll sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern sabiex jiġi impjegat perit fi ħdan id-Dipartiment tal-Mużewijiet biex jaħdem fuq din il-problema.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol biex ikun hemm struttura li tmexxi l-libreriji pubbliċi? X'budget se jkollhom? Liema libreriji se jaqgħu taħtha? X'relazzjoni se jkollha ma' l-amministrazzjoni pubblika u kif se jsir ir-reklutaġġ għaliha?
Response (GALEA, LOUIS)
Wara s-Seminar ta' jumejn li sar ftit ġranet ilu bejn il-partijiet kollha involuti, issa ser ninkariga grupp biex ifassal proġett u pjan għar-ristrutturazzjoni ta' dan is-settur. Meta r-rapport ikun lest inkun nista' ngħaddih lill-Oppożizzjoni. Għaldaqstant f'dan l-istadju m'inhix f'pożizzjoni inwieġeb l-aħħar tlitt partijiet tal-Mistoqsija.