Il-wirja bix-xogħlijiet ta' l-istudenti minn skejjel differenti dwar il-wirt storiku u kulturali lokali li kellha ssir fl-Iskola Lily of the Valley kemm damet miftuħa? Kemm żaruha skejjel u studenti sakemm damet miftuħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din il-wirja damet miftuħa ġimgħa u ma nżammitx statistika dwar in-numru ta' skejjel jew studenti li żaru din il-wirja.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-classroom support trainers li għamlu certificate course fl-Universita' ġew ingaġġati biss fuq bażi temporanja bħala supply kindergarten assistants meta persuni inqas kwalifikati minnhom ġew ingaġġati fuq bażi permanenti? Li nittrattaw b'dan il-mod lil dawk li għamlu sagrifiċċju u għaddew mill-kors tal-classroom support trainers mhux qed nissograw li jirriżenjaw għax jaraw ix-xogħol tagħhom fraġli ħafna u hekk jitkissru l-prospetti ta' nies imħarrġa għas-suċċess ta' l-edukazzjoni inklussiva?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub irid jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-inħawi f'Malta u Għawdex fejn id-djar tar-residenti għadhom mhumiex imqabbda mas-sistema pubblika tad-drenaġġ? F'kull każ, kemm hemm djar jistennew li jintlaħqu mis-servizz pubbliku tad-drenaġġ? Għat-tliet snin li ġejjin xi pjani hemm biex dawn id-djar jitqabbdu mas-sistema pubblika tad-drenaġġ? X'finanzi hemm bżonn?
Minn Settembru, 1998 sa April, 1999, jista' l-Ministru jgħid kemm impjegaw magħhom fuq bażi full time u part-time il-kunsilli lokali f'Malta u f'Għawdex? Kunsill b'kunsill, fejn u kemm f'kull każ ġew reklutati impjegati ġodda?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid liema skejjel ħadu sehem fil-programm tal-wirt storiku flimkien mal-Fondazzjoni OTS? Kull skola kemm ingħatat flus għal dan il-programm? F'kull skola kemm kien hemm studenti nvoluti f'dan il-programm? Minn min kienet komposta l-ġurija li għażlet il-proġetti rebbieħa? Liema kriterji ntużaw biex ikejlu s-suċċess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel li ħadu sehem fil-programm tal-wirt storiku kienu:
Bishop's Conservatory, Victoria - Gozo
Patri Wistin Born, Kalkara
Antonio Sciortino, Żebbuġ
Annibale Preca, Lija
De La Salle College, Cottonera
Dun Karm Sant Primary 'B'
Paola Primary 'B'
Adelaide Cini, Ħamrun
Lorenzo Gafa' Secondary
Agius de Soldanis, Victoria - Gozo
St Augustine's College, Pieta`
Guże` Galea Secondary, Qormi
San Anton School, Żebbiegħ
Lily of the Valley, Mosta
St Edward's College, Birgu
V Borġ Brared Boys', B'Kara
Qrendi Special School
St Anne Primary, M'Scala
St Roque Primary, Vittoriosa
F'dan il-programm ħadu sehem 824 tifel u tifla minn 43 klassijiet. Il-ġurija kienet komposta mis-Sinjura Linda Eneix u s-Sur William Cumming li qalu li peress li l-istandard tax-xogħol esibit kien għoli riedu jippremjaw kull klassi biex b'hekk jinkoraġġixxu lit-tfal. Għalhekk kull klassi li ħadet sehem ġiet mogħtija Lm30.
Min ħareġ iċ-ċirkolari biex jgħarraf lill-iskejjel biex iżuru l-kwadru ta' qtugħ ir-ras tal-Caravaggio fil-Kon-Kattidral ta' San Ġwann? Kemm skejjel żaru dan il-kwadru wara din iċ-ċirkolari? Liema skejjel għamlu dan? Għaliex saru telefonati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni lill-kapijiet ta' l-iskejjel biex jinjoraw dik iċ-ċirkolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-ċirkulari biex l-iskejjel iżur l-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann ħarġet mid-Dipartiment, Ppjanar u Żvilupp. Kien hemm 31 skejjel li wrew ix-xewqa li jibgħatu l-istudenti għal din il-wirja.
Matul dan is-sajf se ssir l-inizjattiva Wens fis-Sajf għall-istudenti b'diżabilita'? Jekk se ssir, meta bdiet il-ħidma meħtieġa biex ikun hemm it-tħejjija kollha serja biex l-inizjattiva tirnexxi? Jekk l-inizjattiva msemmija mhux se ssir, x'inhuma r-raġunijiet ta' dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva, l-inizjattiva Wens fis-Sajf ser issir. Informat li l-istudenti ta' bejn it-8 u l-11-il sena li jattendu skejjel speċjali se jingħataw l-opportunita` sabiex fejn hu possibbli jattendu Skola Sajf bħal tfal oħra tal-istess eta`.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa matul din is-sena u x'passi hemm maħsuba li jittieħdu biex dawk li għandhom liċenzja li jakkomodaw f'darhom persuni li jiġu jistudjaw l-Ingliż f'Malta joqogħdu għar-regoli li ntbagħtu b'ċirkolari tal-11 ta' Jannar, 1999?
Minn Jannar, 1999 sa Ġunju, 1999 kemm-il spezzjoni saret għall-ħarsien ta' dawn ir-regoli? Kemm inqabdu familji jżommu aktar studenti milli suppost?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-għadd ta' studenti barranin li jiġu Malta bil-għan li jitgħallmu jew jipperfezzjonaw il-lingwa Ingliża qed dejjem jikber u għalhekk qed tikber ukoll il-ħtieġa ta' akkomodazzjoni għalihom. Iċ-ċirkulari tal-11 ta' Jannar ta' din is-sena kienet maħsuba biex tfakkar fir-responsabbiltajiet ta' min iżomm f'daru lil dawn l-istudenti.
Minħabba li hemm biss tmien 'Field Officers' li jridu jlaħħqu ma' l-istabbilimenti turistiċi kollha f'Malta u f'Għawdex, spezzjonijiet fi djar li jospitaw studenti barranin isiru biss qabel tinħareġ il-liċenza u meta jsir ilment.
Kif jaf l-Onor Membru fl-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta ser ikun hemm Direttorat ta' l-Infurzar. L-infurzar tal-liġi ser jissaħħaħ mhux biss għax ser jiżdied l-ispettorat u għax ser jingħata taħriġ xieraq iżda wkoll għax il-liġi l-ġdida tipprovdi mezzi aħjar biex isir l-'enforcement'.
Ministeru tal-Finanzi — Servizz ta' project management
Question
Il-Ministeru tal-Finanzi aċċetta t-talba tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li jestendi l-ftehim mal-Malta University Services Ltd biex tipprovdi servizz ta' project management f'dawn l-oqsma: sports complexes project; Universal Community Service Project; Bighi Site Development Project; IT in Education Project; College of Arts, Science & Technology Project; Museum of Contemporary Art Project? Kemm se jiswa f'kull każ dan is-servizz?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-talba mill-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-estenzjoni tal-ftehim mal-Malta University Services Ltd. għall-provvista ta` servizz ta` project management għada qed tkun mistħarrġa mill-Ministeru tal-Finanzi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7813, jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt tal-Korporazzjoni Enemalta rebħet il-kumpannija Custom Electrical Systems Ltd.?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kumpanija msemmija ma ngħatat l-ebda kuntratt ordni tal-Korporazzjoni Enemalta.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Perit Claude Busuttil
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-Perit Claude Busuttil fi ħdan il-Ministeru tiegħu kif ukoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' xogħol li dan għandu ma' l-istess Ministeru?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Perit Claude Busuttil, li jispeċjalizza fir-restawr, intalab minn dan il-Ministeru biex jikkontribwixxi fix-xogħol tat-twaqqif taċ-Ċentru Malti għar-Restawr u l-istudji li ser joffri. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet dwar nemunerazzjoni xierqa għas-servizzi tiegħu.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Operations Manager (Maintenance)
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet is-sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' operations manager (maintenance) fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa' kelli l-oportunita` inwieġeb għal mistoqsija oħra, ġejt mogħti l-parir li qabel isiru ħatriet fis-settur li għandu x'jaqsam ma' proġetti kapitali u ta' maintenance, l-ewwel għandu jiġi deċiż kif ser tkun organizzata din it-taqsima. Sadanitant il-PSC ser tiġi konsultata fuq il-materja.
Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet is-sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' operations manager (maintenance) fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba mogħtija mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni għall-mistoqsija numru 8145.
Jista' l-Ministru jgħid xi grad għandha l-impjegata tas-segretarjat privat tiegħu, li isimha qed jintbagħat separatament, kif ukoll jgħid x'salarju u x'benefiċċji oħra għandha? Jista' jagħti wkoll l-isem tal-lokalita' li fih toqgħod u li jidher fuq id-dokument tal-Karta ta' l-Identita' tagħha? Jista' l-Ministru jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-curriculum vitae tagħha u x'wassal biex tintgħażel bħala segretarja tal-bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Malti għar-Restawr?
Response (GALEA, LOUIS)
L-impjegata imsemmija ma tifformax parti mis-segretarjat privat. Hija taħdem fit-taqsima tal-proġetti fi ħdan il-Ministeru, fi grad, b'salarju u b'kondizzjonijiet normali ta' Clerk mal-Gvern mingħajr benefiċċji oħra. Ir-residenza tagħha hija, kif reġistrata fil-Karta ta' l-Identita`, f'Għajnsielem, Għawdex, iżda bħal Għawdxin oħra li jaħdmu f'Malta tagħmel użu minn residenza oħra f'Malta. M'hix il-prattika tal-Gvern li jinżamm curriculum vitae ta' l-impjegati tiegħu. Informat li hija intgħażlet bħala segretarja tal-bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Malti għar-Restawr fuq kriterju ta' kompetenzi u esperjenzi li tipposjedi u l-ħeġġa li taddotta fix-xogħol li soltu jiġi fdat lilha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal bi bżonnijiet speċjali li huma ntegrati fi skejjel mainstream u se jattendu skolasajf? X'arranġamenti qed isiru biex dawn it-tfal ikollhom esperjenza sodisfaċenti fi skolasajf?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfal bi bżonnijiet speċjali li applikaw biex jattendu Skola Sajf hu ħamsa u erbgħin (45). Minkejja li d-data għall-għeluq ta' l-applikazzjonijiet skadiet, xorta għadhom qed jiġu aċċettati talbiet minn studenti f'din il-kategorija.
Dawn it-tfal jiġu akkumpanjati minn facilitator biex jgħinhom jieħdu sehem fl-attivitajiet li jiġu organizzati.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm skejjel tal-gvern li ġew informati bi skolasajf u ntbagħtulhom id-dokumenti rilevanti wara skejjel privati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhix il-proċedura li jintbagħtu d-dokumenti in kwistjoni lill-iskejjel, iżda li dawn jinġabru mid-Dipartimet tal-Ippjanar u Żvilupp. Id-dokumenti kienu disponibbli biex jinġabru fl-istess ġranet għall-iskejjel kollha. Informat li xi skejjel tal-Gvern setgħu ġabruhom wara xi skejjel privati.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar, 1999 sa l-aħħar ta' Mejju, 1999 fl-aħbarijiet ewlenin tal-PBS kemm-il darba ġew intervistati l-Prim Ministu, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni, il-Ministri tal-Gvern, kelliema ewlenin ta' l-Oppożizzjoni?
Fil-programm ta' ġrajjiet kurrenti fuq il-PBS fl-istess perijodu, kemm ġew intervistati Ministri tal-Gvern u kelliema ta' l-Oppożizzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu msemmi saru b'kollox 106 intervista li minnhom 96 kienu mal-Prim Ministru, Ministri u Segretarji Parlamentari, filwaqt li 10 kienu mal-Kap, Membri u kelliema ta' l-Oppożizzjoni. Kien hemm ukoll 14-il intervista man-naħa tal-Gvern u 5 ma' rappreżentanti ta' l-Oppożizzjoni fil-programm "Lenti", u 9 man-naħa tal-Gvern u 6 man-naħa ta' l-Oppożizzjoni fil-programm "Mill-Parlament".
Fl-istess perjodu tal-ewwel ħames xhur tas-sena 1998 kien hemm 23 intervista li minnhom 22 kienu għan-naħa tal-gvern ta' dak iż-żmien u ntervista waħda f'ħames xhur mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Peress li l-fondi ta' l-Unjoni Ewropea għall-programmi edukattivi, per eżempju, Socrates u Leonardo jridu jitmexxew minn struttura li ma tkunx ikkontrollata mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex ikun hemm din l-istruttura lokali skond il-parametri ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed nieħu l-passi meħtieġa biex jitwaqqfu l-istrutturi lokali għall-ġestjoni ta' dawn il-programmi. Hu maħsub li dawn ikunu mwaqqfa fil-futur qrib.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jinġabru arretrati tal-VAT mill-biljetti tad-dħul għal-logħob tal-football f'Malta u f'Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta` taxxa tal-VAT li l-għaqdiet tal-football f`Malta u f`Għawdex huma obbligati li jħallsu jkun magħruf meta dawn l-għaqdiet jibagħtu d-denunzji ma jiddistingwux bejn taxxa li titħallas fuq bejgħ ta` biljetti tad-dħul għal-logħob tal-football u taxxa li titħallas fuq servizzi u\jew prodotti taxxabli oħra provduti mill-istess għaqdiet.
Rigward it-taxxa tal-VAT taħt l-Att tal-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u t-taxxa tas-CET taħt l-Att tal-1997 dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru l-arranġamenti meħtieġa mad-Dipartiment sabiex l-għaqdiet ikkonċernati jkunu meħlusa milli jħallsu t-taxxa taħt iż-żewġ liġijiet imsemija skond il-każ.