Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq fil-Kabinett memorandum dwar proposta li jsir arranġamanet bejn il-gvern u s-settur privat għat-tmexxija tad-djar ta' l-anzjani li bih jiġi mħares kemm l-investiment ta' l-imprenditur privat kif ukoll l-aspett soċjali tal-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jidhirlix li għandi ngħid x'ser jiddiskuti l-Kabinett u meta. Madanakollu nikkonferma li d-Dipartiment Għall-Ħarsien tal-Anzjani qiegħed jagħmel l-analiżi neċessarji.
20.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol biex jiftaħ Day Centre għall-anzjani fil-Mellieħa? Min se jkun involut fit-tmexxija ta' dan id-Day Centre?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa m'hu jsir l-ebda xogħol fuq Day Centre għall-Anzjani fil-Mellieħa.
Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jkun ikkonsultat dwar dan iċ-Ċentru.
20.7.99
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol biex titwettaq il-proposta ta' rijabilitazzjoni taċ-Ċimiterju tal-Militar fl-Għadira? Kemm se jiswa x-xogħol propost? Meta se jsir ix-xogħol? Jista' dan iċ-ċimiterju jitkabbar? Fiex wasal il-ħsieb li t-tindif regolari taċ-ċimterju ta' Triq l-Erwieħ, fil-Mellieħa jgħaddi f'idejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa? Kemm jiswa fis-sena dan it-tindif? Min se jħallas għat-tindif?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għadu qiegħed jinvestiga l-possibilta' ma' dipartimenti u entitajiet oħra kkonċernati li ċ-ċimiterju tal-Militar fin-niżla ta' l-Għadira l-Mellieħa, jerġa jibda jintuża għad-dfin. Informazzjoni fuq stima ta' l-ispiża nvoluta u meta jinbeda x-xogħol propost tkun tista tingħata meta l-proċeduri kollha jkunu ffinalizzati.
L-ispazju li jipprovdi s-sit ta' dan iċ-ċimiterju jippermetti li jistgħu jitħaffru aktar oqbra fl-istess konfini taċ-ċimiterju eżistenti.
It-Tindif taċ-Ċimiterju ta' Triq l-Erwieħ fil-Mellieħa għadu qed isir minn nies tad-Dipartiment tas-Saħħa. Is-suġġeriment mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex jieħu f'idejh ir-responsabbilita' ta' dan it-tindif, għadu qed jiġi evalwat.
Jista' l-Ministru jgħid x'toroq beħsiebu jiksi u x'toroq ġodda beħsiebu jagħmel fil-Manikata matul ix-xhur li fadal mill-1999? X'xogħlijiet simili se jsiru fl-inħawi ta' Għajn Tuffieħa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa qiegħed isir xogħol ta` `formation` fit-triq l-Għabex Manikata u x-xogħolijiet oħra jsiru skond il-prijoritajiet tax-xogħol li ser jiġu stabilti mid-Dipartiment.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 6690?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfuramt li minn Awissu li għadda, l-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma ħarġet l-ebda kont għall-konsum ta' l-ilma fil-postijiet imsemmija. Il-Korporazzjoni ġiet avżata biex il-kontijiet relattivi għall-persuna li mietet ma jibqgħux jintbagħtu fl-indirizz tal-persuna l-oħra. Dan kien qed isir fuq talba tal-partijiet involuti.
Lill-persuna li għadha ħajja, il-Korporazzjoni bagħtitilha biss ittra ta' spjegazzjoni kif ser jorħos il-kont. Dan sar peress li l-kont oriġinali kien intbagħat lil din il-persuna. Il-kontijiet li ħerġin ser jintbagħtu skond l-aħħar talbiet tal-persuni involuti.
Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija — Business plan
Question
Tfassal il-business plan tat-tliet snin li ġejjin mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija? Meta ntbagħat lill-Ministeru tal-Finanzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Business Plan tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għat-tlett snin li ġejjin issa hu mfassal. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 6888 fejn ingħatat indikazzjoni ta' pjan ta' ħidma.
Informat ukoll li l-Business Plan intbgħat lill-Ministeru tal-Finanzi fl-10 ta' Ġunju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li kif indikat fil-pjan ta' azzjoni ta' Pembroke jinbena ċentru li jkun jista' jilqa' fih ħwienet tal-merċa, ironmongery, spiżerija, fergħa ta' bank, għassa tal-pulizija, ċentru tas-sanita' u l-uffiċċju amministrattiv tal-kunsill lokali?
Response (BORG, TONIO)
Bħalissa l-Awtorita` ta' l-Ippjanar qed tirrevedi l-Pjan t'Azzjoni għal Pembroke. Aktar tagħrif ikun jista` jingħata meta dan jitlesta.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li f'Pembroke tinbena Triq Misraħ il-Fortizza li issa ilha pendenti għal aktar minn erba' snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fis-sajf ta` l-1996 kien ingħata kuntratt mid-Dipartiment tat-Toroq biex din it-triq tkun asfaltata, iżda peress li nstabu ħafna `cables` tat-telefons fil-wiċċ ix-xogħol ma setax isir.
Qabel ma jsir ix-xogħol meħtieġ fuq dawn il-`cables`, ix-xogħol fuq it-triq imsemmija ma jistax jibda.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif ġew maħduma l-prezzijiet li bihom il-gvern qed joffri lill-inkwilini biex jixtru l-post tal-gvern fejn joqogħdu? Hemm xi għajnuna għal min ma jiflaħx iħallas il-prezzijiet? Peress li hemm inkwilini li nefqu eluf ta' liri biex jirranġaw il-post fejn joqogħdu, jistgħu dawn l-ispejjeż jinqatgħu mill-prezz li qed jintalbu jħallsu biex jixtru fejn joqogħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-valutazjonijiet isiru fuq kriterji stabbiliti minn Perit nominat mill-Awtorita' tad-Djar.
Il-prezz stabbilit mill-perit jiġi sussidjat skond id-dħul ta' l-applikant kif jirriżulta mill-Iskema, min id-dħul tiegħu ma jaċċediex it-Lm 3,000 dan iħallas biss 20% fuq l-ewwel Lm 14,000 tal-prezz.
Kull benefikat li ssir fil-fond ma jitnaqqasx mill-prezz.
19.7.99
Fix-xhur li baqa' minn din is-sena, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'xogħljiet ta' manutenzjoni hemm maħsuba li jsiru fl-oqsma tad-djar San Patrizju, Sant Andrija u San Ġorġ f'Pembroke?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet approvati li jsiru Pembroke huma:
Tibdil ta' soqfa: 7
Tiswija ta' soqfa: 4
Dawn jingħataw prijorita' fuq xogħolijiet oħra li minnhom b'kollox hemm 31.
19.7.99
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna u appoġġ se jagħti l-Ministeru lil madwar 50 bidwi biex ma jintilfux ir-raba saqwi li għandhom wara l-lukanda Sea Bank fl-Għadira, il-Mellieħa li trid testendi għan-naħa ta' wara?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidher li meta l-Onor. Interpellant għamel id-domanda tiegħu, ma kienx infurmat li kienet saret laqgħa mas-sidien tal-lukanda msemmija, fejn ġie spjegat lilhom kif ser ikun l-iżvilupp. Dawn issa jinsabu moħħhom mistrieħ li ma hemm l-ebda effet negattiv fuq ir-raba tagħhom u għalhekk irtiraw kull oġġezzjoni.
Dawn il-fatti jirriżultaw ukoll minn korrispondenza datata 21-6-99 li dawn bagħtu lili u lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, iffirmata mill-madwar 50 bidwi nvoluti, fejn huma rtiraw kull oġġezzjoni li huma kellhom għal dan l-iżvilupp.
Twaqqaf il-working group biex jistudja l-vijabilita' tal-proġett ta' Dar ta' l-Anzjani fil-Mellieħa bl-involviment tal-privat? Meta twaqqaf? Min hemm f'dan il-working group? Kemm-il darba ltaqa' s'issa u meta huwa maħsub li jlesti x-xogħol tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Working Group biex jistudja l-vjabilita' tal-proġett ta' Dar ta' l-Anzjani fil-Mellieħa għalkemm għadu ma twaqqafx, wasal biex jitwaqqaf fil-ġranet li ġejjin wara li diġa saru konsultazzjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u qegħdin isiru l-preparamenti meħtieġa kemm dwar il-kompożizzjoni ta' dan il-working group kif ukoll dwar il-brief li ser ikollu dan il-group u anke dwar it-time frame biex ilesti x-xogħol tiegħu. Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun infurmat, li dan il-proġett qatt ma seta' jara d-dawl tax-xemx taħt l-amministrazzjoni preċedenti laburista għaliex, nista' nikkwota mill-file relevanti bid-data tat-3 ta' Frar 1997 taħt il-firma tal-allura Segretarju Parlamentari hemm miktub: "At the moment there are no immediate plans to build an Old People's Home in Mellieħa. There is no priority at the moment to build one in that locality. As such the land in question although possibly suitable, should not be handed over to any third parties for such reasons".
19.7.99
Peress li l-Ministru qal li n-numru ta' studenti part-time fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi niżel minn 448 għal 191, jista' l-Ministru jgħid: a) jekk in-numru ta' 448 li kkwota kienx in-numru ta' studenti jew in-numru ta' single modules; b) kemm kien in-numru attwali ta' studenti li kienu jattendu għal module wieħed jew aktar u kemm minnhom irriżenjaw; c) kemm kien in-numru ta' studenti li ma ħallsux għal modules u per konsegwenza telqu l-kors?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nikkonferma li l-għadd ta' 448 msemmi fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 7527 huwa għadd ta' studenti 'part-time' u mhux 'single modules'. Dawn l-448 student kienu jattendu għall-'module' wieħed jew aktar. Nikkonferma wkoll li kien hemm 257 student 'part-time' li rriżenjaw jew ma baqgħux jattendu għall-'module/s' għal raġunijiet diversi.
Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda student li rriżenja minħabba l-ħlas għall-'module/s'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti li applikaw għall-korsijiet fl-ITS fi Frar li għadda? Kemm minn dawn bdew il-kors u kemm irriżenjaw sal-31 ta' Mejju, 1999, kors b'kors?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-korsijiet fi Frar 1999 kien ta' 62. Dan in-numru jinkludi studenti li kienu qed jattendu l-'entry level studies' u ġabu kwalifiki biżżejjed biex jidħlu għal xi kors.
L-għadd ta' studenti li bdew xi kors u li rriżenjaw hu kif jidher hawn taħt:
KORS BDEW RIŻENJI
'Hospitality Studies' 8 4
'Food and Beverage Service' 9 1
'Food Preparation and Production' 19 2
'Accommodation Operations' 13 1
'Tourism Studies Sports' 2 0
'Tourism Studies Travel' 1 0
'Entry Level Studies' 10 2
Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ix-xogħol fuq il-Human Resources Audit li kien kummissjonat mill-Gvern Laburista u li suppost tlesta x-xogħol fuqu fis-sajf tas-sena l-oħra? Jekk ix-xogħol għadu mhux lest, jista' jagħti ndikazzjoni ta' meta se jitlesta dan ir-rapport?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li fl-1997, l-'I.T.S.' għamel stħarriġ mal-lukandi 5/4/3 'stars' u ristoranti sabiex jiġbor informazzjoni fuq l-ħtiġijiet ta' mpjieg fil-lukandi u ristoranti.
Fl-1998 intbagħat 'questionnaire' b'riżultat sodisfaċenti u saru wkoll għadd ta' żjarat fl-istabbilimenti sabiex l-'I.T.S.' jikseb aktar informazzjoni dwar id-domanda għall-impjegati għas-snin li ġejjin.
Dan is-'supply/demand' 'survey' qed jiġi analizzat. Kif jitlesta, l-'I.T.S.' ikun f'qagħda aħjar jippjana l-korsijiet li joffri biex jissodisfa d-domanda ta' l-industrija.
Hu maħsub li l-'Audit' jitlesta sa' l-aħħar ta' Settembru li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-isforzi biex ikun hemm ftehim bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-kunsilli lokali dwar il-bdil ta' lampi u t-twaħħil ta' lampi ġodda fit-toroq? Kif se jinħadem dan il-ftehim? X'responsabbiltajiet se jibqagħlha l-Korporzzjoni Enemalta u kif se jiġi ffinanzjat dan il-ftehim?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-ftehim li qed jiġi konkluż bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-Kunsilli Lokali huwa dwar bdil ta' lampi biss. Dan il-ftehim hu mistenni li jiġi ffirmat dalwaqt. Id-dettalji ta' kif ser jitħaddem dan il-ftehimjitħabbru aktar tard. L-Enemalta ser tibqa' responsabbli għall-bdil tal-lampi fil-lokalitajiet li mhux ser ikunu nklużi fil-ftehim kif ukoll tat-toroq arterjali. Il-ftehim ser jiġi ffinanzjat mill-fondi ta' l-Enemalta.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol tal-Kunsill Malti għall-Isports biex jittrasferixxi użu ta' art u faċilitajiet lill-għaqdiet sportivi tal-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex? Liema għaqdiet se jingħataw l-użu ta' l-art pubblika matul din is-sena? X'konsultazzjonijiet saru s'issa matul din is-sena dwar dan it-trasferiment: 1) mill-għaqdiet sportivi; 2) mill-kunsilli lokali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport qed jistenna li jirċeivi l-abbozz tal-kuntratti mingħand in-Nutar tal-Gvern sabiex ikunu jistgħu jibdew il-laqgħat ta' diskussjoni mal-kumitati ta' l-għaqdiet sportivi u clubs.
Kemm il-darba ma jkunx hemm problemi amministrattivi minn naħa ta' l-għaqdiet ikkonċernati, il-Kunsill qed jaħdem biex jittrasferixxi l-użu ta' l-art u faċilitajiet lil dawn l-għaqdiet:
SPORT GĦAQDA SPORTIVA LOKALITA`
BMX BMX Association Pembroke
Boċċi B'Buġia Boċċi Club B'Buġia
Lija Boċċi Club Lija
Paola Schreiber Boċċi Club Raħal Ġdid
Paola Tarxien Boċċi Club Tarxien
Senglea Boċċi Club Isla
Sta Venera Boċċi Club Sta Venera
Xgħajra Boċċi Club Żabbar
Żabbar Boċċi Club Żabbar
Żebbuġ Boċċi Club Żebbuġ
Żejtun Boċċi Club Żejtun
Żurrieq Boċċi Club Żurrieq
Ċikliżmu Mosta Cycling Club Mosta
Football Marsa Football Club Marsa
Mqabba Football Club Mqabba
Melita Football Club Pembroke
Pembroke Athleta SC Ground Pembroke
Pembroke Athleta SC ClubHouse Pembroke
Qormi Football Club Qormi
Sannat Lions Football Club Sannat, Għawdex
Żebbuġ Rangers Football Club Żebbuġ
Hockey Malta Hockey Association Kordin
Judo Malta Judo Association Pembroke*
Sports Clubs Ħamrun Liberty Sports Club Ħamrun
Paola Wolves Sports Club Raħal Ġdid
Tennis Malta Tennis Federation Pembroke*
Lija Tennis Club Lija
Tennis Club Kordin Kordin
Pembroke Rackets Tennis Club Pembroke
Vittoriosa Lawn Tennis Club Kordin
Waterpolo B'Bugia Aquatic Sports Club B'Bugia
Valletta Waterpolo Club Valletta
Diġa` saru numru ta' laqgħat ma' rappreżentanti ta' l-għaqdiet sportivi u clubs dwar it-trasferiment tal-faċilitajiet kif ukoll ma' uffiċjali ta' l-Awtorita` ta' l-ippjanar, tad-Dipartiment ta' l-Artijiet u ta' l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern dwar l-abbozz tal-kuntratti. Saru wkoll laqgħat ma' Kunsilli Lokali li talbu speċifikament biex isiru dawn il-laqgħat. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għandha wkoll rappreżentant fil-Kunsill Malti għall-Isport li jservi bħala 'link' għal kull konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali.
* Art biex tinbena l-faċilita` sportiva.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li jsir ir-restawr ta' Pembroke Battery li din is-sena tagħlaq 100 sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tar-Restawr qiegħed f'arranġament mal-Kunsill ta' Pembroke sabiex Pembroke Battery tiġi restawrata u l-art ta' madwarha tiġi mibdula fi ġnien. Qiegħed isir ix-xogħol sabiex dan ix-xogħol jitwettaq.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li jintemm il-proċess ta' l-għażla għall-Assistenti Diretturi fid-diversi dipartimenti governattivi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi billi din hija l-ewwel darba li qiegħed isir ezerċizzju ta' din ix-xorta, mhux faċli li tingħata data ta meta sejjer jintemm il-proċess ta' l-għażla, ukoll minħabba l-għadd kbir ta' applikazzjonijiet u bordijiet ta' l-għażla.
Madankollu, ninsab infurmat ukoll li qed isir kull sforz biex dan il-proċess jintemm kemm jista jkun malajr, u possibilment, fi żmien tlett xhur minn meta jibdew l-intervisti. Dawn mistennija jibdew fi żmien qasir.
Il-gvern aċċetta t-talba tal-Malta Union of Teachers li ssir inkjesta dwar il-każ tat-tħassir tar-riżultati ta' l-interviews għall-Assistenti Kapijiet ta' l-iskejjel primarji mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li għad irid jiġi stabbilit jekk wieħed jistax legalment jagħmel inkjesta taħt l-Inquiries Act peress li dan hu każ tal-PSC. Jekk id-deċiżjoni tkun fin-negattiv, trid tkun il-PSC stess li tiddeċidi jekk għandix tagħmel inkjesta jew le.