Jista' l-Ministru jgħid kemm rċeviet ilmenti l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mill-Valletta Rehabilitation Project dwar il-ħsara li l-kuntratturi tal-korporazzjoni jagħmlu fit-toroq ippavimentati tal-Belt Valletta?
Fiex jikkonsistu dawn l-ilmenti? Kemm-il laqgħa saret bejn l-VRP u l-WSC dwar din il-problema?
X'qed tagħmel il-WSC biex kuntratturi tagħha ma jkomplux jagħmlu ħsara fit-toroq ippavimentati tal-Belt Valletta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-belt Valletta u l-Floriana, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, b'konsultazzjoni mal-Valletta Rehabilitation Project (VRP) intuża kuntrattur wieħed għal xogħolijiet ta' eskavazzjoni ta' trinek. Dan il-kuntrattur għandu esperjenza ta' xogħol fil-belt Valletta.
Isiru kuntatti regolari mal-Valletta Rehabilitation Project u entitajiet oħra fuq xogħolijiet li l-Korporazzjoni jkollha fil-kapitali.
Bħalissa l-Korporazzjoni qed twettaq xogħolijiet ta' bdil ta' mejnijiet fi Triq ir-Repubblika bejn Triq l-arċisqof u Triq San Nikola. Dan ix-xogħol wasal biex jintemm. FIl-permess maħruġ fuq dan ix-xogħol, il-Kunsill Lokali tal-belt Valletta għamel kundizzjoni biex il-kuntrattur jiġbor il-biċċiet tal-lava li jinstabu mirduma taħt it-tarmac. Meta l-kuntrattur beda dan ix-xogħol, il-Valletta Rehabilitation Project ilmentat u għarrfet lill-kuntrattur, ix-xogħol sar aħjar u għas-sodisfazzjon tal-Valeltta Rehabilitation Project.
Ilment ieħor li l-Korporazzjoni irċeviet mingħand il-Proġett, kien li l-istess kuntrattur kisser bankina taż0żonqor. F'dan il-każ il-kuntrattur kellu inċident bil-makkinarju li wassal biex ixxellfet il-bankina taż-żonqor. Il-Korporazzjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Valletta Rehabilitation Project, ordnat lill-kuntrattur biex jirranġa l-ħsara.
Dwar dawn iż-żewġ inċidenti kien hemm bdil ta' korrispondenza bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Valletta Rehabilitation Project.
Minn Settembru, 1998 sa Ġunju, 1999, jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva? X'kienu d-deċiżjonijiet li ttieħdu f'dawn il-laqgħat? Kemm minn dawn id-deċiżjonijiet ġew attwati?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva ġie appuntat fit-30 ta' Novembru 1999, u Ġunju 1999, iltaqa' 8 darbiet.
Uħud mid-deċiżjonijiet prinċipali li ttieħdu minn dan il-Kumitat u l-azzjoni li ttieħdet dwarhom kienu dawn:
DEĊIŻJONI AZZJONI
1. Il-proċess tar-reklutaġġ ta' Tfassal time frame għad-
facilitators każwali jsir fil- għad-dħul ta' studenti
ħin biex l-istudenti ma jilħqux b'diżabilita` fil-livell
jibdew jaqgħu lura ta' kindergarten fi Frar.
2. Inħatar sotto-kumitat biex Dan is-sotto-kumitat lesta
iħejji rapport dwar l- r-rapport tiegħu. Deċiżjoni
istatementing bord. dwaru tittieħed wara
aktar konsultazzjonijiet.
3. Dr Chris Bezzina ntalab Sar termini ta' riferenza
jagħmel rapport komprensiv għal dan l-istudju, u r-
dwar il-futur tal-iskejjel rapport ġie preżentat fit-
speċjali. 23 ta' Lulju 1999.
4. F'Ottubru 1999 għandu jsir Il-Fakulta` tal-Edukazzjoni
kors mill-Universita` biex intalbet tissottometti
ħaddiema li fil-preżent jagħmlu l-proposti tagħha għal dan
xogħol ta' facilitators iżda li il-kors.
m'għandhomx it-taħriġ neċessarju
f'livell ta' diploma, ikunu
jistgħu jilħqu dan il-livell.
5. Tinġabar informazzjoni dwar Din l-informazzjoni nġabret
studenti li ma humiex qed jieħdu u l-istudenti konċernati
s-servizz ta' edukazzjoni kollha bdew jieħdu dan is-
komprensiva. servizz edukattiv sal-
massimu possibbli.
6. Isir studju mill-Fakulta` ta' Din il-proposta ġiet
l-Edukazzjoni dwar studenti aċċettata mill-Fakulta`
b'diżabilita`(kemm fuq il-livell ta' l-Edukazzjoni u l-
individwali u anke bħala grupp) istudju se jkun iffinanzjat li ser jgħaddu mil-livell mill-Universita`.
primarju għal dak sekondarju.
7. L-istudenti b'diżabilita` li Il-kapijiet ta' l-iskejjel
kellhom jispiċċaw mill-iskejjel speċjali qed jaħdmu fuq dawn
speċjali f'Settembru 1999 il-programmi, u ġiet
għandhom jibqgħu fl-istess identifikata għalliema
skejjel biex isirilhom programm kwalifikata f'dan il-qasam
ta' transizzjoni ta' sena biex tikkoordina din il-
ħidma.
8. Skola Wens terġa' ssir dan Din id-deċiżjoni ġiet attwata.
is-sajf għal studenti b'
diżabilita` ta' bejn it-8 u
l-11-il sena li jattendu l-
iskejjel speċjali. Studenti b'
diżabilita` ta' l-istess eta`
li jattendu skejjel regolari
jistgħu jattendu Skola Sajf.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa lill-gvern l-istatementing board mindu beda jiffunzjona? Kemm tħallsu s'issa l-membri li kienu u huma f'dan il-board?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istatementing Bord ma sewa xejn lill-Gvern minn mindu beda jiffunzjona. Il-membri tal-Bord ma nbidlux minn mindu twaqqaf f'Mejju 1998. Il-membri tal-Bord qatt ma tħallsu xejn tax-xogħol li għamlu u li għadhom qed jagħmlu. Bħalissa qed nikkunsidra proposti ta' titjib fl-istruttura u l-proċeduri ta' dan il-Bord.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-istatementing board mindu ġie mwaqqaf? Kemm saru assessments u rakkomandazzjonijiet s'issa minnu? Kemm minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew aċċettati u kemm ġew attwati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel irreġistrati bħala fondazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ u kemm irreġistrati bħala privati? Iż-żewġ tipi ta' skejjel jingħataw xi trattament differenti mill-gvern? Fil-każ, fiex tikkonsisti d-differenza?
Response (GALEA, LOUIS)
Fl-għoti tal-Liċenzja lill-iskejjel privati sive indipendenti (mhux tal-Knisja) ma tingħatax konsiderazzjoni dwar jekk l-iskola hix fondazzjoni li tagħmel jew ma tagħmilx qliegħ. Bħala istituzzjoni privata/indipendenti għandha dritt tiġbor il-fees mingħand il-ġenituri li jiffrekwentaw dik l-istituzzjoni ta' tagħlim.
Għaldaqstant ser impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' skejjel liċenzjati bħala privati/indipendenti (mhux tal-Knisja); l-ismijiet miktuba korsiv jirreferu għal dawk l-istituzzjonijiet/fondazzjonijiet li jistqarru li ma jagħmlux qliegħ i.e.
a) San Andrea (L-Imselliet L/O Żebbiegħ)
b) San Anton (L-Imselliet L/O Żebbiegħ)
c) St Edwards (Vittoriosa)
d) St Michael's Foundation (Pembroke)
Skejjel — Ta' l-Istat - Tfal bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-gvern għandhom facilitator/kindergarten assistant/helper magħhom? Kemm minn dawn it-tfal għandhom diżabilita' fiżika u kemm għandhom diżabilita' mentali? F'liema livell ta' skola se jkunu dawn it-tfal fis-sena skolastika li ġejja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-gvern li għandhom facilitator/Kindergarten Assistant/helper magħhom huwa 423 li minnhom hemm 73 bi problemi fiżiċi, 338 bi problemi mentali u 12 bi problemi sensorjali. Fis-sena skolastika li jmiss hu maħsub li fl-iskejjel primarji se jkun hemm 45 fil-Kindergarten, 315 fil-primarji u 60 fis-sekondarji.
Skejjel — Tal-Knisja - Tfal bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-knisja li għandhom facilitator imħallas mill-flus li l-gvern jgħaddi lill-knisja? Kemm huwa stmat li hemm tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel privati li jixtiequ l-istess għajnuna finanzjarja pubblika għall-facilitator tagħhom? X'ġara mill-wegħda elettorali li dawn it-tfal jiġu mgħejjuna mill-istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-Knisja imħallsa mill-flus li l-gvern jgħaddi lill-Knisja sal-lum huwa ta' 95. Din il-figura ma tinkludix il-każijiet pendenti li l-Istatementing Board għandu f'idejh bħalissa. Peress li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tipprovdix dan is-servizz lil tfal li jattendu l-iskejjel Privati Indipendenti ma jinżammx record ta' dawn it-talbiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' nies li jieħdu l-pensjoni tad-diżabilita'? Kemm minn dawn għandhom diżabilita' fiżika u kemm minnhom għandhom diżabilita' mentali? Kemm hu t-total ta' pensjoni li l-gvern iħallas għad-diżabilita' mentali u kemm għal diżabilita' fiżika? Kif ivarjaw l-etajiet ta' dawk li jirċievu l-pensjoni tad-diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif tidher aktar 'l isfel.
In-numru ta' persuni li jieħdu l-Pensjoni tad-Diżabilita' huwa ta' 1,813. Minn dawn 180 għandhom Diżabilita' Fiżika filwaqt li 1,633 għandhom Diżabilita' Mentali. It-total ta' Pensjoni li l-Gvern iħallas għal Diżabilita' Mentali huwa ta' madwar Lm173,000 kull erba' ġimgħat. L-ammont imħallas għal Diżabilita' Fiżika huwa ta' madwar Lm18,000 kull erba' ġimgħat.
L-etajiet ta' dawk li jirċievu l-Pensjoni ta' Diżabilita' huma:
Bejn sittax u sittin sena 1,781
'l fuq minn sittin sena 32
23.7.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal f'kull skola speċjali? X'inhuma l-etajiet tagħhom? Kemm minnhom huma bniet u kemm subien? X'diżabilitajiet għandhom? Kemm hemm minnhom b'diżabilita' mentali? Kemm hemm minnhom b'diżabilita' fiżika?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża totali ta' kull skola speċjali? Kemm hu r-ratio ta' studenti u teachers, kindergarten assistants u facilitators f'dawn l-iskejjel? kemm hi l-ispiża għat-trasport għal kull skola? Kemm hi l-ispiża għall-ikel għall-istudenti ta' kull skola speċjali? Kemm hi l-ispiża amministrattiva ta' kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu tas-sena skolastika Settembru 1998 sa Awissu 1999, l-ispiża totali ta' kull skola speċjali:-
San Miguel, St Andrews Lm218,514
Mater Dei, Msida Lm 45,317
Qrendi Visually Impaired Lm209,357
Guardian Angels, Ħamrun Lm277,685
Dun Manwel Attard, Wardija Lm129,252
Sta Marija Day School, Msida Lm128,384
Informat ukoll li r-ratio ta' studenti u teachers, Kindergarten Assistants u facilitators hu ta' 287:125.
spiża għat- spiża spiża
trasport għall- amminis-
ikel trattiva
LM LM LM
San Miguel, St Andrews 3,664 3,290 14,562
Mater Dei, Msida 5,366 1,214 1,246
Qrendi Visually Impaired 10,879 2,119 10,783
Guardian Angels, Ħamrun 21.806 7,110 11,829
Dun Manwel Attard, 15,804 5,397 2,960
Wardija
Sta Marija Day School, 14,300 4,100 4,509
Msida
Għaliex l-istudenta, li isimha qed jintbagħat separatament, u li s-sena li ġejja se tattendi Form IV fl-iskola sekondarja Adelaide Cini qed tiġi mċaħħda li tistudja l-chemistry wara li f'laqgħa apposta li saret fl-iskola fit-term skolastiku li għadu kemm intemm qalulha li tista' tagħżel il-chemistry? Għaliex din id-diskriminazzjoni kontra l-istudenti bniet? Tista' tiġi rimedjata s-sitwazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
M'hemm ebda bażi għall-mistoqsija dwar diskriminazzjoni ma' studenti bniet. Informat li l-problema li jekk fi skola għandekx tiftaħ klassi ta' xi suġġett partikolari meta jkollok student jew studenta waħda biss kif inhu f'dan il-każ. B'danakollu ser niddiskutu mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u nistħarreġ jekk hemmx rimedju.
Jista' l-Ministru jgħid xi tħejjija qed issir biex il-makkinarju elettroniku u komputerizzat ta' l-isptarijiet pubbliċi, inkluż makkinarju sensittiv li jintuża għall-monitoring u kura tal-pazjenti, ikun kollu Y2K compliant meta tibda s-sena 2000? X'arranġamenti qed isiru biex dan il-makkinarju ma jitħarbatx mal-bidu tas-sena ġdida b'dannu għall-pazjenti li jinzertaw ikunu hemm?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Ministeru tas-Saħħa ilu sentejn jaħdem biex l-apparat u s-sistemi komputerizzati kollha jkunu ``Y2K compliant''. Għal dan il-għan, sar inventarju s-sena l-oħra u abbażi ta' dan l-inventarju saru kuntratti mal-kumpanija MITTS Ltd biex il-kompjuters jiġu ttestjati u fejn ikun hemm nuqqas ta' ``Y2K compliance'' din tiġi rimedjata. Dan ix-xogħol qiegħed isir skond programm sistematiku sabiex sal-aħħar ta' Novembru 1999 l-apparat u s-sistemi kollha li se jintużaw is-sena d-dieħla jkunu ċċertifikati li huma ``Y2K compliant''. Ta' min igħid li l-maġġoranza tas-sistemi li kellhom bżonn ``upgrading'' diġa ġew ``upgraded'' u issa huma ``Y2K compliant''. Fost is-sistemi li ġew ``upgraded'' riċentiment b'suċċess hemm il-``Patient Administration System'' li topera fl-isptarijiet u fiċ-Ċentri tas-Saħħa kollha tal-Gvern.
Għar-rigward ta' makkinarju li jintuża fl-isptar San Luqa kif ukoll fiċ-ċentri tas-Saħħa d-Dipartiment ilu għal aktar minn sena jagħmel xogħol biex jikkonferma li dan l-apparat huwa compliant. Dan il-proċess wasal f'fażi avvanzata ħafna.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6163, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li s-seba' applikanti għall-vakanza ta' Assistant Manager fil-Co-operative Support Unit (ETC Permit 36/96) li kienu applikaw regolarment sad-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet kien dawn li isimhom qed jintbagħat separatament?
Jista' l-Viċi Prim Ministru wkoll jikkonferma li l-applikazzjoni li ntlaqgħet tliet xhur wara d-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet, u li l-Viċi Prim Ministru qal li kienet ġiet aċċettata bħala late application, kienet tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, illum membru tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS, u li din kienet il-persuna li ngħatat l-impjieg ta' Assistant Manager mal-Bord tal-Korperattivi?
Jista' jgħid min kien jew kienu dawk li ħadu d-deċiżjoni jew min ta l-istruzzjonijiet li l-applikazzjoni ta' din il-persuna li kienet daħlet tliet xhur tard kellha tiġi aċċettata bħala late application?
Jista' jgħid ukoll minn min kien iffurmat l-Bord ta' l-Għażla li kien responsabbli għal ħatra ta' din il-persuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li s-seba' applikanti għall-vakanza ta' "Assistant Manager" fil-"Co-operative Support Unit" kienu dawk indikati mill-Onor. Membru. Nikkonferma wkoll li l-applikazzjoni li ntlaqgħat wara d-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet kienet dik tal-persuna, indikata wkoll mill-Onor. Membru, li sussegwentement ħadet il-ħatra.
Jien infurmat li jidher li d-deċiżjoni li tiġi aċċettata din il-"late application" kienet ta' l-istess Bord ta' Għażla li kien kompost kif jidher hawn taħt:
CHAIRMAN
Professor Edward L. Zammit, Chairman tal-Bord tal-Koperattivi
MEMBRI
Is-Sur Godfrey Baldacchino, Membru, Bord tal-Koperattivi
Is-Sur Joe Gambin, Uffiċjal fis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Koperattivi
Is-Sur Joe Saliba, Chief Executive, Co-operative Support Unit
Is-Sur Clive Zammit, Segretarju, Bord tal-Koperattivi
Il-karigi ndikati jindikaw il-karigi li kienu fis-seħħ dak iż-żmien.
21.7.99
Minn Settembru, 1998 sa Ġunju, 1999 fiex kien jikkonsisti x-xogħol kollu li sar mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija? Matul dan il-perijodu kemm intalab u kemm ingħata l-parir tal-kunsill lill-gvern dwar politika fix-xjenza u teknoloġija? X'attivitajiet oħra ġew organizzati mill-kunsill f'dan il-perijodu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fid-9 ta' Settembru 1998, il-membri tal-Kunsill preċedenti taw ir-riżenja tagħhom u l-impjegati tal-Fondazzjoni baqgħu jaħdmu fuq xogħol u proġetti assenjati mill-Kunsill ta' qabel flimkien ma' xi inizjattivi ġodda. Fid-19 ta' Frar 1999 inħatru l-membri tal-Kunsill il-ġdid u mill-ewwel bdew ifasslu direzzjoni ġdida rigward pjan ta' ħidma (Rif. P.Q. 6888). Kienu diversi l-okkażjonijiet fejn il-Kunsill ta pariri lill-Gvern, fosthom rigward kooperazzjoni fix-xjenza u teknoloġija bejn Malta u pajjiżi oħra; State of the Environment Report lill-Ministeru ta' l-ambjent, tifli l-leġislazzjoni Ewropea taħt Kapitlu 17, Xjenza u Riċerka; xogħol fuq Energy Policy għal Malta; pariri lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar rigward reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura u l-istat ta' l-Edukazzjoni tax-Xjenza f'Malta.
Uħud mill-attivitajiet l-oħra li saru fil-perjodu bejn Settembru 1998 u Ġunju 1999 kienu s-'Science Week', l-inawgurazzjoni tal-'Innova Awards' għal studenti li jagħmlu proġetti fix-xjenza u teknoloġija, diversi attivitajiet ta' promozzjoni għal parteċipazzjoni taħt il-'Fifth Framework Programme' tal-Unjoni Ewropea, diskussjoni dwar iżjed kooperazzjoni u proġetti flimkien ma' entitajiet lokali u barranin, eżempju: Dr. Ken Lum, Segretarju tal-Commonwealth Science Council u Direttur tad-Diviżjoni tax-Xjenza u Teknoloġija.
Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija — Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jaħdmu mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija? F'kull każ, x'inhu x-xogħol ta' kull persuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuni li jaħdmu mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, u wkoll il-karigi tagħhom, huma l-istess bħal ma kienu taħt il-Kunsill preċedenti, ħlief għar-riżenja ta' żewġ part-timers:
a) Persuna li kienet inkarigata minn "Network" ta' l-industrija.
b) Persuna li kienet inkarigata minn "Network" tal-Bio-diversita.
Informat ukoll li l-Kunsill il-ġdid beħsiebu jaġġorna l-istruttura organizzattiva skond il-ħtiġijiet kif imfissra fil-pjan ta' ħidma. Nirreferi lil-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6888.
Tista' tittieħed deċiżjoni biex il-venda tal-karozzi tal-linja f'Pembroke titneħħa minn Triq Arnhem u titpoġġa quddiem il-Luxol Grounds u jinbnew kmamar biex ikunu jistgħu jinqdew ix-xufiera tal-linja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed isiru xi diskussjonijiet bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku u l-Kunsill Lokali biex jinstab sit alternattiv għal dak li fil-preżent qed jintuża bħala venda.
Meta skond l-Association Against Copyright Theft 95% tal-playstations, 40% tal-videos u 20% tas-CDs mibjugħa f'pajjiżna huwa xogħol ta' piraterija kummerċjali, jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija matul din is-sena kontra dan l-abbuż? X'każi qabdet matul l-1999 ta' dan it-tip ta' serq? X'każi oħra qabdet s'issa fl-1999 dwar bejgħ ta' arloġġi, ħwejjeġ u oġġetti oħra b'tikketti foloz?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, naħseb li t-tagħrif li tajt fit-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 6250 u 8418, jagħtu stampa ċara tal-ħidma li l-Pulizija qed twettaq kontra dan l-abbuż. Ninsab infurmat li matul din is-sena, sas-7 ta' Lulju, il-Pulizija qabdet 6 każijiet ta' videos, audio cassettes u C.D.s tal-mużika u tal-Playstations ikkupjati, kif ukoll 9 każijiet ta' ħwejjeġ, arloġġi u oġġetti oħra b'tikketti foloz. Kien hemm ukoll 6 każijiet oħra, fejn ma kienx hemm provi biżżejjed sabiex jittieħdu proċeduri bil-Qorti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni f'kull day centre (Adult Training Centre) f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom huma subien u kemm bniet f'kull każ? X'inhuma l-etajiet f'kull ċentru? Kemm minn dawk li jattendu d-day centres huma: a) physically handicapped; b) mentally handicapped; u c) physically u mentally handicapped?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
21.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qam lill-gvern kull day centre (Adult Training Centre) fis-sena finanzjarja 1998? Kemm hu stmat li se jqum fis-sena finanzjarja 1999? Kemm minn din l-ispiża hija dovuta: a) għat-trasport; b) għas-salarju ta' l-impjegati; c) għall-manutenzjoni; u d) amministrazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul is-sena finanzjarja 1998, il-Ministeru tiegħi nefaq l-ammonti murija hawn taħt, fuq iċ-ċentri tal-adulti (Adult Training Centres):
(a) Trasport Lm 95,651
(b) Salarji ta' l-impjegati Lm451,707
(c) Manutenzjoni Lm 30,547
(d) Amministrazzjoni li jinkludu
fihom l-ikel ta' nofsinhar u
bonus lill-persuni b'diżabilita' Lm 80,680
Mhux possibbli f'dan l-istadju li ngħid kemm qam lill-Gvern kull ċentru ta' l-adulti għax l-ispejjeż taċ-ċentri jitħallsu minn 'Cost Centre' wieħed kif deher fl-Estimi tas-sena 1998 u biex tinġabar din l-informazzjoni irid isir ħafna xogħol manwali.
Matul is-sena finanzjarja 1999, huwa stmat li l-fondi approvati fl-Estimi tal-1999 jintnefqu kollha jiġifieri:
(a) Trasport Lm102,000
(b) Salarji ta' l-impjegati Lm523,000
(c) Manutenzjoni Lm 21,000
(d) Amministrazzjoni Lm 73,000
Dawn l-ammonti ma jinkludux l-ispiża kapitali.
21.7.99