Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tunnellaġġ ta' vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija? Kemm ġew reġistrati din is-sena? Kemm saru spezzjonijiet fuq vapuri li huma reġistrati f'Malta minn spetturi ta' l-Awtorita' Marittima matul din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-tunellaġġ (gross) ta' vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija huwa ta' madwar 27 miljun. Din is-sena, sa l-aħħar ta' Settembru 1999, ġew reġistrati 437 vapur. In-numru ta' spezzjonijiet li saru fuq vapuri reġistrati fżMalta matul l-istess perjodu kien ta' 452.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' għalliema ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm minnhom huma nisa? Kemm minnhom jieħdu ħsieb aktar minn skola waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' l-għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat li jgħallmu l-Edukazzjoni Fiżika bħala s-suġġett ewlieni tagħhom huma mija u sitta. Ħamsa u erbgħin minnhom huma nisa. Sebgħa u għoxrin għalliema jieħdu ħsieb iktar minn skola waħda.
Matul is-sena universitarja li jmiss, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed jattendu kors ta' l-edukazzjoni fiżika? F'liema sena qegħdin u kemm minnhom huma tfajliet? X'inhi l-politika tal-gvern biex jaħtar għalliema ta' l-edukazzjoni fiżika f'kull skola ta' ċertu kobor?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta'studenti fil-kors li jwassal għal grad ta' Bachelor of Education (Hons) u li għażlu l-edukazzjoni fiżika huma dawn:
Sena Irġiel Nisa Total
I 4 3 7
II 15 10 25
III 10 6 16
IV 14 4 18
Total 50 26 76
Il-politika tal-gvern dwar il-ħatra ta' l-għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika hi li jassigura li l-iskejjel kollha jkunu provduti b'dawn l-għalliema skond il-ħtieġa partikolari ta' kull skola, irrispettivament mid-daqs ta' l-iskola. Dawn l-għalliema jinħatru wara sejħa għall-applikazzjoni mill-gradwati f'dan il-qasam f'Kors Universitarju.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena, mill-1 ta' Jannar sal-25 ta' Settembru, xahar b'xahar, kemm intlagħbu flus: (1) fil-Lottu tas-Sibt; (2) fis-Super Five; (3) fl-iScratch and Win; u (4) fil-Lotterija Nazzjonali? Kemm kienu l-premjijiet mirbuħa f'kull każ? Kemm-il premju li ntrebaħ ma nġabarx?
Response (DALLI, JOHN)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Dipartiment tal-Lottu Pubbliku — Logħob klandestin
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li l-gvern jitlef flus minħabba l-lottu klandestin f'sena waħda? Minbarra x-xogħol tal-pulizija biex jaqbdu lil min qed jabbuża, jista' jgħid jekk id-Dipartiment tal-Lottu hux qed jaħdem fuq pjan biex ikompli jrażżan dan l-abbuż?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Gvern ma għandu ebda makkinarju li bih jista jistma t-telf ta flus minħabba l-lottu klandestin.
Għat-tieni parti tal-mistoqsija ngħarraf lill-Onor. Membru li d-Dipartiment tal-Lottu jgħaddi lill-Pulizija għall-investigazzjoni kull rapport u lment li jkollu dwar logħob illegali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna nqabdet torganizza lottu klandestin matul din is-sena? F'liema lokalitajiet? Dawn kollha tressqu l-qorti? F'kull każ b'kemm-il somma flus inqabdu, minbarra dokumenti oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul din is-sena, sa l-aħħar ta' Settembru, il-Pulizija qabdet 27 persuna jorganizzaw lottu klandestin. Dawn inqabdu B'Bugia, B'Kara, Naxxar, Valletta, Żejtun, San Ġiljan, Floriana, Mosta, Ħamrun, l-Isla, Żabbar, Żebbuġ, Qormi, Gżira u Raħal Ġdid. Proċeduri kriminali jinbdew kontra 13 minnhom filwaqt li kontra l-oħrajn għad iridu jinbdew. Kien hemm 12-il każ fejn inqabdu l-flus, u l-ammonti maqbuda kienu kif ġej: Lm14; Lm100; Lm725; Lm405; Lm2; Lm431; Lm170; Lm148; Lm7.50; Lm8.90; Lm51 u Lm72.
07.10.99
Peress li Villa Francia f'Ħal Lija kienet tħalliet bħala legat lill-gvern, jista'l-Prim Ministru jgħid jekk dan il-post hux se jittieħed mill-Istat peress li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed issir ħsara fih?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ċ-ċwievet ta' Villa Francia għaddew għand l-Istat nhar id- 9 ta' Diċembru 1998 u li nbdiet il-manutenzjoni meħtieġa.
Peress li xi skejjel privati qed jgħollu l-miżati kull sena, ma jaħsibx il-Ministru li għandu jirriferi din il-kwestjoni lill-uffiċċju tal-Kummerċ Ġust biex jiġi żgurat li dak li qed jingħata lill-istudenti huwa kompatibbli mal-miżati li qed jitħallsu? Liema huma dawk l-iskejjel privati li għollew il-miżati tagħhom għas-sena skolastika li jmiss? B'kemm? Meta saret kull talba u meta ġiet approvata mill-Ministru?
Response (GALEA, LOUIS)
Kien hemm txax-il skola li nfurmaw lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni kif titlob il-liġi fir-rigward ta' żjieda fil-miżata għas-sena skolastika 1999/2000. Kopja ta' din l-iskema ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru, il-liġi teskludi għal kollox il-possibilita` ta' intervent tal-Ministru biex japprova jew jiddisapprova.
L-irwol tal-Ministru f'din il-ħaġa s'issa hi li jirċievi l-informazzjoni.
L-Onor. Membru jaf ukoll li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha dmir li tħares l-applikazzjoni ta' l-Att dwar l-Edukazzjoni (1988) fil-parametri tat-tagħlim skond il-Kurrikulu Nazzjonali f'ambjent kompatibbli mar-rilevanti Avviż Legali.
Tlabt li s-suġġeriment ta' l-Onor. Membru jiġi konsidrat.
Jista'l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal bi bżonnijiet speċjali li kienu qed jistennew li jiġu evalwati mill-istatementing board dwar xi bżonnijiet għandhom biex ikunu jistgħu jattendu l-iskola? Meta se jarawhom? Kemm minnhom mhux se jkunu jistgħu jattendu l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fadal 8 każijiet ta' tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jistennew li jiġu evalwati mill-Istatementing Board qabel ma jistgħu jibdew jattendu l-iskola. Il-proċess mill-Istatementing Board diġa' beda u fi żmien ħmistax il-Board ikun ippreżenta r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Awtoritajiet Edukattivi.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena kemm saru testijiet bil-breathalyser mill-pulizija?
Kemm irriżultaw fil-pożittiv?
Kemm kienu Maltin u kemm barranin li rriżultaw pożittivi għax-xorb eċċessiv?
Dawk li rriżultaw pożittivi kollha ittellgħu l-qorti?
Kien hemm min inqabad aktar minn darba jikser din il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat, li din is-sena sa Settembru, in-numru ta' testijiet tan-nifs lill-sewwieqa ta' vetturi bil-mutur, li l-Pulizija għamlet wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv, kien ta' 126. Minn dan in-numru ta' testijiet, 91 irriżultaw posittivi. Il-persuni nvoluti kienu 73 Maltin u 18 barranin. F'dawn il-każijiet kollha qed jittieħdu proċeduri fil-Qorti.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li kien hemm persuna waħda.
06.10.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kwota ta' petrol/diesel li għandu kull distrett tal-pulizija? Meta l-kwota tkun eżawrita minħabba xogħol fid-distrett, għaliex din ma tiġġeddidx? X'inhi l-kwota tad-distretti? Peress li taqsimiet oħra tal-pulizija bħas-CID, mobile eċċ mhumiex marbuta bil-kwot,a jista' jgħid kemm intuża petrol/diesel mit-taqsimiet li jistgħu jużaw kemm iridu fl-ewwel tmien xhur tas-sena finanzjarja li qegħdin fiha? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kwota tal-fuel għall-vetturi tal-pulizija ilha fis-seħħ u mhix xi ħaġa ġdida. Fil-preżent il-vetturi fid-Distretti tal-Pulizija għandhom kwota ta' 90 litru fil-ġimgħa. Għandi konferma mill-Assistenti Kummissarji nkarigati mid-Distretti tal-Pulizija, li kull meta kellhom talba għall-fuel addizzjonali għax il-kwota ta' xi vettura tkun ġiet eżawrita, din dejjem ġiet milqugħa. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-istatistika li tinżamm hija dwar in-nefqa għal-fuel fid-diversi taqsimiet tal-Korp. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-nefqa għal fuel bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena.
06.10.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom huma barranin? Ta' liema nazzjonalita' huma? Kemm hemm nies fil-faċilita' li qegħdin jistennew jew biex jgħaddu ġuri jew għaliex ġiet miċħuda l-liberta' proviżorja? Kemm minnhom huma barranin u ta' liema nazzjonalita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
06.10.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm guidance teachers fl-iskejjel: (i) tal-gvern; (ii) tal-knisja; (iii) privati?
F'kull skola kemm suppost ikun hemm guidance teachers? In-numru tagħhom huwa relatat man-numru ta' studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' mindu twaqqaf il-Kumitat ta' Riabilitazzjoni ta' l-Imdina?
Xi pjani hemm biex dan il-kumitat jirriabilita l-Imdina?
Kif se jonfoq il-flus ivvvotati qabel it-tmiem ta' din is-sena finanzjarja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-Kumitat għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina ltaqa' erba' darbiet u qed iħejju pjanijiet għal proġetti mmedjati u kif ukoll għal pjan ta' ħidma fit-tul. Il-Kumitat diġa' ħa xi azzjoni urġenti li kien hemm bżonn tittieħed fil-Palazz tal-Vilhena u qed iħejji għar-restawr tal-Bieb Prinċipali u tal-Bieb tal-Griegi, kif ukoll għar-Restawr tal-faċċati tal-Banca Giuratale. Il-Kumitat qiegħed iħejji wkoll biex jagħti bidu għall-proġett ta' pavimentazzjoni tat-toroq billi l-ewwel jgħaddu s-servizzi kollha taħt l-art u qiegħed jieħu parir dwar x'tip ta' paviment jixraq lill-Imdina. Il-Kumitat qiegħed iħejji Pjan Strateġiku għall-konservazzjoni ta' l-Imdina bl-għajnuna ta' esperti barranin.
Proġett ieħor li qed jaħdem fuqu l-Kumitat huwa d-dawl tas-swar u titjib fid-dawl intern tal-belt. Il-Kumitat ukoll qiegħed iħejji sabiex isir tarmac u tiswijiet neċessarji fl-approach roads għall-Imdina kif ukoll l-upgrading ta' Howard Gardens. Hemm ukoll il-ħsieb li l-Kumitat iħejji Historic Buildings Grant Scheme minfejn ir-residenti jingħataw il-faċilita' sabiex itejbu l-faċċata tad-djar tagħhom taħt is-superviżjoni tal-Kumitat Tekniku tal-MRC.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija li tressqu quddiem il-PSC u li l-każ tagħhom għadu ma ġiex deċiż?
F'kull każ: (a) ta' liema rank huma; (b) fuq liema akkuża; (ċ) meta saret l-ewwel laqgħa tal-bord fuq kull akkuża; u (d) hemm pulizija li huma sospiżi li l-każ tagħhom għadu ma inqatgħax?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li hemm 10 membri tal-Korp li l-każ tagħhom għadu pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u t-tagħrif mitlub dwar dawn il-każijiet hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li l-ebda wieħed minn dawn il-membri tal-Korp ma huwa sospiż.
05.10.99
Mill-1 ta' Jannar, 1999, kemm-il membru tal-Korp tal-Pulizija: spiċċaw qabel għalqu l-25 sena għaliex irriżenzjaw minn jeddhom; ta' liema rank kienu; spiċċaw għax għalqu l-61 sena; u spiċċaw minħabba passi dixxiplinarji?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9598 f'din l-istess Seduta.
05.10.99
Jista' l-Ministru jgħid min ta l-permessi meħtieġa biex il-monument ta' Malta ta' quddiem il-Qorti jindilek biż-żejt bi ħsara għall-bronz?
X'passi ttieħdu mill-awtoritajiet biex dan l-iżball jitranġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-ġranet qabel il-Jum il-Vitorja, il-Kumitat Festi Nazzjonali staqsa lill-Kunsill Lokali tal-Belt biex isir tindif fl-inħawi tal-monument ta' Malta ta' quddiem il-Qorti. La l-Kunsill tal-Belt u ebda Dipartiment Governattiv ieħor ma ta struzzjonijiet biex il-monument jitnaddaf biż-żejt.
Qed issir perizja u evalwazzjoni minn espert tekniku għad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta priġunier jkollu bżonn jagħmel viżta fl-isptar, x'kuntatti jkun hemm bejn uffiċjali tal-ħabs u dawk tal-pulizija dwar l-iskorta li jkun hemm bżonn?
Tingħata informazzjoni dwar l-isem, biex jkun akkużat eċċ jew imqar dwar jekk persuna tkunx perikoluża jew le?
Fil-każ tal-Libjan, Azzabi, dan ma kienx ikkonsidrat perikoluż meta inqabad bi kwantita' hekk kbira ta' droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li meta priġunier, li jkun taħt arrest preventiv jew jiskonta sentenza fil-ħabs, ikun meħtieġ li għal xi raġuni, inkluża dik li jagħmel vista fi sptar, joħroġ mill-Faċilita`, l-awtoritajiet tal-Ħabs javżaw minn qabel b'dan lill-Pulizija. Inżid ngħid illi taħt amministrazzjonijiet differenti, il-livell ta' sigurta` dwar priġunieri akkużati b'reati bħall-priġunier Libjan dejjem kien l-istess.
05.10.99
Mindu ħarab il-priġunier Libjan Azzabi u l-Pulizija Maltija talbet l-għajnuna ta' l-Interpol, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi informazzjoni mogħtija minn dawn ta'l-aħħar dwar fejn jista' jinstab? Fiex waslu l-investigazzjonijiet f'Malta biex jiġi stabilit kif dan il-Libjan ħarab u min seta' għenu?
Response (BORG, TONIO)
Billi l-investigazzjoni dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant għad m'hix konkluża, ma nħossx li hux opportun li wieħed jippubblika d-dettalji dwar l-andament ta' din l-investigazzjoni.
05.10.99
Għaliex ingħata permess li jsiru No Parking Signs fuq iż-żewġ naħat tat-triq one way li hemm quddiem ix-centenary stadium f'Ta' Qali? Japprezza l-Ministru li peress li l-parking fl-inħawi huwa diġa' ristrett, parking fuq naħa waħda jista' jiġi permess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku laqa`