Peress li s-sena skolastika li għaddiet bħala ministru mpenjajt ruħi li taħtar persuna biex tikkordina kampanja ta' għarfien u ta' passi konkreti biex tittaffa l-problema tad-dahar ikkaġunata mill-bankijiet tqal ta' l-iskola, drawwiet ħżiena kif it-tfal iġġorru l-basket u l-għamara ta' l-iskola, jista' l-Ministru jgħid meta nħatret din il-persuna? Min hi? X'passi ħadet s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li nħatret kummissjoni biex tirrevedi u taġġorna l-politika tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar il-basktijiet tat-tfal ta' l-iskejjel li hi magħmula mis-Sur Joseph Sammut (Direttur), is-Sinjorina Pauline Apap (Assistent Direttur) u s-Sur Godwin Abela (Uffiċjal Edukattiv). Din il-kummissjoni lestiet gwida li ser toħroġ dalwaqt għall-iskejjel. Informat li din il-kummissjoni ser tagħmel stħarriġ fost it-tfal biex tiġi identifikata aħjar il-problema u s-soluzzjonijiet prattiċi għalihom.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' kuntratt se jingħataw il-mużiċisti ta' l-Orkestra Nazzjonali meta jagħlqilhom dak preżenti?
Xi pjani futuri għandu għall-Orkestra Nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istat preżenti tagħha li: (a) hi kumpannija; (b) li jingħaqad mal-PBS; u (ċ) li ssir orkestra taċ-Ċentru ta' l-Arti? Kif se jiżgura li l-Orkestra Nazzjonali tkun sostenibbli?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-mużiċisti ta' l-Orkestra Nazzjonali kellhom il-kuntratt preżenti mġedded għall-perjodu ieħor ta' sentejn. Il-futur ta' l-Orkestra Nazzjonali hu suġġett importanti tal-konsiderazzjoni li l-Ministeru qed jagħti lil numru ta' oqsma li għalihom hu responsabbli. Meta d-deċiżjonijiet ikunu ġew imsawra inkun nista' nagħti aktar tagħrif.
Matul l-aħħar sena kemm-il darba ltaqa' l-Bord ta' l-Orkestra Nazzjonali? Meta ltaqa' l-bord? X'deċiżjonijiet ewlenien ittieħdu f'dawn il-laqgħat tal-bord?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord ta' l-Orkestra Nazzjonali ltaqa' ħdax-il darba f'din l-aħħar sena, u d-deċiżjonijiet li ttieħdu kienu jirrigwardaw it-titjib tal-livell ta' l-Orkestra. Id-dati li fihom iltaqa' l-Bord huma s-segwenti:
1. 06 ta' Jannar
2. 26 ta' Jannar
3. 19 ta' Frar
4. 19 ta' Marzu
5. 06 ta' April
6. 13 ta' April
7. 25 ta' Mejju
8. 20 ta' Lulju
9. 03 ta' Awissu
10. 24 ta' Awissu
11. 14 ta' Settembru.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol intbagħat jagħmel is-Sur Martin Bugelli mill-Gvern Malti ma' l-istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fi Brussels?
B'liema kondizzjnijiet?
Kif intgħażel? Minn min intgħażel?
Response (BORG, JOE)
Wara sejħa għal applikazzjonijiet biex impjegati fis-servizz ċivil ikunu kkunsidrati għal Stagaires mal-Kummissjoni Ewropeja fi Brussels, u wara li board ta` l-għażla magħmul minn rappreżentanza ta` lis-Staff Development Organisation, ta tal-Finanzi, għamel l-intervisti lill dawk kollha li applikaw, is-Sur Martin Bugelli intgħażel sabiex ikun fuq lista ta` titressaq lill-Kummissjoni Ewropeja sabiex il-Kummissjoni tagħżel minnhom ħalli jaħdmu għal tlett xhur fi Brussels. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropeja hija finali.
S`issa is-Sur Martin Bugelli u ieħor ġew magħżula mill-Kummissjoni Ewropeja. Is-Sur Martin Bugelli intgħażel biex jaħdem mad-DG 10 (Information, Communications, Culture and Audio-visual) ta` l-Unjoni Ewropeja.
Kull min jintgħażel bħala stagaire jibqa jitħallas il-paga kollha, jingħata mill-Gvern subsistence allowance ta` student għal matul il-perjodu li jdum mal-Kummissjoni Ewropeja u titħallas il-kera ta` fejn ikun joqgħod. Jiġi wkoll mogħti lura ċerti spejjeż li jinkorri bħat-taxxi. Stagaire jingħata ukoll biljett ta` l-ajru wieħed bir-ritorn minn Malta għal Brussels. Tajjeb jingħad ukoll li stagaire ikun marbut li jaħdem għal sena mal-Gvern wara li jispiċċa t-tlett xhur mal-Kummissjoni Ewropeja kif ukoll li jħallas għaxra fil-mija ta` l-ispejjeż li l-Gvern ikun għamel jekk jonqos li jonora l-obbligi tal-kuntratt li jkun daħal għalih mal-Gvern qabel ma jkun mar Brussels. Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw anke fil-każ tas-Sur Martin Bugelli.
Matul l-aħħar sena x'passi konkreti ttieħdu: (a) mill-pulizija; u (b) mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex garaxx f'Għajnsielem bejn Garden Street u Benghasi Street ma jibqax jintuża b'mod illegali għal xogħol ta' mastrudaxxa mingħajr il-permessi meħtieġa?
Meta ttieħdu dawn il-passi u x'kien ir-riżultat tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ressqet darbtejn quddiem il-Qorti l-persuna li tuża l-garage li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Darba fl-14 ta' Jannar, 1998, bl-akkuża li eżerċitat sengħa jew negozju ta' mastrudaxxa mingħajr permess fil-garage msemmi bir-riżultat li fil-25 ta' Marzu, 1998 kienet weħlet multa ta' Lm20, u reġgħet tressqet quddiem il-Qorti bl-istess akkuża fit-28 ta' Lulju, 1999, liema każ għadu pendenti quddiem il-Qorti.
Għal dak li jirrigwardja l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, ninsab infurmat li s-sit in kwestjoni huwa kopert bil-permess PA 5145/95 biex jintuża bħala showroom. Minn spezzjoni li saret minn uffiċjali ta' l-Awtorita` irriżulta illi s-sit qed jintuża bħala ħanut ta' mastrudaxxa u għalhekk l-Awtorita` ordnat li jieqaf l-użu illegali u nħareġ Stop Notice bin-numru ECF 886/99. Jittieħdu passi ulterjuri f'każ li dan l-avviż ma jkunx qed jiġi osservat.
12.10.99 (p.m.)
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm stabbilimenti f'Għajnsielem li magħhom iħaddmu nies fix-xogħol ta' mastrudaxxa?
F'liema indirizzi jinsabu dawn l-istabbilimenti skond ir-records tal-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ġewwa Għajnsielem hemm ħdax-il persuna li magħhom iħaddmu in-nies fix-xogħol ta' mastrudaxxa.
Ma hijiex prattika tal-Korporazzjoni li taħroġ indirizzi ta' persuni individwali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba fl-aħħar sena l-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ intalbet biex tgħin jimtlew postijiet battala fl-Orkestra Nazzonali? Kemm-il permess ħarġet lill-barranin biex jimlew dawn il-postijiet? Kemm hemm barranin li għandhom permess jaħdmu ma' l-Orkestra Nazzjoali u meta ħarġu dawn il-permessi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
a) Bejn Settembru 1998 u Ottubru 1999 l-Orkestra Nazzjonali għamlet seba' (7) talbiet għall-impjegati. Dawn kienu jinkludu kemm mużiċisti u kemm ħaddiema amministrattivi.
b) Permessi għall-ħaddiema barranin ma joħorġux mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ iżda mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-"Expatriates".
c) Fil-preżent l-Orkestra Nazzjonali għandha permess biex tħaddem żewġt barranin. Permess wieħed ħareġ fl-1995 u l-ieħor fl-1997.
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sa Settembru 1999 kif kien irreġistrat iċ-ċaqlieq tal-prezzijiet skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika f'dak li għandu x'jaqsam: (a) ma' miżati ta' l-iskejjel privati; (b) mar-rati ta' ħlas tal-lezzjonijiet tal-privat; (ċ) mal-prezzijiet tat-trasport ta' l-iskola; u (d) mal-kotba u rivisti?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
1998 1999
(indiċi) (indiċi)
miżati ta' l-iskejjel privati 127.70 132.86
ħlas għall-lezzjonijiet tal-privat 114.02 118.69
prezzijiet tat-trasport ta' l-iskola 127.55 129.51
Kotba u Rivisti
rivisti dwar passatemp 107.07 112.07
perjodiċi 119.09 119.09
rivisti ta' kull ġimgħa 116.66 124.99
Peress li b'ittra bid-data tat-22 ta' April, 1999 lis-Segretarju Permanenti, is-Segretarju Privat tal-ministru qajjem dubji serji dwar kemm l-awditorju tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli għandu jiġi mgħammar skond tender apposta li ħareġ il-ministeru, jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjoni se tittieħed dwar din it-tender? Se tkompli tiġi pproċessata? Se jieqaf kollox? Għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li nġibdet l-attenzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni illi t-talba għal tagħmir ta' l-Awditorju tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli kienet eċċessiva, id-Diviżjoni qegħda fil-proċess li tagħmel ri-evalwazzjoni tat-talba oriġinali.
It-talba msemmija ser tiġi sottomessa għal evalwazzjoni indipendenti (second opinion) lil tekniċi kompetenti sabiex id-Diviżjoni tkun tista' tieħu ġudizzju informat dwar il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' studenti subien u bniet separatament li qed jattendu skejjel: (1) ta' l-Istat; (2) tal-Knisja; u (3) Privati? Kif inhuma mqassma f'kindergarten,primarji, sekondarji, eċċ.? Kemm hemm fis-Sixth Form ta' kull kategorija ta' skola?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni li inti tlabt ma tistax tiġi provduta għalissa minħabba li l-istatistika għal Ottubru 1999 għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' għalliema li bħalissa qed jgħallmu fl-iskejjel: (a) ta' l-Istat; (b) tal-Knisja; (c) tal-privat? Fil-każ ta'l-iskejjel ta'l-Istat, jeżistu vakanzi bħalissa? F'liema suġġetti? F'liema livell, primarji, sekondarji eċċ.?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni li inti tlabt ma tistax tiġi provduta għalissa minħabba li l-istatistika għal Ottubru 1999 għadha qed tinġabar.
Peress li fil-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta' Awissu ngħatat il-lista tal-ġurati, jista' l-Ministru jgħid kif inhu possibbli li jidhru kważi l-impjegati kollha tal-Bank of Valleta fil-lista? Kif jiġi deċiż min jiddaħħal fil-lista tal-ġurati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ngharraf lill-Onor. Interpellant li huwa l-Bord tal-Ġurati li kull sena japprova numru ta` ismijiet ta` persuni li fl-opinjoni taghhom ikunu tajbin biex iservu ta` ġurati fil-Qorti Kriminali. Dan il-Bord huwa kompost minn żewġ Maġistrati, l-Kummissarju tal-Pulizija u r-Reġistratur tal-Qorti jiltaqa` ghal dan il-ghan f`Awwissu ta` kull sena, skond kif provdut bid-dettal fl-Artikolu 605 tal-Kodiċi Kriminali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ishma fil-Maltacom l-impjegati tal-kumpnanija? Jikkonferma l-Ministru li mpjegati li rtiraw mill-kumpannija qed jingħataw ishma anqas minn dak imwiegħed?
Response (BONNICI, JOSEF)
Meta f'Ġunju tas-sena l-oħra, l-Gvern ipprivatizza 40 fil-mija ta' l-ishma tal-Maltacom, mill-20 fil-mija li kienu nbiegħu f'Malta kienu ġew allokati.
(a) 3,039,315-il sehem lill-Maltacom Employees Foundation bil-prezz li
kellu skont ta' 10 fil-mija; u
(b) 2,026,210 sehem lill-impjegati tal-kumpanija u lid-Diretturi bi prezz
li kellu skont ta' 5 fil-mija. Ishma li ma ttieħdux f'din l-aħħar skema ġew allokati lill-pubbliku u mibjugħa bil-prezz regolari ta' 90ċ-il wieħed.
Biex tkun tista' tħallas għal dawn l-ishma, il-Fondazzjoni ngħatat self bla imgħax mill-Gvern, permezz ta' kuntratt li sar fl-10 ta' Ġunju 1998, ta' Lm2,735,383.50. Għal 10 snin, il-fondazzjoni hija eżentata milli tibda trodd din is-somma ħalli hekk tkun tista' tiġi fuq saqajha. Wara l-10 snin, il-Fondazzjoni tibda tħallas lura dan is-self mid-dividends li tagħti l-kumpannija kull sena.
L-assi tal-Fondazzjoni llum jikkonsistu biss fid-dividend li l-kumpanija ħarġet f'April ta' din is-sena, li minnu jridu jitnaqqsu l-ispejjeż, bħal ma huma s-servizzi professjoni ta' awdituri.
Kull impjegat tal-Maltacom, li kien fuq il-kotba tal-kumpanija fit-28 ta' Mejju huwa ntitolat li jirċievi 20 unit flimkien ma' unit oħra għal kull 10 snin servizz.
Skond il-bye-laws tal-Fondazzjoni, benefiċjarju li ttermina l-impjieg mal-Maltacom jista' jsarraf il-units li jkollu skond in-'net assset value' tal-fondazzjoni kif ikunu murija fl-audited accounts sal-31 ta' Diċembru ta' wara.
Xi ħaddiema tal-Maltacom għandhom l-idea żbaljata li kull benefiċċjarju għandu fuq 1,500 sehem għax iddividew it-3,039,315-il sehem bin-numru ta' l-impjegati. Dan mhux il-każ. Kull impjegat huwa ntitolat għan-numru ta' units skond kif spjegat iktar 'l fuq. Ħaddiem li ttermina l-impjieg se jieħu l-valur tal-units li huwa ntitolat għalihom, skond in-net asset value tal-Fondazzjoni.
Jikkonferma l-Ministru li PC Lawrence Gabriel ta' l-SAG ilu għal diversi ġimgħat isuq vettura mingħajr pjanċa ta' quddiem u li din il-vettura - allura mhux armata skond il-liġi - xorta qed titħalla tipparkja fil-post riżervat għall-membri ta' l-SAG? Qatt ma sar rapport dwar dan? X'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċjal inkarigat mill-S.A.G. kien innota li l-kuntistabbli li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kellu l-pjanċa tan-numri ta' quddiem tal-vettura privata tiegħu mhux imwaħħla. Dan għalhekk kien ġie mwissi mill-istess uffiċjal sabiex iwaħħalhom kif fil-fatt għamel.
12.10.99
Jista'l-Ministru jgħid x'investigazzjoni qed issir wara l-allegazzjonijiet li għamel PC Lawrence Gabriel quddiem l-għassa ta' San Ġiljan, is-Sibt 25 ta' Settembru filgħodu kmieni, dwar irregolaritajiet li huwa allegat li qed isiru fl-irmonk ta' vetturi? Huwa minnu li l-vettura tiegħu li ġiet irmunkata mill-VRS hija bla pjanċi tan-numru fuq quddiem?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-allegat abbuż li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fl-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-Pulizija qed tinvestiga rapport li sar minn xi mpjegati tal-garage li għandu l-kuntratt ta' rmonk u kklampjar ta' vetturi fil-lokal ta' l-allegat abbuż, liema rapport għadu qed ikun investigat.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10154 f'din l-istess Seduta.
12.10.99
Jista'l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ta' spiss qed ifur id-drenaġġ fil-baħar fix-Xemxija? Kemm-il darba kien hemm avviż pubbliku li ma setax isir għawm f'din il-bajja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul dan is-sajf qatt ma kellna ħruġ ta' drenaġġ fil-bajja tax-Xemxija. Dan jikkonfermah il-fatt illi qatt ma ngħalqet il-bajja min-naħa tas-Sanita'.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena finanzjarja kemm intnefaq fuq manutenzjoni tal-vetturi tal-pulizija? Jista' jgħid għaliex il-vettura GVP079 qed tinsaq mingħajr bozza tal-brejkijiet u anke ta' l-indicator fuq in-naħa tal-lemin ta' wara? Ta' liema taqsima hi din il-vettura? Jaqbel il-Ministru li mhux sewwa li vettura tal-pulizija ma tkunx konformi mal-liġijiet tal-vetturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li sa Awissu ta' din is-sena, in-nefqa fuq manutenzjoni ta' vetturi tal-Pulizija, kienet tammonta għall-Lm42,275.
Dwar il-vettura GVP 079, ninsab infurmat li din tintuża mill-pulizija ta' B'Kara, u li din il-vettura kienet involuta f'inċident tat-traffiku fejn il-fanal ġarrab ħsarat u issa ġie rranġat. Għalkemm il-cover tal-fanal kien tkisser, il-bozoz xorta kienu jiffunzjonaw.
11.10.99
B'riferenza għall-artiklu miktub mis-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Edwin Vassallo, fil-Mument tal-Ħadd 3 ta' Ottubru dwar in-negozjanti fl-Imdina, jista' l-Ministru jgħid jekk japprovax il-bejgħ ta' oġġetti bi prezz ogħla minn postijiet oħra biex tingħata kummissjoni fuq il-bejgħ lill-gwidi? X'passi beħsiebu jieħu l-Ministeru biex in-negozjanti f'postijiet turistiċi ma jkomplux jitgħabbew bil-kummissjoni li jkollhom iħallsu lill-gwidi u operaturi oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma hemm l-ebda dubju li la jiena u lanqas ebd Ministru ma japprova li xi oġġett, hu ta' liema għamla hu, jinbiegħ bi prezz ogħla minn dak stabbilit. Tajjeb jingħad li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta kontinwament jgħasses biex il-kompetizzjoni bejn l-istabbilimenti tkun waħda tassew ġusta, biex bżhekk, kemm jista' jkun, l-abbużi jiġu eliminati.
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm gwidi liċenzjati biex joperaw f'Malta? Liema huma l-lingwi prinċipali, minbarra l-Ingliż, li jitkellmu dawn il-gwidi? Minn Jannar 1999 'l hawn saru xi lmenti: (a) minn turisti stess; u/jew (b) minn sidien ta' ħwienet li fil-każ ta' (a) ittieħdu jixtru jew jieklu f'post partikolari bilfors u f'każ ta' (b) kellhom iħallsu commission biex jinġiebu turisti għandhom jew li l-gwidi b'mod sfaċċat qabżu l-ħwienet tagħhom u ħaduhom x'imkien ieħor? Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu f'kull każ?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-għadd ta' gwidi liċenzjati biex jaħdmu f'Malta u Għawdex huwa ta' 525. Minbarra l-Ingliż, il-lingwi ewlenin li jitkellmu dawn il-gwidi huma:
Albaniż, Għarbi, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Finlandiż, 'Flemish', Franċiż, Tedesk, Grieg, Ungeriż, Taljan, Ġappuniż, Jugoslav, Norveġiż, Pollakk, Portugiż, Russu, Serb, Slovakk, Spanjol u Svediż.
Ninsab infurmat ukoll li minn Jannar 1999 sal-lum uffiċjalment ma saru l-ebda lmenti lil dan il-Ministeru la mit-turisti nfushom u lanqas mis-sidien tal-ħwienet għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafi (a) u (b) tal-Mistoqsija. Naturalment, dan ma jfissirx li abbużi ma kienx hemm għax dawn ġieli wkoll tqajjmu fil-Kamra tar-Rappreżentanti u fil-'media'. Jiena perswas li, malli jitwaqqaf u jissaħħaħ id-Direttorat ta' l-'Enforcement' ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta, jittieħdu passi mill-'enforcement officers' biex jitrażżnu l-abbużi.
Sadanittant jekk il-Ministeru jirċievi dettalji dwar ilmenti speċifiċi nassigura lill-Onor Interpellant li nara' li jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi tagħmel l-Awtorita' Marittima biex tara li sidien ta' vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija ma jkomplux jabbużaw u ma jħallsux l-ekwipaġġ tagħhom jew ma jkunux ta' standard aċċettabbli? Kemm-il vapur tneħħa mir-reġistru Malti fl-aħħar disa' xhur? X'kienu r-raġunijiet? Liema kienu l-vapuri? Min kienu s-sidien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-ħidma ewlenija li tagħmel l-Awtorita' Marittima ta' Malta biex tara li l-vapuri reġistrati f'Malta jżommu standards stipulati f'konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-vapuri u t-tbaħħir hija permezz ta' l-ispettorat li għandna madwar il-portijiet prinċipali f'pajjiżi barranin. Illum il-ġurnata l-Awtorita' għandha firxa ta' 91 spettur fi 52 pajjiż differenti li bejniethom ikopru portijiet f'73 pajjiż. Minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena l-Awtorita' żammet 33 vapur milli jkomplu jbaħħru wara spezzjonijet li saru, sakemm ġie żgurat li l-vapuri ġew konformi ma' l-istandards meħtieġa. Ir-raġunijet għaliex ġew miżmuma dawn il-vapuri jvarjaw minn nuqqassijiet fin-numru u l-kompetenza ta' l-ekwipaġġ għal defiċenzi tekniċi u ċertifikati meħtieġa li jkunu skadew.
Matul l-aħħar disa' xhur tneħħew 251 vapuri mir-reġistru Malti jew wara talba min-naħa tas-sidien stess jew għax intużaw is-setgħat tal-Ministru responsabbli għall-bastimenti li jordna l-għeluq ta' reġistrazzjoni.
Ma' nħossx li għandhom jingħataw l-ismijiet u s-sidien tas-vapuri lli għal xi raġuni jew oħra tneħħew mir-reġistru Malti.