Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10259 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Korsijiet - Tfal b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema korsijiet u ta' liema livell qed jiġu organizzati fl-Universita' ta' Malta għall-persuni li jridu jaħdmu ma' tfal b'diżabilita' fil-qasam edukattiv? Kemm hemm studenti f'dawn il-korsijiet bħalissa? Hemm xi korsijiet ippjanati li jibdew tul din is-sena akkademika? Meta? F'liema livell se jkun il-kors? Għal kemm studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fakulta` ta' l-Edukazzjoni qed tħejji skemi ta' taħriġ sabiex aktar persuni li jridu jaħdmu ma' tfal u żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali, ikunu jistgħu jiġu ppreparati f'dan il-qasam b'mod aktar effettiv u addattat. Informat ukoll li bħalissa għaddej Kors ta' Post-Graduate Diploma in Education for the Hearing-Impaired, li għalih qed jattendu seba' studenti. Kors ieħor se jibda fi Frar tas-sena 2000, wara li r-regolamenti tiegħu ikunu promulgati mis-Senat u se jkun immirat għal madwar 250 persuna li bħalissa qed jagħmlu xogħol ta' Kindergarten Assistants, Temporary Kindergarten Assistants u Classroom Support Trainees. Dan il-Kors ser ikun offrut darbtejn u se jħarreġ lil dawn il-persuni bħala Learning Support Facilitators. Ġejt informat ukloll li l-Kors tas-Certificate in Facilitating Inclusive Education li kellu jibda dan ix-xahar kellu jkun pospost minħabba raġunijiet amministrattivi, iżda mistenni li jiftaħ fil-futur qrib.
Leg 9 PQ #10260 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti, ġuvintur u tfajliet, li din is-sena bdew kors universitarju fulltime filgħodu, kors b'kors? Kemm hu n-numru ta' studenti din is-sena li bdew kors part-time filgħaxija u f'liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #10261 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors fil-European Studies

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-EDRC ta'l-Universita' għamel numerus clausus ta' 30 student biex isegwu l-kors European Studies fi żmien meta jintqal li aktar studenti żgħażagħ għandhom ikunu esposti għal studji Ewropej?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-EDRC mhux qed jopera xi forma ta' numerus clausus u l-istudenti ġew infurmati fis-6 ta' Ottubru li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet kompluta.
Leg 9 PQ #10262 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Sptar San Luqa -Servizzi Awdjoloġiċi

Question

Jista'l-Ministru jgħid min huma l-persuni li huma fil-kumitat imwaqqaf biex jeżamina s-servizzi awdjoloġiċi li jingħataw mill-Isptar San Luqa? X'kien ix-xogħol li għamel s'issa dan il-kumitat u x'passi ttieħdu biex jiġu mplimentati r-rakkmandazzjonijiet li għamel dan il-kumitat dwar is-servizzi awdjoloġiċi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-membri tal-kumitat dwar is-servizzi awdjoloġiċi huma: Sur Joseph Camilleri - Chairman KNPD Dr. Anthony Fenech - Dipartiment tas-Saħħa Ms. Carmen Cascun - Dipartiment tal-Edukazzjoni Mr. Chris Ripard - Rappreżentant tal-ġenituri ta' tfal neqsin mis-smiegħ. Il-kumitat iddiskuta s-sitwazzjoni preżenti u għamel sensiela ta' rakkomandazzjonijiet li issa qed jiġu implimentati. Fost dawn kien hemm Il-moulds bdew jiġu ordnati minn aġent lokali u l-pazjenti qed jingħataw il-moulds fi żmien 3 sa 4 ġimgħat. Dawn il-moulds huma manifatturati l-Ingilterra skond il-ħtieġa individwali ta' kull pazjent. Tjiebet sostanzjalment il-ko-operazzjoni bejn is-servizz awdjoloġiku tad-Dipartiment tas-Saħħa u l-iskola speċjali tal-Qrendi. Dan qed iwassal għal attenzjoni aktar individwali lit-tfal. Qed jiġu ppreperati attivitajiet għad-`Deaf Week' li ssir kull sena f'Novembru. Id-Dipartiment tas-Saħħa ser iġib grupp ta' Speech Therapists u Awdjoloġisti minn Manchester. Dawn ser joffru servizz ta' follow-up għal tfal li sarulhom cochlear implants. Fl-istess waqt dawn se jagħmlu laqgħat u jgħaddu informazzjoni kemm lill-għalliema kif ukoll lill-ġenituri ta' tfal neqsin mis-smiegħ.
Leg 9 PQ #10263 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Edukazzjoni post-sekondarja

Question

Jista'l-Minstru jgħid x'imhuwa l-għadd ta' studenti li din is-sena bdew l-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom? F'liema istituzzjoni? Kemm tfajliet u kemm ġuvintur? Kemm hemm minnhom bi bżonnijiet speċjali? X'inhi r-rata ta' dawk l-istudenti li qed ikomplu bl-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom meta mqabbla mat-total ta' dawk li għalqu s-16-il sena f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #10252 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Santa Luċija Junior Lyceum - Trasport

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex is-servizz tat-trasport għall-istudenti bniet ikun regolari u puntwali peress li r-rotta minn Ħal Tarxien għal Junior Lyceum ta' Santa Luċija qed twassal l-istudenti tard l-iskola filgħodu u d-dar filgħaxija? Jistgħu dawn il-passi ma jinkludux dak li ġara dalgħodu (7/10/99) meta private ġarret 70 studenta b'mod perikoluż lejn din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ittieħdet azzjoni immedjata biex ma jkunx hemm iffullar żejjed fuq il-private li ġġorr it-tfal minn Ħal Tarxien għall-Junior Lyceum ta' Santa Luċija u biex it-tfal ma jaslux tard filgħodu u filgħaxija.
Leg 9 PQ #10253 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Trasport

Question

Jista'l-Ministru jgħid liema huma dawk ir-rotot u l-pick up points tat-trasport skolastiku fejn it-tfal qed jinġabru kmieni ħafna (6.30 a.m./6.45 a.m.) biex jinġarru lejn l-iskola u jitħallew jistennew mis-7.15 a.m. wara l-bieb ta' l-iskola? X'qed isir biex jinqata' l-ġarr kmieni tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fid-Diviżjoni ma hemmx personnel li jissorvelja rotta b'rotta kull skola. Il-policy hi, kif dejjem kienet, li tittieħed azzjoni skond ir-rapporti li jsiru mill-Kapijiet ta' l-iskejjel.
Leg 9 PQ #10254 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kindergarten Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni biex jiġu kkonsidrati għall-impjieg ta' supply kindergarten assistants, liema applikazzjoni għalqet fl-24 ta' Settembru, 1999? X'kienu l-kwalifiki ta' dawk li applikaw? Kemm resqu għall-interview? Kemm għaddew mill-interview? X'kienu l-kriterji ta'l-għażla u s-sistema ta' marki għall-kandidati? Kemm minnhom se jiġu mpjegati? Issa se jingħataw xi taħriġ addizjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-interviews saru f'din il-ġimgħa stess u għaldaqstant m'inhix f'pożizzjoni li nagħti t-tagħrif mitlub.
Leg 9 PQ #10255 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Naxxar - Giovanni Curmi

Question

Jista' jiġi ċċarat jekk studenta li qed tattendi l-Higher Secondary Giovanni Curmi tan-Naxxar u li għandha 3 Sec (gradi 4, 4, u 5) u 5 oħra (grad 6) tikkwalifikax għall-għotja ta' manteniment post-sekondarju?

Response (GALEA, LOUIS)

Biex nagħti tweġiba jeħtieġ ikolli informazzjoni dwar liema kors qed issegwi din l-istudenta. Barra dan għandu jingħad li saret laqgħa li għaliha attendew uffiċċjali edukattivi ta' l-iskola msemmija u li jistgħu jagħtu t-tagħrif meħtieġ lill-istudenti fuq din il-materja.
Leg 9 PQ #10256 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Marsa - Skola Adelaide Cini

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex studenti bniet mill-Marsa li jmorru l-iskola sekondarja Adelaide Cini ma jinġarrux lejn l-iskola tagħhom fl-istess karozza li jġorru studenti ġuvintur lejn l-iskola sekondarja tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni kienet ħadet azzjoni diġa' dwar dan l-ilment peress li kien sar rapport diġa' mill-amministrazzjoni ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #10257 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Liċeo Superjuri Paolino Vassallo

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk żagħżugħ li qed jirrepeti l-ewwel sena tiegħu fil-Liċeo Superjuri Paolino Vassallo huwiex eliġibbli għall-għotja ta' manteniment lill-istudenti post-sekondarji?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitolbok tirreferi lil dan iż-żgħażugħ lis-Sur George Chase, Assistent Kap, li attenda laqgħa apposta fejn ġew spjegati r-regolamenti.
Leg 9 PQ #10246 Sitting 156 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali — Logistics Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-logistics officer ta'l-Orkestra Nazzjonali? Kemm applikaw għal dan il-post? Min applika? Kif intgħażel u b'liema proċedura ntgħażel il-logistics officer ta' l-Orkestra Nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li saret sejħa għall-applikazzjoni nterna sabiex jimtela' l-post ta' Logistic Officer, sar interview mill-Bord tad-Diretturi u rriżulta li ma ntgħażel ħadd. L-erba' applikanti kienu: Stephen Galea Stephen Żammit Lino Cremona Alfred Cremona.
Leg 9 PQ #10247 Sitting 156 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali — Vjolinisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid, matul l-aħħar sena, min huma l-vjolinisti li ġew ingaġġati ma' l-Orkestra Nazzjonali? Kif intgħażlu? B'liema kondizzjonijiet tax-xogħol? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'din is-sena ma ġie ngaġġat ebda vjolinista ġdid ma' l-Orkestra Nazzjonali.
Leg 9 PQ #10248 Sitting 156 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm-il post battal imtela' fl-Orkestra Nazzjonali? Min mela' dawn il-postijiet battala? Kif imtlew il-postijiet battala? Kemm inħarġu sejħiet pubbliċi biex l-ewwel jimtlew mill-Maltin? Meta ħarġu dawn is-sejħiet? Saru auditions għall-persuni li ntgħażlu? Min għamel dawn l-auditions? X'kien ir-riżultat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena li għaddiet imtela' post wieħed biss li kien vakanti ma' l-Orkestra Nazzjonali, dak ta' Oboeista. Informat ukoll li ma ħarġet ebda sejħa speċifika sabiex il-post l-ewwel jimtela' minn persuna Maltija. Meta ntagħżlet il-persuna, dan inġieb sabiex idoqq f'kunċert bħala prova li serviet ukoll ta' audition. Wara li sar dan il-kunċert fl-1 ta' Ġunju 1999, il-Bord tad-Diretturi iddeċieda li jagħti l-Kuntratt lil dan il-Mużiċista.
Leg 9 PQ #10249 Sitting 156 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Koperattiva tal-Furnara — Prezz tal-ħobż

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-eżerċizzju biex jiġi determinat kemm tiswa biex tagħmel ħobża tal-Malti tal-500 gramma u tat-300 gramma? Jaqbel il-gvern ma'dak li tgħid il-Koperattiva tal-Furnara (il-president tagħha is-Sur Carmelo Micallef f'"The Times" paġna 64, 28 ta' Lulju 1999) li ħobża tal-Malti tiġi tiswa 28c biex tagħmilha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Diġa saru numru ta' laqgħat bejn rappreżentanti tal-Koperattiva tal-Furnara u uffiċjali mid-Dipartiment tal-Kummerċ. F'dawn il-laqgħat qed issir analiżi teknika dettaljata tal-fatturi kollha li għandhom inċidenza fuq il-prezz tal-ħobż tal-Malti sabiex jintlaħaq ftehim dwar prezz ġust għall-bejgħ ta' dan il-ħobż. Ma l-ewwel waħda mill-laqgħat fuq imsemmija, ir-rappreżentanti tal-Gvern għamluha ċara li huma ma kienux qed jaqblu maċ-ċifri li dehru fl-artiklu ppubblikat f'ġurnal lokali li qed jagħmel riferenza għalih l-Onorevoli Interpellant. Minn naħa tagħhom, ir-rappreżentanti tal-Koperattiva tal-Furnara stqarrew li ċ-ċifri ikkwotati fl-artiklu fuq imsemmi kienu biss stima approssimattiva u li huma kienu lesti, kif fil fattt qed jagħmlu, li jerġgħu janalizzaw fid-dettal il-kalkoli tagħhom f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Gvern. Tajjeb jingħad li s'issa, mill-laqgħat li qed isiru, għalkemm xejn għadu ma ġie konkluż, jirriżulta li l-prezz tal-ħobża huwa anqas sew minn dak ikkwotat fl-artiklu.
Leg 9 PQ #10250 Sitting 156 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors fit-teknoloġija dentali

Question

F'April tas-sena 1999 il-Kanċellier ta' l-Universita', Dr. J. Izzo Naudi li huwa wkoll iċ-Chairperson tal-Kumitat fit-Teknoloġija Dentali fl-Institute of Health Care, aċċerta lid-Direttur tas-Saħħa li l-kors fit-teknoloġija dentali kellu jibda f'Ottubru 1999. Ta' min jgħid ukoll li dan il-kors suppost kellu jibda f'Ottubru tas-sena 1992 u li din il-kwestjoni għadha tkarkar sal-lum. Qegħdin f'Ottubru tas-sena 1999 u jidher li dan il-kors mhux sejjer isir minkejja l-assigurazzjonijiet kollha li ngħataw f'April li għadda. Jista' l-Ministru jgħid meta sejjer jibda dan il-kors u għaliex dan il-kors għadu ma bediex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kors imsemmi ma bediex f'Ottubru ta' l-1999 għaliex l-arranġamenti li kellhom isiru mad-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jintuża l-laboratorju tat-Teknoloġija Dentali fl-isptar San Luqa ħadu fit-tul u filfattġew konlużi f'Lulju ta' l-1999. Għaldaqstant ma kienx hemm biżżejjed żmien sabiex ir-regolamenti tal-kors ikunu jistgħu jiġu kkonsidrati mis-Senat u mill-Kunsill ta' l-Universita`. Il-kors mistenni issa li jkun jista' jibda f'Ottubru tas-sena 2000.
Leg 9 PQ #10251 Sitting 156 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Żabbar - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li tfal li jgħixu f'Buleben u jmorru l-iskola primarja ta' Ħaż-Żabbar mhumiex qed jiġu pprovduti bit-trasport skolastiku meta d-distanza bejn id-dar u l-iskola taqbeż il-minimu rikjest?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-distanza bejn id-dar u l-iskola ma taqbżx il-mil, li hija d-distanza stipulata skond ir-regolamenti.
Leg 9 PQ #10225 Sitting 155 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Uffiċċju ta' Reġistrazzjoni ta' l-Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet saru meta nhar l-Erbgħa, l-1 ta' Settembru, 1999 kienet saret spezzjoni għall-għarrierda mis-Segretarju Permanenti, mid-Direttur Ġenerali u min-Nutar Dr M. Debono Borg fl-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni ta' l-Artijiet f'Għawdex u kien instab li twettqu xi irregolaritajiet minn uħud mill-istaff ta' l-istess uffiċċju? Min mexxa l-investigazzjonijiet? X'irriżulta? X'passi ttieħdu wara dawn l-investigazzjonijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-investigazzjonijiet interni issa ġew konklużi u l-każ se jiġi riferut lill-Avukat Ġenerali skond Regolament 6 tar-Regolamenti ta' l-1977 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina).
Leg 9 PQ #10241 Sitting 155 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Spezzjonijiet

Question

Matul ix-xhur ta' Lulju, Awissu u Settembru, jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba saru spezzjonijiet għall-għarrieda mill-pulizija u minn uffiċjali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jiġi stabbilit jekk hux qed titħaddem skond il-permessi meħtieġa l-barriera Nru. 4, f'Tal-Palma, limiti ta' l-Imġarr, Malta? X'irriżulta? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fix-xhur speċifikati fil-Mistoqsija il-Pulizija għamlet 5 spezzjonijiet fil-barriera li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Infurmat ukoll li ma ġewx osservati irregolaritajiet waqt dawn l-ispezzjonijiet. Għal dak li jirrigwardja l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ninsab infurmat li fl-istess perijodu membri ta' l-Awtorita` żaru din il-barriera mill-inqas tliet darbiet u ma jirriżultax li l-operat tagħha kien konfliġġenti ma' xi Policies ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Sa issa l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għada qatt ma ħarġet permessi in konnessjoni ma' din il-barriera, u għalhekk il-kundizzjonijiet tat-tħaddim tal-barriera huma dawk li hemm annessi mal-liċenzja oriġinali tal-Pulizija. 13.10.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #10242 Sitting 155 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kotba - Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom hemm qabża sostanzjali fil-prezzijiet tal-kotba ta' l-iskola li jistgħu jinxtraw mill-ġenituri għal uliedhom fl-iskejjel tal-gvern meta mqabbla mal-prezzijiet fl-aħħar snin? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif kienu l-prezzijiet tal-kotba fl-iskejjel primarji u sekondarji u kif saru issa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-prezzijiet tal-kotba ta' l-iskola li jistgħu jinxtraw mill-ġenituri fl-iskejjel tal-Gvern baqgħu dawk li kienu. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-prezzijiet ta' dawn il-kotba.