Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux x'investigazzjonijiet dwar imwiet li seħħew fl-Isptar San Filep tul ix-xahar ta' Ottubru 1999? F'kull każ saru investigazzjonijiet dwar jekk il-katavru tal-persuna mejta ċċaqlaqx mnejn instab qabel waslu l-pulizija? X'investigazzjonijiet qed isiru wara r-riżultati ta' l-awtopsja ta' l-imwiet fl-iSptar San Filep?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-isptar li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-Pulizija kellha rapport wieħed ta` mewt li ġara fl-4 ta` Ottubru, 1999.
Kien ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa u l-inkjesta dwar il-każ għadha mhix konkluża.
20.10.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għadha ma neħħitx l-arloġġ ta' l-ilma tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li fl-14 ta' Novembru, 1997 applika biex ineħħi s-servizz ta' l-ilma minn ġol-garaxx li jinsab fl-indirizz li qiegħed jintbagħat ukoll separatament u baqgħu jibgħatulu l-kontijiet f'dawn l-aħħar sentejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-servizz tat-tneħħija tal-meter mill-indirizz indikat sar fil-15 ta' Ottubru 1999. Il-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet kostretta li tati priorita għall-bdil u nstallazzjoni ġodda ta' servizzi ta' l-ilma u għal xi żmien kien inġabar backlog ta' talbiet għat-tneħħija ta' meters. Din id-deċiżjoni kellha tittieħed minħabba ż-żieda qawwija tad-domanda għall-bdil tas-servizz.
Din id-domanda baqgħet konstantament tiżdied minn mindu l-ħlas tal-bdil ta' dan is-servizz ġie nkorporat fis-service charge tal-kont ta' l-ilma u dawl.
Madankollu l-Korporazzjoni issa ħadet ħsieb li taqdi d-domanda tat-tneħħija ta' l-arloġġi ta' l-ilma permezz ta' kuntratturi privati approvati mill-istess Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru xi diskussjonijiet ma' sptarijiet privati biex ċerti operazzjonijiet isiru f'dawn l-isptarijiet ħalli tittaffa l-pressjoni fuq sptarijiet ta' l-Istat? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji dwar liema huma l-operazzjonijiet, finanzjamenti, eċċ?
Jista' l-Ministru jgħid kemm jintnefqu flus fuq il-kampanja tad-Dipartiment tas-Saħħa kontra t-tipjip matul sena waħda? Fiex tikkonsisti din il-kampanja? X'inhi l-politika tad-Dipartiment tas-Saħħa dwar t-trażżin tat-tipjip f'postijiet pubbliċi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li n-nefqa fuq il-kampanja kontra t-tipjip matul din is-sena hija Lm 6880.00, waqt li s-sena l-oħra n-nefqa kienet ta' Lm 2930.00. Din kienet tikonsisti f'riklami li tqassmu f'diversi postijiet, pubblikazzjoni ta' fuljett, klassijiet għal min irid jaqta' t-tipjip u kampanja permezz ta' l-użu tal-biljetti tal-karozzi tal-linja.
Aspetti oħra ta' din il-kampanja kienu:
Edukazzjoni fl-iskejjel u l-komunita' permezz ta' taħdidiet u
fieri
Pareċipazzjoni attiva fil-mezzi tax-Xandir kollha p.eż.
gazzetti, TV, radjijiet u l-internet
Kollaborazzjoni u ġbir ta' Data flimkien mal-Għaqda Dinjija
tas-Saħħa
Rigward policy dwar it-trażżin tat-tipjip f'postijiet pubbliċi, id-Dipartiment tas-Saħħa jemmen li dawn għandhom ikunu ħielsa mit-tipjip.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu nies minħabba mard konness mat-tipjip fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Kemm huwa stmat li l-Istat jonfoq fuq mediċini, eċċ. minħabba mard konness mat-tipjip matul sena waħda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Rigward l-ewwel parti nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9692.
B'risposta għall-aħħar parti it-tipjip huwa fattur li jista' jżid ir-riskju ta' ħafna mard bħal kanċer, puplesija, mard konness maċ-ċirkolazzjoni, mard tal-pulmun eċċ.
Għal dan il-mard hemm `risk factors' oħrajn u għalhekk wieħed ma jistax jiddetermina kemm l-istat jonfoq fuq dawn il-mediċini.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie rrapportat serq ta' vetturi matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Kemm minn dawn il-vetturi nstabu? Liema kienu l-aktar lokalitajiet fejn sar serq ta' vetturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru 1999, ġew irrapurtati nieqsa 810 vettura, filwaqt li 493 ġew irrapurtati misjuba. San Ġiljan huwa l-post fejn saru l-aktar rapporti f`dan ir-rigward.
20.10.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid, matul din is-sena, kemm saru spezzjonijiet mill-pulizija fuq vetturi minħabba ħruġ ta' dħaħen mill-exhaust? F'liema lokalitajiet saru? X'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant, ninsab infurmat li t-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet f`lokalitajiet differenti rigward ħruġ ta` duħħan minn vetturi. B`riżultat ta` dawn l-ispezzjonijiet numru ta` persuni jitressqu l-Qorti.
20.10.99 (a.m.)
Mill-bidu tas-sena skolastika s'issa, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kindergarten assistants u supply kindergarten assistants li rriżenjaw mill-impjieg tagħhom u b'riżultat t'hekk it-tfal fdati lilhom għadhom ma jistgħux jibdew l-edukazzjoni tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-bidu ta' din is-sena skolastika irreżenjaw 2 Kindergarten Assistants u 17-il Supply Kindergarten Assistants.
Jista' l-Ministru jara li jsiru d-double yellow line quddiem u ħdejn ir-residenzi privati kollha fi Triq il-Kbira f'San Ġiljan, qrib is-City of London peress li qed ikun hemm żewġ jew tliet ringieli ta' karozzi jagħlqu r-residenti priġunieri fi djarhom u allaħares ikollhom bżonn xi ambulanza għax ma jkunux jistgħu jipparkjaw hemm?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
19.10.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jara li t-traffic control board jieħu passi biex karozzi ma jibqgħux jipparkjaw quddiem residenzi privati maġenb is-City of London fi Triq il-Kbira f'San Ġiljan għax b'ħafna karozzi ffullati fuq xulxin qed issir insapportabbli għal min jgħix fl-inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qiegħed f'kuntatt mall-Pulizija u mall-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan biex flimkien jaraw xi tkun l-aħjar soluzzjoni għall-problema li qajjem l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu wara l-ittra li kitbet lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni s-supply kindergarten assistant, li isimha qed jintbagħat separatament, biex tingħata xogħol ġdid ma' tifel/tifla oħra wara li sfat imsawta diversi drabi mill-persuna li kienet fdata f'idejha?
X'qed isir biex jiġu reklutati rġiel biex jagħmlu xogħol ta' kindergarten assistants ma' tfal b'diżabilita' li jkunu aktar adattati li magħhom jintbagħtu rġiel aktar milli nisa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talba tas-supply Kindergarten Assistant konċernata qed tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-proċess ta' reklutaġġ ġdid.
Meta jsiru s-sejħiet għall-applikazzjonijiet dawn ikunu miftuħa kemm għall-kandidati nisa u anke rġiel.
Report on the Working of the general Contract Committee 1998
Question
B'riferenza għal dak li jingħad f'paġna 5 tar-Report on the Working of the General Contracts Committee during 1998, jista' l-Ministru jgħid meta se tkun lesta l-klassifika tal-kuntratturi?
X'qed isir biex kif jingħad fl-istess rapport ladarba ssir il-klassifika tal-kuntratturi biex tinstab il-koperazzjoni tad-dipartimenti tal-gvern u korporazzjonijiet pubbliċi biex il-miri ta' din il-klassifika jintlaħqu?
Response (DALLI, JOHN)
Sal-lum għad m`hemmx konsensus dwar il-bażi li fuqha tista` ssir il-kassifikazzjoni, jiġifieri, jekk hux fuq bażi tal-valur tal-kuntratti jew fuq kategoriji ta` kuntratturi per se`. Huwa maħsub illi biex offerent ikun jista` jingħata kuntratt (u hawn għalissa l-aktar li qed nitkellmu huwa fuq xogħol ta` kostruzzjoni, inġinerija ċivili u xogħol elettriku u mekkaniku) irid ikollu f`idejħ ċertifikat ta` reġistrazzjoni bħala approved contractor.
Il-kollaborazzjoni li tissema fir-rapport indikat tirreferi għall-fatt li biex kwalunkwe` tip ta` kwalifikazzjoni taħdem bis-serjeta` trid tidħol fid-dipartimenti u fil-korporazzjonijiet sistema effiċjenti ta` reporting fuq l-esekuzjoni ta` kull kuntratt biex b`hekk kull kuntrattur ikun jista` jiġi monitored dwar il-kwalita` tax-xogħol tiegħu kif ukoll it-tkomplija fil-ħin tal-kuntratt tiegħu. Mingħajr rappurtaġġ bla dewmien min-naħa tal-klijent ma jistax ikollok proċedura ta` klassifikazzjoni tajba għax din teħtieġ li min juri ħila fix-xogħol tieġu jiġi upgraded jew bil-maqlub.
San Pawl il-Baħar — Reklutaġġ għas-support services
Question
Jista' l-Ministru jivverifika jekk fir-reklutaġġ għall-persuni għas-support services tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar ġewx segwiti l-proċeduri legali kollha inkluż avviżi pubbliċi u proċeduri trasparenti simili?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li skond kopja tal-minuti li ghad iridu jiġu approvati fil-laqgha li jmiss, is-servizz tas-Support Service Clerk fil-Kunsill Lokali ta` San Pawl il-Baħar u l-proċeduri legali rikjesti ġew segwiti.
Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inizjattivi edukattivi u ta' taħriġ għandhom ppjanati l-ETC għaż-żgħażagħ bla xogħol li huma fl-eta' ta' bejn is-16-il sena u 24 sena? X'inhuma l-kwalifiki edukattivi (jew nuqqas tagħhom) ta' dawn iż-żgħażagħ? Kemm minnhom ma jafux jiktbu u jaqraw? Kemm minnhom huma bla sengħa? X'qed isir għal dawn iż-żewġ tipi ta'żgħażagħ mill-ETC?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ETC ilha għal diversi snin toffri korsijiet li huma miftuħa għal kulħadd inkluż żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol. L-ETC ħejjiet diversi inizjattivi ġodda biex tgħin fit-taħriġ ta' żgħażagħ qiegħda bl-iskop li dawn isibu mpieg. Dawn jinkludu (1) programmi ta'taħriġ ġodda imsejħa traineeships fejn iż-żgħażagħ ikunu mistennija jagħmlu kemm taħriġ liċ-ċentri ta' l-ETC kif ukoll taħriġ prattiku fi stabbiliment industrijali (2) skemi ġodda biex tħajjar żgħażagħ jibdw negozju għal rashom (3) seminars li matulhom iż-żgħażagħ jingħataw informazzjoni fuq trends fis-suq tax-xogħol f'Malta, pariri fuq karrieri u xogħol, u anke taħriġ f'suġġetti bażiċi bħal kif wieħed ifittex ix-xogħol. L-ETC u l-iskejjel tas-snajja qed jikkollaboraw flimkien biex dawk iż-żgħażagħ li joħorġu minn dawn l-iskejjel u ma jkomplux apprendistat jingħataw taħriġ alternattiv. Ta' min wieħed isemmi li riċentement l-ETC kienet impenjata f'ħidma biex tikkonvinċi żgħażagħ li qed jirreġistraw għal xogħol klerikali biex jibdew kors fil-kompjuter programming li l-ETC qed torganizza flimkien mal-MITTS u b'hekk itejbu l-prospetti tagħhom li jsibu mpjieg. Għal dawk li ma jafux jaqraw u jiktbu, l-ETC kemm-il darba organizzat korsijiet għalihom flimkien mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.
Il-kwalifiki ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol li huma bejn is-16 u l-24 sena hija kif ġej:
Secondary Level 2,082
Intermediate Level 13
'A' Level 248
Diploma 6
Degree 94
Hemm 251 persuna llitterata u 151 persuna bla ebda sengħa.
B'riferenza għax-xogħol ta' l-ETC, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm studenti nstabilhom/jew għandhom sponsor fl-iskemi ESTS u TAS? Kemm hemm studenti li ma nstabilhomx sponsor? X'se jiġri minn dawk li huma bla sponsor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-apprendisti li daħlu fl-iskemi TAS u ESTS fl-1998, instab sponsor għal 267 apprendist filwaqt li fadal 138 apprendist ieħor li għad irid jinstabilhom stabbiliment industrijali/kummerċjali li jiprovdilhom taħriġ prattiku. L-ETC għadha għaddejja bil-ħidma tagħha biex tassisti lil dawn ta' l-aħħar isibu sponsor. Inħolqu strutturi ta' koordinament bejn l-ETC u d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni biex l-istudenti jiġu gwidati aħjar biex jidħlu f'apprendistati f'oqsma li fihom hemm prospetti aħjar ta' xogħol u taħriġ.
Jista'l-Ministru jgħid f'liema suġġetti l-istudenti tal-Junior College għadhom bla lecturers? X'qed isir biex il-vakanzi jimtlew? F'liema suġġetti l-istudenti tal-Junior College tnaqqsulhom is-sigħat tal-lecturing biex l-istess lecturer ikun jista' jlaħħaq ma' iżjed studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-fatt li fil-'Junior College' daħlu 'l fuq minn 350 student aktar milli kien mistenni, inħolqot sitwazzjoni ta' nuqqas ta' għalliema. Madanakollu, wara sforz kollettiv minn dawk konċernati biex jiġu ngaġġati numru ta' għalliema 'full-time' u 'part-time', in-numru ta' siegħat nieqsa fit-tagħlim issa naqas drastikament tant li wieħed jispera li dan in-nuqqas jispiċċa għal kollox sa nofs il-ġimgħa d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema suġġetti għandhom għalliema neqsin l-istudenti: (1) tal-Junior Lyceums; (2) tas-sekondarji; (3) ta' l-iskejjel tas-snajja'; (4) ta' l-iskejjel speċjali; (5) tal-primarji; (6) ta' l-istituti tekniċi; (7) tal-Liċeo Superjuri Paolino Vassallo; (8) ta' l-istituzzjonijiet post-sekondarji kollha? X'qed isir biex ikun hemm l-għalliema meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f-iskejjel Primarji ta' l-istat ma hemmx għalliema nieqsa.
Filwaqt li qed jiġi verifikat in-numru ta' lezzjonijiet ta' suġġetti fl-iskejjel Sekondarji, Junior Lyceums u skejjel tas-Snajja' li għalihom għad ma nstabux għalliema, jidher li l-problema prinċipali hi fil-Physics u l-Computing, u f'miżura anqas fil-Home Economics.
Biex ikun hemm l-għalliema meħtieġa, bħalissa qed isiru intervisti biex jiġu ngaġġati għalliema Temporanji. Hemm ukoll l-avviż dwar is-Supply Teachers li permezz tiegħu għadhom jintlaqgħu applikazzjonijiet fis-suġġetti kollha bl-iskop li malli jidħlu applikazzjonijiet fis-suġġetti li hemm nuqqas fihom isiru l-intervisti meħtieġa ħalli n-nuqqas jimtela' mill-iktar fis possibbli.
Fl-Iskejjel Post Sekondarji hemm dawn l-għalliema neqsin:
1. Fl-Istituti Tekniċi
a) Electronics load waħda
b) Electrical Engineering nofs load
c) Refridgeration and Air Conditioning load waħda
d) Mechanical Engineering nofs load
2. Paolino Vassallo Upper Lyceum
a) Computer Studies 2 loads
3. Istituzzjonijiet Post Sekondarji Oħra
a) Ġografija load waħda
b) Spanjol load waħda
c) Matematika 2 loads
d) Fiżika 2 loads
Qed nistennew ir-riżultati ta' l-interviews ta' l-għalliema temporanji biex nissodisfaw dawn il-bżonnijiet.
Fil-każ tas-suġġetti tekniċi, tlabna l-għajnuna ta' l-industrija.
Jista' l-Ministru jara li l-Awtorita' ta'l-Ippjanar tibgħat uffiċjali tagħha jispezzjonaw il-bini kollu li hemm fi Triq is-Sebuqa f'San Ġwann? Tista' l-Awtorita' ta'l-Ippjanar tivverifika jekk fit-triq imsemmija sarx żvilupp ta' bini meta ma kienx hemm applikazzjoni għalih?
Response (BORG, TONIO)
B'riferenza għal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10268 dwar żvilupp illegali fi Triq is-Sebuqa f'San Ġwann, ninforma l-Onorevoli Membru illi jirriżulta li fiż-żona ndikata nħareġ Stop and Enforcement Notice skond l-Att I ta' l-1992 dwar l-Iżvilupp, avviż numru ECF 153/99, fil-15 ta' Frar 1999. Dan għaliex irriżulta li l-iżvilupp li sar ma kienx konformi mal-permess PA 5404/98 maħruġ fid-29 ta' Ottubru 1998.
Sussegwentement, fl-24 ta' Marzu 1999 saret applikazzjoni (PA 1498/99) sabiex tissana l-iżvilupp li sar, kif ukoll sabiex isiru xi alterazzjonijiet għall-permess oriġinali, liema applikazzjoni għada pendenti quddiem l-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
19.10.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jivverifika jekk fil-proċess biex jinkera bini għal Day Centre ta' l-anzjani, l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar mexiex kif suppost jew jekk ippermettiex lill-viċi sindku li tefa' offerta għall-kiri u xorta ħa sehem attiv iżur u jassessja l-bini ta' kompetituri oħra li tefgħu l-offerta wkoll?
Response (GATT, AUSTIN)
Rigward il-kirja tal-bini ghal Day Centre ta` l-anzjani mill-Kunsill Lokali ta` San Pawl il-Baħar, ninsab infurmat mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali li kull offerta kienet miftuħa ghall-pubbliku kollu u ghaldaqstant il-Viċi Sindku kellu kull dritt iżur il-postijiet kif kellu d-dritt kull min tefa` l-offerta.
Il-Viċi Sindku ma ħax parti attiva fid-diskussjoni dwar l-istess kirja.
Irrid inżid illi fil-White Paper dwar il-Kunsill Lokali il-Gvern ghamel proposta li kunnsilliera jiġu eskluzi milli jaghmlu offerti ghal `tenders` maħruġa mill-Kunsill Lokali li taghhom huma kunsilliera.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li applikaw biex jidħlu fil-Higher Secondary Giovanni Curmi tan-Naxxar biex isegwu kors li jippermettilhom jerġgħu joqogħdu għall-eżamijiet Matsec f'livell ordinarju? Kemm minnhom ma ġewx aċċettati? Hemm xi ħsieb li jiġi provdut servizz edukattiv "second chance" għall-istudenti sekondarji li jispiċċaw l-aħħar sena skolastika tagħhom bla kwalifiki u bla sengħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li applikaw biex jidħlu Ġiovanni Curmi "Higher Secondary School" tan-Naxxar, biex isegwu kors li jippermettilhom jerġgħu joqogħdu għall-eżamijiet li jwasslu għas-Sec f'livell Ordinarju, hu 407. 397 student oħra applikaw biex jistudjaw suġġett avvanzat flimkien ma' xi suġġetti f'livell ordinarju. L-istudenti kollha li applikaw u kienu kwalifikati biex jidħlu, ġew aċċettati.
Id-Dipartiment ta' l-istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti joffri wkoll korsijiet ta' rivisjoni li jwasslu għall-SEC f'16-il suġġett. Dawn il-korsijiet qed jiġu offruti filgħaxija.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bdiet tikkonsidra x'miżuri aħjar jistgħu jitwettqu biex jingħataw ċans ieħor dawk l-istudenti sekondarji li wara l-Form V ikunu jixtiequ jerġgħu jippruvaw l-eżamijiet ordinarji tal-MATSEC.