Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi biex studenti Mellieħin li jmorru l-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli ma jinġabrux kmieni ħafna (6.45 a.m. - 7.00 a.m.) mill-Mellieħa meta l-iskola tibda fit-8.30 a.m. u l-istudenti qed ikollhom jistennew iżjed minn siegħa barra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li huwa diffiċli li t-trasport jibda aktar tard mis-sebgħa ta' filgħodu sabiex jiġi assigurat li ħadd ma jasal tard għal-lezzjonijiet. Hemm Working Group li x-xogħol tiegħu li jżomm taħt attenzjoni kontinwa s-sitwazzjoni tat-trasport ta' l-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-Knisja, skola bi skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru tat-tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel tal-Knisja Skola bi Skola sa issa huwa hekk:
SKOLA NUMRU TA' TFAL
BI BŻONNIJIET SPEĊJALI
St Benilds School 2
St Dorothy's Żebbuġ 5
St Elizabeth Sliema 3
St Francis Cospicua 3
St Francis Msida 4
St Joseph B'Bajda 7
St Joseph Sliema 3
St Monica B'Kara 3
St Monica Gżira 4
St Monica Qormi 1
De La Salle College 12
Mater Boni Consiglii 5
Our Lady Immaculate 11
St Francis B'Kara 1
Sacred Heart St Julians 5
St Augustines College 3
St Albert College 3
Stella Maris Balzan 7
Stella Maris College 7
Theresa Nuzzo Ħamrun 2
Theresa Nuzzo Marsa 7
Bishop Conservatory 2
St Michaels School 1
St Theresa School 2
St Vincent School 1
104
Din il-Figura ma tinkludiex il-każijiet pendenti li l-Istatementing Board għandu f'idejh bħal issa.
Jista' l-Ministru jara x'passi qed jittieħdu biex l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament u li jattendi l-iskola tan-Naxxar li għandu diffikultajiet biex jitgħallem jingħata l-għajnuna biex jibbenefika tassew mill-edukazzjoni li hu ntitolat għaliha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talba għal-Facilitator għal din it-tifla waslet ftit ilu għaldaqstant dan il-każ għadu qed ikun evalwat mill-Istatementing Board.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema suġġetti għad hemm lecturers nieqsa fil-Junior College? Se jimtlew il-vakanzi kollha jew se jkun hemm suġġetti bħal Ingliż (intermediate) li taw x'jifhem lill-istudenti li jridu jwaqqgħuh għax mhux se jkun hemm min jgħallimulhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Junior College għad fadal dawn is-suġġetti li fihom għad hemm lecturers nieqsa:
1. Ingliż (16-il siegħa)
2. Home Economics (6 siegħat)
3. Marketing (4 siegħat) u
4. Information Techology (sagħtejn).
Qed isiru l-isforzi kollha sabiex jinstabu għalliema anke part-time għal dawn is-suġġetti.
Informat ukoll li ebda student ma kien imġiegħel iwaqqa' xi suġġett minħabba dan in-nuqqas.
Jista' l-Ministru jispjega kif l-istudenta, li isimha qed jintbagħat separatament, fl-ewwel sena tal-B.Pharm fl-Universita' ta' Malta ġiet promossa għat-tieni sena meta weħlet f'eżami bħal sħabha u sħabha qed ikollhom jirrepetu l-ewwel sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux korrett li jingħad li l-istudenta indikata weħlet bħal sħabha. L-istudenta għaddiet mill-eżamijiet kollha - wieħed għaddiet f'Ġunju u r-riżultat kien ippublikat dak iż-żmien u tlett eżamijiet oħra għaddiet f'sessjoni supplementari (re-sit) f'Settembru.
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum x'sorveljanza saret biex jiġi vverifikat jekk il-watchmen humiex qed ikunu fl-iskejjel fejn suppost ikunu xogħol? X'instab minn din is-sorveljanza?
Per eżempju, kif qed jiġi żgurat li l-iskola Umberto Colosso qed tkun issorveljata bil-lejl?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandhiex ir-riżorsi biex tagħmel sorveljanza fuq l-iskejjel kollha kuljum, fejn hemm il-watchmen. Biss, meta jidħol xi rapport dwar in-nuqqas ta'xi watchman f'xi skola partikulari, isiru arranġamenti għal speżżjonijiet ad hoc.
S'issa, dwar l-iskola Umberto Colossa, għad ma daħlu ebda rapporti dwar xi nuqqas minn naħa tal-watchmen li huma stazzjonati hemmhekk.
Jista' l-Ministru jgħid sal-lum f'liema skejjel sekondarji u post-sekondarji hemm għalliema neqsin u f'liema suġġetti?
X'qed isir biex jinstab rimedju għal nuqqasijiet ta' għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li student tat-tielet sena fl-Iskema TAS li kien jieħu Lm28.50 fil-ġimgħa issa qed jieħu Lm21 fil-ġimgħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Apprendist tat-tielet sena fl-iskema TAS kien jieħu paga grossa ta' Lm31.13 fil-ġimgħa. Bis-sistema l-ġdida, l-apprendist issa ser jieħu Lm31.61 fil-ġimgħa. Parti minn din is-somma tingħata f'forma ta' għotja ta' manteniment mill-gvern u parti oħra f'paga mill-isponsor.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sens jagħmel li fl-iskema ESTS fl-iskola Stefano Zerafa il-kors ta'auto-electricians qed jitħawwad ma' dak tal-car mechanics meta hemm bżonn li l-istudenti jiġu esposti għal iżjed tagħlim fl-elettronika peress li aktar u aktar partijiet tal-karozzi qed jaħdmu b'mod elettroniku?
Tista' tinbidel din id-deċiżjoni żbaljata li aktarx ittieħdet minħabba nuqqas ta' għalliema fl-elettronika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-apprendistat tal-mechanics tal-karozzi taħt l-iskema ESTS li jsir fl-iskola Stefano Zerafa diġa jkopri taħriġ f'tiswijiet ta' natura mekkanika, elettrika u elettronika. Għalhekk, l-apprendisti huma diġa esposti għal taħriġ li jkopri t-tlett oqsma. Taħriġ specċjaliżżat f'tiswijiet ta' natura elettronika jsir bħala parti mill-apprendistat għal tekniċi tal-karozzi taħt l-iskema TAS.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb tal-gvern li jagħti millenium bonus li dawk l-impjegati pubbliċi li se jkunu xogħol nhar il-lejl li fih naqilbu mit-tieni għat-tielet millenju?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Gvern mhux qed jilqa talbiet għall-millennium bonus. Il-Kapijiet tad-Dipartimenti tal-Gvern u ta Entitajiet Pubblici ġew infurmati fil-11 ta' Awissu 1999 permezz ta' Ċirkulari MPO/157/1999 li m'għandhomx jilqgħu dawn it-tip ta' talbiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata facilitator lit-tifel li ismu qed jintbagħat separatament li suppost jattendi fit-tielet sena ta' l-iskola primarja tar-Rabat u għadu sal-lum ma ngħatax dak li ġie mwiegħed u għadu mill-bidu tas-sena skolastika m'attendiex skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond ir-rapport ta' l-Istatementing Board, it-tifel konċernat għandu jingħata shared help. Fil-fatt dan it-tifel ġie pprovdut b'facilitator li qed tgħin ukoll tifla oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li huma kwalifikati biex jgħallmu l-Life Skills fl-iskejjel ta' l-Istat?
Kemm hemm għalliema ta' dan is-suġġett f'dawn l-iskejjel:
(1) Kulleġġ San Alwiġi;
(2) Kulleġġ De La Salle;
(3) Kullegg St. Edwards;
(4) Skola ta' St.Martin's
(5) Skola ta' St. Catherine; u
(6) Skola ta' San Anton?
Il-Life Skills huma parti obbligatorja tal-kurrikulum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel ta' l-Istat hemm 117 l-għalliem li huma kwalifikati biex jgħallmu l-Life Skills.
Informat li n-numru ta' għalliema kkwalifikati biex jgħallmu l-Life Skills/PSE f'dawn l-iskejjel huwa kif ġej:
SKOLA GĦALLIEMA
FULL TIME PART TIME
Kulleġġ San Alwiġi 4 x
Kulleġġ Del La Salle 2 x
Kulleġġ St Edwards x 39
Kulleġġ St Martin's 2 1
Skola St Catherine's 1 x
Skola San Anton 3 x
Informat ukoll li dan is-suġġett jifforma parti mill-programm tal-Personal and Social Education (P.S.E.) li sa issa huwa parti mill-kurrikulu fl-ewwel u fit-tieni sena fil-Junior Lyceums u fl-ewwel tlitt snin ta' l-iskejjel Sekondarji.
Skond il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali ġdid, il-Programm ta' Persona and Social Development (kif jirreferu għalih ġeneralment fil-qasam edukattiv internazzjonali) se jkun obbligatorju mill-ewwel sal-ħames sena ta' l-iskejjel sekondarji kollha. (Vide Abbozz Finali paġna 49)
Fil-livell Primarju, il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali ġdid idaħħal il-"Life Skills" b'mod integrat ma' l-esperjenzi l-oħra tat-tagħlim. (Vide Abbozz Finali paġna 45) Id-Dipartiment tal-Kurrikulu se jappoġġja dan it-tagħlim permezz ta' grupp ta' Peripatetic Teachers' għal-P.S.D. fil-Primarja.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 10147, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx rapport lill-ministeru tiegħu dwar il-fatt li ħwienet tas-souvenirs fl-Imdina qed ikollhom ibiegħu bl-għoli għaliex iridu jagħtu kummissjoni lil gwidi skond kif kiteb l-Onor.Edwin Vassallo fil-"Il-Mument" tat-3 ta'Ottubru?
Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li sallum ma saru ebda rapporti uffiċjali lill-Ministeru tiegħi dwar l-ilmenti msemmija fil-mistoqsija tal-Onor Membru.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10146, peress li kien l-Onor.Edwin Vassallo stess li kiteb dwar bejgħ bl-ogħli fl-Imdina għaliex il-ħwienet iridu jagħtu kummissjoni lil gwidi, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx rapport dwar każijiet bħal dawn lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta?
Kemm saru? Meta ġew irrapportati? X'passi ttieħdu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li sar rapport lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta dwar l-operat tal-gwidi li jista' jkun li qed jiksru l-provvedimenti tal-liġi dwar l-Att tal-Kompetizzjoni; liema rapport qed jiġi investigat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għal-liema tip ta'eventwalita' qed jissejħu l-membri tal-Forzi Armati biex ikunu kollha xogħol?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li jekk qed jirreferi għall-jiem lejn l-aħħar tas-sena, m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru 9703 li weġibt fit-12 ta' Ottubru 1999.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ġie deċiż li jinbidel l-avviż legali li ħareġ dwar il-manteniment ta' l-istudenti post-sekondarji biex issa 407 student li qed isegwu l-Ordinary Level Revision Course fil-Higher Secondary Giovanni Curmi tan-Naxxar se jitilfu l-għajnuna li kienu se jingħataw?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru, l-Ordinary Level Revision Course m'huwiex kors post-sekondarju għaliex huwa repetizzjoni ta' l-istudju sekondarju li jwassal għal 'O' Level.
Ta' min ifakkar li dan il-Ministeru kien ħareġ avviż għall-istampa fis-6 ta' Ottubru fejn il-pubbliku ġie mgħarraf b'dan li ġej:
"Ir-Regolamenti ta' l-1999 dwar Għotjiet ta' Manteniment għal Studenti Post-Sekondarji u Terzjarji - Avviż Legali 165 ta' l-1999 - qed jiġu korretti minħabba żvista waqt l-inputtjar tat-test fuq il-kompjuter. Għaldaqstant, f'Parti B ta' l-Iskeda dwar Għotja ta' Manteniment Speċjali qed jiżdiedu l-korsijiet tal-B.Sc Nursing u B.Sc. Midwifery, waqt li minn Parti 1 dwar Studenti Post-Sekondarji qed jitneħħa l-kors ta' Ordinary Level Revision li huwa kors li jirrepeti l-Form V u mhuwiex kors post-sekondarju."
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum, kemm kien hemm minor staff, skola bi skola, li ġew ittrasferiti lejn xi skola oħra u f'kemm kull każ ġew ikkonsultati il-kapijiet ta' l-iskejjel biex isir iċ-ċaqlieq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum ġew trasferiti wieħed u għoxrin (21) persuna fil-gradi ta' Minor Staff. It-trasferimenti saru kif jidher fil-lista li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mhix il-policy li jkunu kkonsultati l-kapijiet, sakemm ma jkunux il-Kapijiet ta' l-iskejjel infushom li jitolbu li xi impjegat ikun trasferit.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal ftuh ta' skejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Minn min saret kull applikazzjoni u f'liema lokalita'? Meta saret kull applikazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta team ta' l-isports (football, volleyball, eċċ.) fil-Junior College jieħu sehem f'xi logħbiet kontra skejjel oħra ma jkunux akkumpanjati minn għalliema? Jikkonferma l-Ministru li din kienet ir-regola s-sena li għaddiet, speċjalment f'logħob bejn l-iskejjel? Jista' jara li din is-sena jkun hemm għalliem mat-timijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Junior College huwa membru tal-M.S.S.F u jipparteċipa fl-attivitajiet sportivi li jiġu organizzati minn din l-għaqda.
Il-Junior College jipparteċipa fil-kategorija taħt id-19-il sena f'dawn id-dixxiplini:
* Volleyball
* Basketball
* Football
* Athletics
Informat ukoll li s-Sur I Riolo huwa full-time Assistant Lecturer fil-Fakulta` ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita` fil-Physical Education Programme u hu responsabbli għall-ko-ordinament ta' l-attivitajiet sportivi fil-Kulleġġ.
Huwa normali illi l-Kulleġġ jaħtar Senior Team Captains li jorganizzaw it-timijiet rispettivi tagħhom, jiffissaw il-ħinijiet għat-training u għal-laqgħat u jwasslilhom l-informazzjoni meħtieġa fil-Kulleġġ.
Dan jagħti l-opportunita` ta' 'leadership' u l-etika sportiva.