Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna se jingħata t-tifel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinstab fil-ħames sena ta' l-iskola Primarja tal-Qrendi u li għandu diffikultajiet kbar biex jitgħallem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan it-tifel qiegħed fis-sitt sena Year 6 (2) u mhux fil-ħames sena. Tfal f'din il-klassi hemm disgħa u x-xogħol li jsir huwa ppjanat speċifikament għalihom.
Jista' l-Ministru jara li tiġi pprovduta attenzjoni speċjali għat-tfal, li isimhom qed jintbagħat separatament, li jinsabu fil-ħames klassi ta' l-Iskola Primarja tal-Qrendi li huma batuti ħafna u ta' għaxar snin diġa' huma kkundannati li jispiċċaw l-edukazzjoni primarja b'nuqqasijiet kbar? Hemm xi tama li nagħtu opportunita' lil dawn it-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed tingħata kull attenzjoni minn naħa ta' għalliema biex dawn it-tfal jimxu l-quddiem.
Kif jaf sew l-Onor. Membru huma biss dawk it-tfal li jkunu referuti lill-iStatementing Board u li jinstabu li għandhom bżonn l-għajnuna ta' facilitator li jingħataw din l-għajnuna.
Jista' l-Ministru jgħidilna xi proċedura intużat sabiex għalliema gradwata bil-B.Ed. fil-Primarja tidħol tgħallem fil-Gozo School of Music meta din lanqas qagħdet għall-interview li huwa rikjest għall-istess skola? Peress li min iggradwa fil-Primarja ma jistax joqgħod għall-interviews tas-sekondarja jew xi skola oħra bħalma hi dik tal-mużika, jista' l-Ministru jgħid jekk dan sarx irregolarment jew a skapitu ta' għalliem/a oħra li huma gradwati fil-mużika?
Jista' jgħidilna wkoll jekk hemmx xi ordni f'dan il-qasam biex l-Għawdxin jingħataw priorita' fuq il-Maltin anke jekk bħal f'dan il-każ partikolari, l-għalliema Għawdxija ma tkunx eliġibbli għal dan il-post? Xi kwalifiki mużikali (degrees/diplomi) għandha din l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema gradwata bil-B.Ed. li dan l-aħħar intbagħtet tgħallem fl-Iskola tal-Mużika f'Għawdex applikat kemm biex tgħallem fil-Primarja kif ukoll biex tgħallem il-Mużika fis-Sekondarja jew Post-Sekondarja.
Informat ukoll li meta kien hemm post vakant fl-iskola tal-Mużika, skond l-ordni ta' mertu mogħtija mis-selection board għall-għalliema tal-mużika, kien imiss lil din l-għalliema biex tkun impjegata u għaldaqstant ġiet trasferita mill-iskola Primarja f'Malta fejn diġa' kienet bdiet tgħallem għall-iskola tal-Mużika Għawdex. Dan it-trasferiment sar fuq talba tagħha. Dak iż-żmien din kienet l-unika talba għal trasferiment għal din l-iskola.
Informat ukoll li ma ingħatat ebda ordni biex l-Għawdxin jingħataw priorita` fuq il-Maltin.
Fl-aħħarnett informat li l-għalliema li ġiet trasferita fl-iskola tal-Mużika Għawdex għandha dawn il-kwalifiki:
B.Ed. (Hons.)
Pianoforte Grades 1-5 Practice Royal School of Music
1-5 Theory Royal School of Music
Pianoforte Grades 1-8 Practice Trinity College
1-8 Theory Trinity College
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għat-talba tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li fit-22 ta' Settembru, 1999 talbet li f'sit f'Ħal Kirkop jinbena ċentru sportiv u skola sekondarja ġdida, liema skola sekondarja kellha tinbena fin-Nigret fiż-Żurrieq kif dejjem sostniet l-istess Awtorita'ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-talba li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant qed tiġi mistħarrġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar. L-opinjoni ta` l-Awtorita` dwar din it-talba tkun tista` tiġi ifformulata biss wara li tgħaddi mill-proċessi kollha meħtieġa skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittra li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bagħtet lid-Diviżjoni ta'l-Edukazzjoni (datata 28 ta' Mejju, 1999 Ref. DCU/CAN/042/99) iffirmata mill-Perit George Cilia, DCU manager fejn dwar l-iskola sekondarja taż-Żurrieq jintqal: "It is therefore clear that the Nigret site is the most appropriate in view of the above consideration"? Inbidlet il-pożizzjoni ta' l-awtorita'? Għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-ittra msemmija. Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10867 f`din l-istess Seduta, ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qiegħda tikkunsidra talba formali li saret mid-Dipartiment ta` l-Edukazzjoni fit-22 ta` Settembru 1999 għal-bini ta` Ċentru Sportiv u skola sekondarja ġdida f`Ħal Kirkop.
Sadanittant tajjeb wieħed jinnota li l-opinjoni tad-D.C.U. Manager jew ta` kwalunkwe Case Officer ieħor fid-Direttorat tal-Ippjanar, bl-ebda mod ma għandha titqies bħala deċiżjoni finali tal-Awtorita` tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Biedja tax il-permessi meħtieġa biex art pubblika fl-inħawi ta' l-Għerien fil-konfini taż-Żurrieq tiġi okkupata biex tinħadem wara li minnha tqaċċtu s-siġar, ittella' ċint u tpoġġiet il-ħamrija? Meta ngħataw il-permessi? Lil min? Kien hemm oħrajn li xtaqu l-istess biċċa art? B'liema kondizzjonijiet ingħatat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment tal-Biedja la ta u lanqas jista' jagħti permessi biex isir dan it-tip ta' xogħol. Dan l-iżvilupp għandu bżonn permess ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar wara li jsiru konsultazzjonijiet ma' diversi dipartimenti tal-Gvern inklużi d-Dipartiment ta' l-Art u d-Dipatiment ta' l-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa d-Dipartiment ta' l-Artijiet wara l-korrispondenza li bagħatlu l-Kunsill Lokali ta' Pembroke dwar: (1) oġġezzjoni għall-avviż numru 186 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern (korrispondenza datata 28/10/99); (2) memo 25/1999- Devoluzzjoni lokali biex il-kunsill jingħata biċċa art għaċ-ċentru ċiviku u kummerċjali (korrispondenza 15.10.99)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Artijiet ser jagħti kunsiderazzjoni għall-oġġezzjoni tal-Kunsill Lokali ta` Pembroke fid-dawl ta` l-offerti li jirċievi d-Dipartiment ta` l-Artijiet sad-data ta` l-għeluq tas-sejħa.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment għat-tmexxija tal-Proprjeta` m`għandu l-ebda talba mingħand id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għal devoluzzjoni ta` proprjeta` f`Pembroke.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu wara lmenti tul Ottubru 1999 li fi Triq Galileo fil-Kortin, il-Mellieħa qed ifuru l-fosos u jniġġsu l-inħawi? Meta hemm il-ħsieb li s-sistema tad-drenaġġ tiġi estiża għal dawn l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara studju estensiv f'dawn l-inħawi ġie fformulat tender biex jinqdew ir-residenti tal-Kortin bis-sistema tad-drenaġġ. Minħabba l-pożizzjoni ta' dan is-sit hemm bżonn isir 'gravity main', sistema ta' mini (jew 'galleries'),'Pumping Station' u 'rising main' twil. L-istima approssimattiva ta' dan it-tender hija ta' Lm150,000 u huwa fil-ħsieb li jibda x-xogħol is-sena d-dieħla
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema b'permanent warrant u kemm b'temporary warrant li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja u kemm f'kull każ huma reliġjużi u kemm huma lajċi? Kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel? Kemm hemm kapijiet u assistenti kapijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li l-istatistika tat-Teachers ta' l-iskejjel tal-Knisja għas-sena Skolastika Kurrenti għadha tintbgħat, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għad m'għandux f'idejh din l-istatistika kollha u għalhekk hu kmieni biex inwieġeb għal din il-msitoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti se jittieħdu biex il-Kors fit-Teknoloġija Dentali jibda tassew f'Ottubru 2000 u mhux jerġa' jiġri, kif ilu jiġri mill-1994 li dejjem tinstab xi spjega biex dan il-kors ma jsirx? F'Ottubru 2000 se nerġgħu naraw ripetizzjoni ta' x'ġara f'kull Ottubru 1994 'l hawn u l-kors jerġa' ma jibdiex?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10250 fejn joħroġ ċar li r-raġuni unika għaliex din is-sena ma fetaħx il-Kors indikat kienet li l-arranġamenti li riedu jsiru mad-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jibda jintuża l-laboratorju tat-Teknoloġija Dentali fl-Isptar San Luqa ħadu fit-tul u ġew konklużi f'Lulju 1999 u għaldaqstant ma kienx hemm żmien biżżejjed sabiex ir-regolamenti tal-kors jiġu kkunsidrati mis-Senat u mill-Kunsill ta' l-Universita`.
1. Il-ftehim bejn l-Universita` u d-Dipartiment tas-Saħħa
biex jintuża l-laboratorju fid-dipartimenti tad-
Dentistrija intlaħaq u se jintuża wkoll il-laboratorju
ta' l-Universita` fl-Iskola Medika.
2. Ġew imfasslin ir-Regolamenti tal-Kors u dawn se jkunu
ssottometti lis-Senat ta' l-Universita` għal approvazzjoni.
3. Is-sillabus dettaljat tal-Kors ġie konkluż ukoll.
4. Saru arranġamenti biex dawk is-suġġetti li huma komuni
ma' korsijiet paramediċi oħra jiġu mgħallmin fl-istess
ħin u b'hekk tonqos l-ispiża.
5. Ġew stabbiliti n-numru ta' għalliema neċessarji tal-kors.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet ir-Restoration Unit wara t-talba tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi biex jissewwa t-torri tal-Ħamrija wara l-ħsara li saritlu fl-1 ta' Settembru, 1999? X'xogħol ieħor jonqos isir fuq dan it-torri biex ikun f'kundizzjoni tajba? Meta se jsir dan ix-xogħol? X'relazzjonijiet jeżistu bejn ir-Restoration Unit u ċ-Ċentru ta'l-Istudji tar-Restawr?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-Restoration Unit kienet diġa qiegħda tagħmel studju intensiv fuq il-ħsarat ta' dan it-torri meta ġara l-inċident ta' l-1 ta' Settembru. Rapport fuq il-ħsarat kien diġa sar kemm mill-perit inkarigat kif ukoll minn ġeoloġista tad-dipartiment konċernat. Minn dak iż-żmien 'l hawn saret talba lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex isir xogħol ta' restawr kemm jista' jkun malajr. Il-pjanti u t-tender biex isir dan ix-xogħol jinsabu fl-aħħar fażijiet ta' tħejjija.
Ix-xogħol mistenni li jinbeda kmieni s-sena d-dieħla.
Uffiċjal mir-Restoration Unit inħatar bħala membru fuq il-'Board of Governors' taċ-Ċentru ta' l-Istudji tar-Restawr.
Jista' l-Ministru jgħid l-istudent li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament kienx ikkwalifikat biżżejjed biex jibda l-kors Certificate in Nursing Practice organizzat mill-Institute of Health Care?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudent indikat kien eliġibbli biex jibda l-kors imsemmi iżda sad-data li fiha setgħu jintlaqgħu applikazzjonijiet tard, li kienet fis-27 ta' Awissu, hu ma applikax.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-Pulizija, l-Awtorita' ta'l-Ippjanar u d-Dipartiment ta'l-Artijiet dwar abbużi li tkellem dwarhom il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fl-aħħar jiem dwar rimi ta' terrapien, reklamazzjoni bla permess u ħsarat lis-sejjieħ fl-inħawi fil-Mellieħa u madwarha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-20 ta` Settembru, 1999, ftit ħin wara li rċevew rapport mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, il-Pulizija marru fuq il-post indikat fejn instabu xi persuni jagħmlu xogħol ta` reklamazzjoni ta` art. Dawn ġew ordnati jieqfu milli jagħmlu dan ix-xogħol. Il-Pulizija qed tagħmel sorveljanza ta` dan il-lokal sabiex ma jsirx xogħol, in vista ta` stop notice maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Min-naħa ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ninsab infurmat li din ħadet il-passi neċessarji skond l-Att 1 ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp u nħarġu Stop and Enforcement Notices kontra l-Kummissarju ta` l-Artijiet bħala sid l-art.
Għal dak li jirrigwardja d-Dipartiment ta` l-Artijiet, dan jinvestiga kull każ li jiġi rrappurtat lilu dwar rimi ta` terrapien jew reklamazzjoni ta` art bla permess. Kif jista` jifhem l-Onorevoli Membru, id-Dipartiment jiddependi ħafna fuq informazzjoni mogħtija lilu biex ikun jista` jieħu l-passi kollha meħtieġa skond il-liġi kontra min jabbuża.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex plot 217 fi Triq Għajn Żejtuna, Santa Maria Estate, Mellieħa, qed jitħalla mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar jibni barra mil-linja ta' bini ieħor? Għaliex qed jitħalla jibni fuq l-indefinite water course? Għaliex tħalla jidfen bil-konkos mnejn għaddej l-ilma ġieri fil-wied? Meta se jreġġa' lura fi stat naturali l-parti tal-wied li difen bir-radam illegalment?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9867, ninsab infurmat mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar illi ma jirriżultax li sar xi bini barra mill-linja; ma jirriżultax li qed isir xi bini fuq l-indefinite water course u lanqas jirriżulta li sar radam bil-konkos 'il barra miż-żona approvata fil-permess PA 1568/97. Irriżulta iżda, li ntefa` radam żejjed fil-wied u dan sar illegalment, kif ukoll inbena ħajt ta` madwar għoxrin pied iżjed minn dak approvat.
Ninsab infurmat ukoll li nħareġ Stop & Enforcement Notice Numru 973/99. Is-sid ikkommetta ruħu li jottempora ruħu ma` l-Avviż kif maħruġ. L-Awtorita` se tkun qed tosserva l-iżvilupp u tieħu dawk il-passi kif mitlub mill-liġi jekk ikun il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu f'kull każ l-inkjesti li saru jew għadhom qed isiru dwar imwiet li seħħew fl-Isptar San Luqa minn Settembru 1998 sal-lum? Il-familjari tal-mejta ġew infurmati bir-riżultati ta' dawn l-inkjesti? Meta huwa maħsub li jintemmu l-inkjesti dwar l-imwiet? Għaliex il-familjari jitħallew fil-għama dwar dawn l-inkjesti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex tinġabar lura mingħand l-għalliema/librara nkarigati mill-kotba skolastiċi fl-iskejjel tal-gvern il-lista ta' kotba li wriet qabża sostanzjali fil-prezzijiet tal-kotba? Intbagħtet xi lista ġdida ta'dawn il-kotba bil-prezzijiet kif għandhom ikunu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-15 ta' Ottubru 1999, f'kull skola ntbagħtet Memo li tikkonferma bil-miktub il-lista ta' prezzijiet tal-kotba li qed tintuża mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hija dik li intużat għal dawn l-aħħar numru ta' snin. Numru sostanzjali ta' skejjel kienu diġa' ġew ikkuntattjati bit-telefon u sar kuntatt dirett ma' ħafna librara.
Sabiex ma tinħoloqx konfużjoni b'xi lista oħra, il-messaġġ li ntbagħat fl-iskejjel kien li għandhom jużaw il-lista oriġinali bil-prezzijiet li ilhom fis-seħħ għal numru ta' snin.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittri li permezz tagħhom iż-żewġ predeċessuri tiegħu nfurmaw lill-familja Briffa li l-art tagħhom fin-Nigret, fiż-Żurrieq, mhux se tingħatalhom lura għax fuqha trid tinbena skola sekondarja tal-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li miż-żewġ predeċessuri tiegħi, kien wieħed biss, cioe` l-istess Onor. Membru li kiteb lill-familja Briffa li l-art tagħhom fin-Nigret iż-Żurrieq mhux se tingħatalhom lura għax fuqha trid tinbena skola sekondarja tal-Gvern. Kopja ta' din l-ittra ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tinżamm il-wegħda li għamel fis-7 ta' April, 1999 li l-istudenti universitarji li bdew il-kors f'Ottubru 1997 jieħdu l-arretrati minn Jannar 1999 bir-rata l-ġdida ta' l-istipendju? Kemm huma maħsub li jammontaw dawn l-arretrati b'kollox?
Response (GALEA, LOUIS)
Dawn l-istudenti ser jieħdu l-għotja ta' għajnuna kapitali ta' Lm400 sħiħa, u mhux imnaqqsa pro rata għas-snin li għaddew, kif diġa' spjegajt fil-pubbliku. F'kull każ l-ammont aktar milli jkopri l-arretrati tad-differenza fl-għotja kull xahar tal-manteniment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-iskola Giovanni Curmi tan-Naxxar li qed isegwu kors ta' "A" Level u ġew aċċettati bi 3 "O" Levels biss? Kemm suppost li kellhom "O" Levels biex jiġu aċċettati għal dan il-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ebda student bi 3 'O' Levels ma ġie aċċettat għall-kors ta' 'A' Level fl-iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi Naxxar. Biex jiġu aċċettati għal dan il-kors, l-istudenti irid ikollhom mill-anqas 4 'O' Levels.
Jista' d-Dipartiment ta' l-Artijiet jgħid ta' min hi l-art li fit-22 ta' Settembru, 1999 id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ndikatlu bħala sit fejn tixtieq tibni ċentru sportiv u skola sekondarja ġdida f'Ħal Kirkop?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, u li hi msemmija fl-ittra li d-Dipartiment ta` l-Artijiet irċieva mid-Diviżjoni ta` l-Edukazzjoni, hija proprjeta` tal-Gvern.