Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11034 Sitting 178 1999-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Żurrieq — Ta' l-Għerien - Art pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Artijiet u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tawx il-permessi meħtieġa biex art pubblika fl-inħawi Tal-Għerien fil-konfini taż-Żurrieq tiġi okkupata wara li minnha tqaċċtu s-siġar, ittella' ċint u tpoġġiet il-ħamrija? Meta ngħataw il-permesi meħtieġa? Lil min? B'liema kondizzjonijiet? Jekk ma ngħatawx il-permessi meħtieġa, x'passi se jittieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma nħarġux permessi, la mad-Dipartiment ta` l-Artijiet biex tiġi okkupata l-art pubblika li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, u lanqas nħarġu permessi mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal xi xogħol fuq din l-istess art. Ninsab infurmat ukoll li, minn investigazzjoni minn Uffiċjali ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irriżulta li persuna, li l-identita` tagħha hija magħrufa, kienet qed tagħmel xi xogħol illegali fuq l-art imsemmija. Din il-persuna ġiet ordnata li tieqaf milli tkompli bix-xogħol, kif fil-fatt sar. L-istess persuna ġiet ordnata ukoll biex issegwi l-proċeduri stabbiliti mill-Liġi. L-Awtorita` qed tkompli bl-istħarriġ neċessarju mad-Dipartiment ta` l-Artijiet dwar il-każ, fejn mistennija jittieħdu l-passi skond kif mitlub fl-Att 1 ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp.
Leg 9 PQ #11036 Sitting 178 1999-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Naxxar - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex fl-iskola primarja tan-Naxxar jiġu mmoderati l-eċċessi fis-Sitt Klassi peress li f'dik "A" lit-tfal iħaddmuhom ħafna qishom fabbrika għall-eżamijiet tal-Junior Lyceum u ftit għandhom ħin għall-isports u ħruġ, waqt li fil-klassi "B" lit-tfal iħaddmuhom mill-inqas, joħorġuhom ħafna u jagħmlu ħafna sports għax iqisuhom li ma tantx se jaslu għall-Junior Lyceum?

Response (GALEA, LOUIS)

Bagħat il-kummenti ta' l-Onor. Membru għall-konsiderazzjoni tal-kapijiet rispettivi ta' l-iskejjel konċernati.
Leg 9 PQ #11037 Sitting 178 1999-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li min jieħu ħsieb Kinder 2, li isimha qed jintbagħat separatament, fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar sabtet xi tifel fil-klassi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta saret l-investigazzjoni instab li dawn l-allegazzjonijiet huma infondati.
Leg 9 PQ #11038 Sitting 178 1999-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Attard - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm attenda skola fl-ewwel xahar tas-sena skolastika l-għalliem, li ismu qed jintbagħat separatement, li jgħallem Year 6 fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard? X'qed jiġri mit-tfal tal-klassi fl-assenza tiegħu, x'attenzjoni qed jingħataw? Peress li għandi informazzjoni li meta jattendi skola juża t-telecell fil-klassi, iwaddab il-pitazzi lit-tfal u jgħid kliem bħal "li ma jibża' minn ħadd", jista' l-Ministru jinvestiga dawn l-ilmenti u jittieħdu l-passi neċessarji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul ix-xahar ta' Ottubru l-għalliem imsemmi ma attendiex 9 darbiet mis-27 jum ta' l-iskola għax kien fuq sick leave. Fl-assenza tiegħu t-tfal qed jitqassmu fi klassijiet oħra skond l-abilitajiet tagħhom u b'hekk ikunu jistgħu jsegwu f'ambjent li joqgħod għalihom. Tlabt lid-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni jistħarreġ fid-dettall l-allegazzjonijiet fil-konfront ta' dan l-għalliem u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa.
Leg 9 PQ #11005 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fgura

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw l-għajnuna meħtieġa l-istudenti li isimhom qed jintbagħtu separatament fl-iskola primarja tal-Fgura? Jista' jinvestiga rapporti li dawn it-tfal ġew ittrattati ħażin f'din l-iskola minflok ma ġew mgħejjuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ż-żewġ studenti msemmija fl-iskola primarja tal-Fgura ilhom xi żmien jingħataw għajnuna, kemm permezz ta' counselling flimkien mal-ġenituri tagħhom kif ukoll permezz ta' assessment minn diversi servizzi fosthom is-CDAU. L-Iskola flimkien mal-ġenituri irriferiet dawn l-istudeti lill-iStatementing Board. Fil-każ taż-żgħir il-proċess ġie ffinalizzat, filwaqt li l-assessment tal-kbir għadu sejjer. Iż-żgħir ġie riferut lil Specific Learning Difficulties Centre. Minn naħa tal-Guidance and Counselling Unit l-għajnuna għadha qed tingħata.
Leg 9 PQ #11017 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Żweġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru żweġijiet s'issa din is-sena? Kemm minnhom kienu żweġijiet ċivili? Kemm kien hemm żweġijiet fejn waħda mill-partijiet kienet barranija? Kemm kien hemm żweġijiet fejn iż-żewġ partijiet kienu barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #11018 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għases

Question

Issa li l-gvern iddeċieda li jiftaħ għases fl-Imtarfa u f'Paceville, jista' jiddentifika l-post fejn se jinfetħu dawn l-għases? Dawn se jkunu miftuħa fuq 24 siegħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-bini ta` l-Għassa ta` l-Imtarfa jinsab fiċ-ċentru ta` dan il-lokal. Dwar Paċeville, kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, hemm il-ħsieb illi l-area ta` San Ġiljan tinqata` minn mad-Distrett ta` Tas-Sliema. Il-Pulizija kienet u għadha tagħti prijorita` sabiex sa fejn hu possibli, l-għases kollha jinżammu miftuħa l-ġurnata kollha.

Pulizija — Ta' Qali - Parking signs

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 10374 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek - dwar sinjali tat-traffiku fejn l-iStadium Centenary f'Ta' Qali - u ċioe'għalkemm ingħata permess ta' Traffic Board biex it-triq ħdejn is-Centenary Stadium issir "No Parking", dan qed joħloq inkonvenjent kbir għal dawn li jmorru għal-logħob fl-Istadium Nazzjonali u fis-Centenary Stadium stess, għaliex ma sarux "No Parking Signs" fuq naħa waħda biss ta' din it-triq u b'hekk titaffa l-problema. Jista' l-Ministru jitlob il-Bord għal Kontroll tat-Traffiku biex jerġa' jikkonsidra d-deċiżjoni tiegħu ħalli l-pubbliku in ġenerali jkun moqdi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku rreveda s-sistema ta` `No Parking` ħdejn is-`Centenary Stadium` biex iż-żona tan-`No Parking` tkun illimitata għal dik il-parti tat-triq fuq in-naħa tas-`Centenary Stadium` u fuq parti qasira fl-istess triq quddiem il-bibien tan-`National Stadium`.
Leg 9 PQ #11020 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Priġunieri — Skorta

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jiddeċiedi kemm il-persuna għandha tkun fl-iskorta ta' priġunieri li jkollhom bżonn imorru fl-isptar jew il-Qorti? Wara l-ħarba tal-priġunier Libjan El Azzabi, ma jaħsibx li għandha ssir klassifika skond il-perikolożita' ta' kull priġunier?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10181, ninsab infurmat li ġiet introdotta l-prattika li, meta priġunieri ta` nazzjonalita` barranija jkollhom bżonn li jiġu skortati għal xi sptar, minbarra l-iskorta pprovduta mill-Pulizija qed jittieħdu miżuri oħra ta` sigurta`.
Leg 9 PQ #11021 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, is-Sur Emmanuel Cassar għadux jżomm ir-rank ta' supritendent fil-korp tal-pulizija? Jekk fl-affermattiv, jista' jkun li jkun hemm nuqqas ta' qbil mal-kummissarju tal-pulizija fil-qadi tad-dmirijiet tad-Direttur speċjalment dwar skorta tal-pulizija ma' priġunieri f'viżti għall-isptar jew biex imorru l-Qorti?

Response (BORG, TONIO)

Is-Sur Emmanuel Cassar ġie maħtur mill-Prim Ministru, fuq pariri tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, bħala Aġent Direttur tas-Servizzi Korrettivi b`effett mill-5 ta` Marzu, 1999. Il-ħatra ġiet imħabbra fil-Gazetta tal-Gvern tat-12 ta` Marzu, 1999, permezz ta` Avviż Nru. 188. Bħala Aġent Direttur tal-Ħabs, is-Sur Cassar għandu dawk id-dmirijiet u funzjonijiet kollha rikjesti minnu skond l-Att dwar il-Ħabs, Kap. 260. Fid-dawl ta` dan kollu ma jidhirx li hemm loġika fit-tieni parti tal-mistoqsija ta` l-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #10935 Sitting 176 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mellieħa — Triq Galileo - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-Dipartiment tas-Sanita' matul Ottubru 1999 wara lmenti ta' fawran tad-drenaġġ fi Triq Galileo fil-Kortin, limiti tal-Mellieħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-triq indikata, Triq G. Galileo, il-Kortin, l/o Mellieħa, hemm problema ta' infiltrazzjoni tad-drenaġġ f'waħda mir-residenzi. Qegħdin jittieħdu l-passi kollha meħtieġa inklużi testijiet biex din il-problema tiġi eliminata. Din hi l-unika problema li teżisti f'din it-triq li tirrigwarda drenaġġ. Minn spezzjonijiet li saru ma rriżultax li hemm l-ebda fawran tad-drenaġġ fit-triq imsemmija.
Leg 9 PQ #10936 Sitting 176 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema nieqsa u f'liema oqsma, u suġġetti fil-korsijiet ta' l-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta hemm il-ħsieb li l-istudenti jkollhom l-għalliema li għandhom bżonn?

Response (REFALO, MICHAEL)

Infurmat li bħalissa l-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi qed iħejji struttura ġdida ta' l-istaff akkademiku li hemm bżonn fl-Istitut. Ma hemm l-ebda klassi li mgħandhiex għalliem għax kemm issa, kif ukoll taħt l-amministrazzjoni l-oħra, ġew impjegati 'Lecturers' fuq bażi 'part-time' biex jimlew il-vojt li jista' jkun hemm. Hemm il-ħsieb pero' li 'l quddiem joħorġu applikazzjonijiet biex jimtlew postijiet fuq bażi 'full-time'. Illum dawn huma okkupati minn 'Lecturers' fuq bażi 'part-time'. 'Lecturer/Assistant Lecturer Housekeeping' 'Lecturer/Assistant Lecturer Food Preparation & Production' 'Lecturer/Assistant Lecturer Hotel Reception & Communications'
Leg 9 PQ #10937 Sitting 176 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

Pembroke Restaurant — Ikla

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ikla li saret fil-Pembroke Restaurant nhar il-Ħamis 21 ta' Ottubru filgħaxija tħallsitx minn fondi pubbliċi? Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet din l-ikla?

Response (REFALO, MICHAEL)

Jien infurmat li l-ikla li saret għad unur ta' l-ex Direttur tat-Turiżmu li rtira mis-Servizz Pubbliku wara erbgħa u erbgħin sena, tnax minnhom fil-Ministeru tat-Turiżmu, tħallset mill-I.T.S. u swiet Lm337.
Leg 9 PQ #10938 Sitting 176 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' staff akkademiku, Maltin u barranin, fulltime u part-time, jew b'kuntratt definit, fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi maqsumin skond il-grad?

Response (REFALO, MICHAEL)

Staff akkademiku Barranin 'full-time', fuq kuntratt definit ta' sena: 'Director of Studies' 1 'Principal Food & Beverage Operations' 1 'Lecturer Front Office Operations' 1 'Lecturer Food Preparation & Production' 1 Barranin fuq kuntratt indefinit fuq bażi 'full-time': 'Lecturer Information Technology' 1 'Asst. Lecturer Tourism Management' 1 Staff akkademiku Maltin b'kuntratt indefinit fuq bażi 'full-time': 'Lecturer French' 1 'Asst. Lecturer French' 1 'Lecturer German' 1 'Asst. Lecturer German' 1 'Asst. Lecturer Italian' 1 'Lecturer Tourism Studies (Guides)' 1 'Lecturer Tourism Studies (Physical Educ)' 1 'Lecturer Marketing' 1 'Asst. Lecturer Marketing' 1 'Asst. Lecturer Accounting' 1 'Asst. Lecturer Health & Hygiene' 1 'Asst. Lecturer Accomm. Operations' 2 'Asst. Lecturer Tourism Management' 1 'Lecturer Guidance & Counselling' 1 'Asst. Lecturer Food & Beverage Service' 4 'Instructor Food & Beverage Service' 2 'Instructor Beverage Operations' 1 'Lecturer Food Preparation & Production' 1 'Asst. Lecturer Food Prep. & Production' 4 'Instructor Food Preparation & Production' 2 'Asst. Lecturer Pastry & Baking' 1 'Instructor Pastry & Baking' 1 'Lecturers' Maltin fuq bażi 'part-time' - Siegħat limitati fil-ġimgħa skond il-ħtieġa tal-programmi ta' studju: 'Book Keeping/Accounts' 1 'Tourism Law' 1 'Information Technology' 1 'Psychology & Sociology' 1 'Mathematics' 1 'General Science' 1 'Building Science' 1 'Housekeeping' 2 'Environmental Studies' 1 'Human Nutrition' 1 'English' 2 'French' 1 'Spanish' 2 'Travel Agency Operations' 2 'Ground Handling Operations' 1 'Cruise Ships Operations' 1 'Escorted Tours' 1
Leg 9 PQ #10939 Sitting 176 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru globali ta' staff mhux akkadamiku fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi? Kemm minn dawn il-ħaddiema fulltime jew part-time huma fuq kuntratt definit, f'liema grad u meta jiskadi l-kuntratt? Kemm hemm ħaddiema mhux akkademiċi fuq bażi każwali u f'liema grad? Kemm hemm ħaddiema mhux akkademiċi mislufin minn entitajiet/korporazzjonijiet parastatali u f'liema gradi? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħaddiema mhux akkademiċi li huma fuq kuntratt definit jew fuq bażi każwali li laħqu l-eta' ta'l-irtirar u f'liema grad qed jaħdmu?

Response (REFALO, MICHAEL)

In-numru globali ta' 'staff' mhux akkademiku fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi huwa ta' 73 persuna. Il-ħaddiema li huma 'full-time' fuq kuntratt definit huma kif ġej: Skrivani 5 'Telephone Operators' 2 'Kitchen Attendants' 2 'Storekeepers' 2 'Asst. Librarian' 1 'Asst. Security Guard' 1 'Messenger/Driver' 2 'Housekeeper' 2 'Asst. Housekeeper' 1 'Cleaners' 14 'Watchmen' 4 Dawn il-ħaddiema huma kollha impjegati tal-'White Rocks Holiday Complex' iżda jaħdmu fl-Istitut. Il-kuntratt tagħhom huwa għal xahar li jiġġedded minn xahar għal xahar. Hemm ħaddiem wieħed li huwa 'Works Technical Officer' misluf mill-Universita' ta' Malta. Hemm skrivan wieħed fuq bażi każwali li għandu iktar minn 61 sena.
Leg 9 PQ #11004 Sitting 176 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

FIS — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sa Ottubru 1999 kemm-il karozza xtrat il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali? Kemm swew f'kull każ? Għal-liema raġuni nxtrat? Kemm ġew installati air-conditioning units? Kemm ġew jiswew? X'passi ttieħdu biex ma jkerrħux il-bitħa ta' l-Universita' l-qadima?

Response (GALEA, LOUIS)

a) Informat li fil-perjodu in kwestjoni il-Foundation for International Studies xtrat vettura waħda, Mażda 323 (1300cc) għall-użu taċ-Chief Executive. Il-Cash purchase price tagħha kien ta' Lm6750. Il-Post ta' Direttur ta' l-Uffiċju Internazzjonali ta' l-Universita` u ta' Chief Executive tal-Foundation huwa 'conjoint', bi dritt kuntrattwali għal 'fully serviced vehicle'. b) Informat ukoll li inxtraw 4 air conditioners għall-prezz totali ta' Lm1640. Il-parir tekniku kien li minħabba li l-bejt jinsab ħafna għoli mill-kmamar fejn twaħħlu l-air conditioners, l-outside units kien aħjar jitwaħħlu barra t-twieqi tal-kmamar konċernati. Jekk meta jsir ix-xogħol meħtieġ fuq ir-restawr tal-bitħa (li tinsab fi stat diżastruż), jinħass li jkun aħjar li l-units jitpoġġew band'oħra dan ikun possibli bla ħafna diffikulta` jew dannu għall-ambjent.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm se ddum il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ma tingħata benefiċċji soċjali li ma tistax tirreġistra għax-xogħol għax medikament ġiet ċertifikata li ma tistax taħdem, fl-istess ħin il-bord mediku għadu ma ddeċidiex dwarha u ilha xahrejn bla benefiċċji soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li effettivament mhux veru li l-persuna kkonċernata ġiet ċertifikata li ma tistax taħdem, iżda għal kuntrarju, il-persuna ġiet misjuba mill-Bord Mediku li hi tajba għax-xogħol. B'danakollu, d-Direttur (Sigurta' Soċjali) sejjer jitlob Bord Mediku ieħor biex jerġa' jeżamina l-persuna kkonċernata. Il-persuna kkonċernata ġiet avżata b'dan.
Leg 9 PQ #10930 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Rabat - Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk hux veru li t-tifla, li isimha qed jintbagħat separatament, fl-ewwel klassi fl-Iskola Primarja Paul Xuereb fir-Rabat, Malta, se jirtirawlha l-facilitator li għandha u li l-ġenituri tagħha huma nkwetati li t-tifla se taqa' lura?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Onor Membru għandu informazzjoni żbaljata għaliex qatt ma kien hemm il-ħsieb li din it-tifla jirtirawlha l-facilitator.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hijiex intitolata għal xi għajnuna finanzjarja t-tifla, li d-detallji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha bżonnijiet speċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Leg 9 PQ #10932 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sliema Primary

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiltaqa' l-istatementing board biex jiddiskuti lit-tifla fil-Kinder 2 fil-Primarja f'Tas-Sliema, u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jistgħu jittieħdu passi biex l-adulta li qiegħda ma' din it-tifla ma tkomplix tgħaddi kummenti negattivi fuq din it-tifla għax tkompli taqbad lit-tifla fin-nassa tal-low self exteem u low achievement?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tieni mistoqsija hi t-tweġiba ta' l-ewwel waħda għaliex biex it-tifla għandha l-appoġġ imsemmi bilfors li ġiet statemented kif fil-fatt ġara fil-11 ta' Ġunju 1999. Ma jidhirlix li l-kummenti kontenuti fit-tieni parti tal-Mistoqsija għandhom isiru b'dan il-mod u jkolli niddubita l-mitivi. Fl-Iskola u fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm il-makkaniżmu biex jittratta kwestjonijiet bħal dawn.