Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li talbu reviżjoni tal-karta ta'l-eżamijeit tal-Matsec: (a) livell avvanzat; (b) livell intermedju; (c) Systems of Knowledge (i) fis-sessjoni ta' Ġunju 1999; (ii) fis-sessjoni ta' Settembru 1999, suġġett b'suġġett u li kellhom reviżjoni tal-marka u għaddew?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li daħlu tard f'korsijiet universitarji din is-sena akkademika wara li talbu reviżjoni fil-karti ta'l-eżamijiet tal-Matsec? F'liema korsijiet daħlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li daħlu tard f'korsijiet universitarji wara li talbu reviżjoni fil-karti ta' l-eżamijiet tal-Matsec huwa 6. Dawn kienu mqassmin kif ġej:
3 - B.Ed. (Hons.)
1 - B.Com
1 - B.Sc. (Bus & Comp)
1 - B.E. & A. (Hons.)
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li d-dipartiment jivverifika għal liema tip ta' pensjoni hi ntitolata l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li għamlet żmien taħdem mal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna msemmija ser tiġi nfurmata dwar id-drittijiet tagħha.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra li l-ex-Ministru Michael Falzon kien bagħat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jinfurmah dwar għaliex il-gvern kien se jżomm l-art tal-familja Briffa fin-Nigret, fiż-Żurrieq, biex fuqha tinbena skola sekondarja tal-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru jaf li l-Gvern qed jikkonsidra fatturi ġodda dwar l-għażla ta' sit fejn il-quddiem tista' tinbena skola ġdida għat-tfal li ġejjin minn diversi rħula tas-Sud. L-ittra mitluba mhix relevanti għall-pjan ta' bini ta' skola u ċentru sportiv reġjonali li qed jikkonsidra l-Gvern.
Kopja ta' l-ittra mitluba fil-fatt hi pubblikata fil-ħarġa ta' Kunsill News (Numru 26) tal-31 ta' Ottubru 1999. Dik l-ittra tikkonferma li l-art konċernata kienet oriġinarjament esproprijata għal skola kindergarten/primarja fiż-Żurrieq. Din kienet il-proposta kunsidrata mid-Direttorat ta' l-Ippjanar. Dwar din il-proposta l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq fil-ħarġa ta' Kunsill News imsemmija żvela li l-Kunsill Lokali kien irnexxielu jipperswadi lill-Ministru ta' dak iż-żmien biex ma jibnix l-iskola kindergarten/primarja f'dan is-sit għaliex din "kienet ser toħloq problemi ta' skariġġ serju għall-ommijiet tat-tfal żgħar".
Din l-ittra tikkonferma wkoll li kien aħjar li minflok tinbena skola ġdida sekondarja għas-subien ġejjin mill-irħula ta' Kirkop, Safi, Żurrieq, Qrendi, Mqabba, Gudja, Għaxaq u oħrajn. L-ispazju fil-kumpless ta' l-iskola taż-Żurrieq, illum użat għal skola sekondarja, kellu mbagħad jittieħed għal użu ta' skola kindergarten/primarja għaż-Żurrieq.
Din l-ittra tikkonferma wkoll li d-deċiżjoni finali dwar is-sit fejn kellha tinbena din l-iskola sekondarja ġdida kienet għadha ma tteħditx u l-Ministeru kien għadu qed ikollu laqgħat informali ma' uffiċċjali tad-Direttorat ta' l-Ippjanar. Sadanittant l-art in kwestjoni baqgħet miżmuma għal aktar konsiderazzjoni.
Din l-ittra tikkonferma li din l-art setgħet tiġi rilaxxjata jekk jiġi identifikat xi sit ieħor.
Fi stqarrija pubblika li jiena ħriġt fil-15 ta' Ottubru 1999, kont spjegajt li l-ewwelnett għandu jiġi ċċarat li din m'hi xejn "skola taż-Żurrieq". Din hi maħsuba li tkun skola sekondarja tas-subien, għar-reġjun li jiġbor fih l-irħula taż-Żurrieq, Safi, Kirkop, Qrendi, Mqabba, Gudja, Għaxaq, Luqa, u xi rħula oħra skond il-bżonn.
Il-fatti huma li wara l-elezzjoni tal-1998, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni mill-ewwel beda jaħdem biex iwettaq il-proġett ta' din l-iskola. Is-sit magħżul fiż-Żurrieq mhux is-sit ideali. Meta d-Direttorat ta' l-Ippjanar indika biċċa art tal-privat fit-tarf taż-Żurrieq, in-naħa tan-Nigret, kellu quddiemu proposta għal skola kinder/primarja, u mhux skola sekondarja reġjonali. Is-sit tan-Nigret qiegħed fuq ix-xifer tax-xaqliba opposta għaċ-ċentru tal-grupp ta' irħula msemmija. Il-Ministeru talab li jsir rapport li eżamina mill-ġdid siti diversi. Dan ir-rapport ma rrakkomandax is-sit tan-Nigret fiż-Żurrieq bħala l-aħjar sit. Minflok qed jiġi kkunsidrat sit qrib il-Karwija, li hu propjeta` tal-Gvern jew tal-Joint Office, li hu aċċessibbli b'ħafna aktar faċilita` mit-toroq eżistenti, u li hu fiċ-ċentru tal-grupp ta' rħula li għalihom se tinbena din l-iskola. Barra dawn ir-raġunijiet l-aktar validi, hemm raġuni oħra li l-Ministeru ried li jżomm f'moħħu.
Il-Gvern hu impenjat ukoll li jibni tliet ċentri sportivi. Fuq il-bażi tar-rapport li sar dwar dawn it-tliet ċentri sportivi, il-Gvern laqa' r-rakkomandazzjoni li wieħed minnhom isir fil-viċinanzi tal-Karwija. X'sens kien jagħmel li filwaqt li l-Gvern ikun qed jibni ċentru sportiv fil-Karwija, fl-istess ħin jibni skola sekondarja reġjonali ġdida fin-Nigret iż-Żurrieq?
Meta fl-1992 id-Direttorat ta' l-Ippjanar issuġġerixxa s-sit tan-Nigret għal skola kinder/primarja, deċiżjoni li ma tagħmilx sens għal min jaf l-inħawi (dan issa konfermat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq), id-Direttorat ma setax ikun jaf bid-deċiżjoni li ttieħdet issa dwar iċ-ċentru sportiv fil-Karwija. Allura meta hawn dawn il-fatti kollha, jagħmel tajjeb jew ħażin il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li jassigura li jibni skola sekondarja reġjonali u ċentru sportiv reġjonali qrib xulxin? X'jassigura l-użu massimu u effettiv tar-riżorsi, inkluż dawk finanzjarji? X'inhu ta' l-akbar ġid għat-tfal, u anke għall-adulti, ta' dawn l-inħawi?.
Tista' l-Ministru tgħid f'kull skola ta' Għawdex kemm hemm handymen, purtinara u watchmen, skola bi skola?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija mogħtija hawn taħt:
Skejjel Primarji Purtinara Handymen Watchmen
Gharb 2 - 3
Għajnsielem 4 1 3
Kerċ em 2 1 3
Nadur 4 1 3
Qala 4 - -
San Lawrenz 2 - 3
Sannat 5 1 3
Żebbuġ 2 - 3
Victoria 3 1 3 Xagħra 5 1 3
Xewkija 4 1 3
School of Music 1 - -
School of Art 2 1 -
School of Drama 2 - -
School of Agriculture
and Building 2 2 -
Carmelo Refalo 2 - -
Boys' Trade School
Mary Meylak
Girls' Trade School 3 - -
Ninu Cremona J.L.
and Secondary School 10 1 3
Agius de Soldanis J.L.
and Secondary School 9 1 3
Sir M A Refalo
Post Secondary School 4 1 3
TOTAL 72 13 39
Matul Lulju, Awissu, Settembru u Ottubru separatament jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (1) kemm-il persuna li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol inqabdu jaħdmu; u (2) f'liema xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bejn Lulju u Ottubru ta' din is-sena, l-Ispetturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qabdu jaħdmu 158 persuna li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. Dawn kienu mqassmin hekk:
Lulju 25
Awissu 20
Settembru 52
Ottubru 61
Dawn il-persuni nqabbdu f'diversi ażjendi u stabbilimenti bħal ristoranti, lukandi, ħwienet, fabbriki, xogħol ta' kostruzzjoni, garaxxijiet, kumpaniji ta' trasport, aġenziji ta' l-ivjaġġar, kumpaniji ta' l-awdituri, pompi tal-petrol, beach concessions, rziezet.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif tħallset is-somma ta' kważi tmintax (18)-il elf lira lill-ex-Operations Manager tal-Pixxina Nazzjonali, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Minn liema fondi ħarġu dawn il-flus?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim li sar mal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-somma ta' Lm18,300 li tħallset lil ex-Operations Manager tal-Pixxina Nazzjonali, tkopri Lm15,000 kumpens stabbilit fil-kuntratt f'każ ta' terminazzjoni ta' impieg, Lm120 spejjeż tal-Qorti, Lm1,300 drittijiet ta' l-Avukat u Lm1,880 f'interessi.
Iċ-ċekk inħareġ mill-Bord Amministrattiv tan-National Pool Complex.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub, kopja tal-ftehim mas-Sur Żammit.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li qegħda bħala Communications Officer fil-ministeru tiegħek hux qed tieħu salarju? X'inhu l-ammont? Meta beda jitħallas? X'inhuma l-allowances oħra li għandu? Minn meta beda jitħallas dawn l-allowances? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-kuntratt tal-persuna li, d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Numru 8612 u 10671.
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel għaxar (10) xhur ta' din is-sena kemm-il vettura abbandunata fit-toroq inġarret mill-pulizija?
Mil-liema bliet/irħula tneħħew? Xi jsir minn vettura li tkun tneħħiet mill-pulizija għaliex tkun abbandunata minn sidha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-ewwel għaxar xhur ta` din is-sena, it-Taqsima tal-A.L.E. tal-Pulizija ġabret 216 vettura, minn dawn il-lokalitajiet :
Attard Baħar iċ-Ċagħaq Balzan Birkirkara
Birżebbugia Bir id-Deheb Blata l-Bajda Bormla
Dingli Floriana Fgura Għaxaq
Għargħur Gżira Ħamrun Isla
Kirkop Lija Luqa Marsa
Mellieħa Mqabba Mosta Msida
Mtarfa Naxxar Qawra Qormi
Qrendi Rabat Raħal Ġdid San Ġiljan
San Ġwann Sliema San Pawl il-Baħar Siġġiewi
Swieqi Ta` Ġiorni Tarxien Ta` Xbiex
Valletta Wied il-Għajn Xemxija Żejtun
Dawk il-vetturi hekk miġbura, li jibqgħu ma jittieħdux lura mis-sid leġittimu tagħhom fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern u fi tliet ġurnali lokali oħra, ta` avviż mill-Kummissarju tal-Pulizija li bih isejjaħ lis-sid sabiex jieħu lura l-vettura, tali vetturi jiġu mibjugħa, jew, fil-każ li dawn ma jkunux tajbin biex jintużaw fit-triq, meqruda, kif provdut f`regolarment 8(1) ta` Avviż Legali 94 ta` l-1997.
Pulizija ta' l-Immigrazzjoni — Ċittadini Marokkini
Question
Jikkonferma l-Ministru li l-Pulizija ta' l-Immigrazzjoni għandhom ordnijiet biex ċittadini Marokkini ma jitħallewx jidħlu Malta?
Jikkonferma li jekk xi ċittadin Marokkin jitħalla jidħol f'pajjiżna għaliex jiġi stmat li għandu biżżejjed flus, jinżammlu l-passaport, sakemm ikun wasal biex jitlaq lura?
Dawn ir-restrizzjonijiet, speċjalment it-tieni waħda, jgħoddu għal ċittadini ta' pajjiżi oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma ngħataw ebda ordnijiet lill-uffiċjali ta` l-Immigrazzjoni sabiex ma jħallux ċittadini Marokkini jidħlu Malta, jew biex jinżammilhom il-passaport. Ta` min jgħid li l-uffiċjali ta` l-Immigrazzjoni għandhom id-dover li jirrifjutaw id-dħul f`pajjiżna ta` persuni li jkunu jidhru li m`humiex 'bona fede'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' sigħat ta' skola għal matul din is-sena skolastika? Jista' l-Ministru jindika t-tul tal-vaganzi tal-Milied u ta' l-Għid?
Minbarra il-vaganzi magħrufa bħala mid-term dan ix-xahar, meta hemm vaganzi simili matul din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru sa Mejju hemm 27 1/2 siegħa skola fil-ġimgħa. Matul Ġunju u Lulju ikun hemm 18 3/4 siegħa ta' skola fil-ġimgħa.
Il-vaganzi tal-Milied huma mit-23 ta' Diċembru sas-6 ta' Jannar.
Il-vaganzi ta' l-Għid huma mid-19 ta' April sas-26 ta' April.
Hemm il-vaganzi tal-Karnival fis-6 u 7 ta' Marzu 2000.
Dwar sostituzzjoni ta' festi li jiġu s-Sibt u l-Ħadd isir ftehim ma' l-MUT. Il-ftehim għal din is-sena skolastika hu hekk:
7 ta' Jannar flok 25 ta' Diċembru
27 ta' April flok 1 ta' Jannar
28 ta' April flok 19 ta' Marzu.
Jista' l-Ministru jgħid xi ħsieb għandu l-gvern biex issir tiswija ta' fortifikazzjonijiet militari kemm waħdu jew f'xi joint venture mal-privat?
Japprezza li dawn jistgħu jkunu ta' attrazzjoni turistika u storika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern hu mpenjat bis-sħiħ fir-restawr ta' fortifikazzjonijiet u swar, tant li bħalissa qed jiġi attwat programm ta' kollaborazzjoni ma' l-Universita' ta' Bologna b'dan il-għan. F'din il-fażi ix-xogħlijiet huma iktar ikkonċernati ma' twaqqif ta' sistema organizzativa li għandha tippermetti li x-xogħol jitwettaq b'mod iktar professjonali u xjentifiku.
Barra minn hekk, matul din l-aħħar sena sar xogħol ta' restawr f'diversi zoni fosthom fir-Ricasoli, fit-Torri ta' San Tumas, u partijiet tal-Kottonera u l-Belt, kif ukoll tkompla programm ta' tindif u manutenzjoni ġenerali.
Għadu ukoll kif ġie appuntat Supritendent tal-Fortifikazzjonijiet fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Din hi kariga ġdida u li turi l-impenn sħih tal-Gvern f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet għas-sewwieqa/spettaturi imposti mill-pulizija fuq organizzaturi ta' tlielaq ta' karozzi, muturi eċċ? Dawn il-kondizzjonijiet japplikaw għall-off road racing kif isir f'Ta' Qali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li qabel ma` l-pulizija toħroġ permess għall-tlielaq ta` karozzi fuq toroq pubbliċi, tintalab polza ta` assikurazzjoni li tkopri dak l-event. Dwar l-off road racing, ninsab infurmat li dawn huma regolati bir-Regolamenti ta` l-1997 dwar Offroading minn Vetturi bil-Mutur, u li permessi dwarhom jinħarġu mid-Dipartiment għall-Protezzjoni għall-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet fit-tuckshops ta' l-iskejjel ta' l-Istat biex ikun żgurat li hemm l-indafa u li l-prodotti mibjugħa huma ta' benefiċċju għall-istudenti u skond il-pariri tat-taqsima tas-saħħa?
Jekk saru f'din is-sena skolastika, jista' jgħid fejn saru u jekk instabitx xi infrazzjoni?
Saru xi spezzjonijiet simili fit-tuckshops ta' l-iskejjel tal-Knisja u tal-Privat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull sena preċedenti, saru spezzjonijiet fit-tuckshops ta' l-iskejjel ta' l-istat biex ikun żgurat li kemm l-indafa kif ukoll li l-prodotti mibjugħa huma ta' benefiċċju għall-istudenti u skond il-pariri tat-taqsima tas-saħħa.
L-informazzjoni mitluba li tirrigwarda spezzjonijiet hija murija fit-tabelli li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kull infrazzjoni misjuba dejjem tiġi rreferuta lid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni kif ukoll lill-individwu kkonċernat.
Dwar spezzjonijiet simili ġewwa tuckshops ta' skejjel tal-Knisja u tal-Privat, s'issa saru żewġ spezzjonijiet ġewwa skejjel Privati u oħra ġo skola tal-Knisja, matul din is-sena skolastika. Hemm il-ħsieb li tali spezzjonijiet jitkomplew aktar tard.
Jista' l-Ministru jgħid x'kontrolli qed isiru biex jiġi żgurat li l-prezzijiet li qed jintalbu għal prodotti fit-tuckshops ta' l-iskejjel ta' l-Istat jkunu raġonevoli?
Saru xi spezzjonijiet minn uffiċjali tad-dipartiment biex jara li dan qed isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sezzjoni tas-"Supplies" tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jitlob lid-Direttur tal-Kummerċ sabiex jagħmel spezzjonijiet rigward il-kontroll tal-prezzijiet ta' prodotti mibjugħa mit-"Tuck Shops" fi skejjel statali. Dawn l-ispezzjonijiet iridu jsiru ta' l-anqas tlett darbiet fis-sena.
Ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra ittra bid-data tat-13 ta' Ottubru 1999 (Anness A) li turi din it-talba għas-sena skolastika 1999/2000 u ittra bid-data tal-11 ta' Ottubru 1999 (Anness B) li turi l-aħħar rapport u r-riżultat maħruġ mid-Dipartiment tal-Kummerċ għas-sena skolastika 1998/1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' għalliema li bħalissa għandhom: (a) warrant permanenti; (b) warrant temporanju fl-iskejjel
1. Ta' l-istat; 2. Tal-Knisja; u 3. Privati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li l-Ministru stqarr kemm-il darba li l-pulizija li ġera wara l-Libjan El Azzabi, meta dan ħarab, ħassu ħażin wara ċertu ħin, jista' jgħid x'taħriġ fiżiku jingħata lil pulizija fuq bażi regolari wara li jkunu temmew il-kors fl-akkademja tal-pulizija?
Jekk issir xi forma ta' taħriġ, jista' jgħid taħt liema forma u kemm hu obbligat li jattendi kull membru tal-korp?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma jingħatax taħriġ fiżiku lill-membri tal-Korp tal-Pulizija wara li jkunu temmew il-kors ta` reklutaġġ fl-Akkademja.