Legislature:
Category:
Reset
Active:

Social Welfare Development Programme — Executives

Question

B'riferenza għall-avviż li deher fil-ħarġa ta' The Times ta' l-10 ta'Awissu, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min intgħażel għall-post ta' Chief Executive officer tas-Social Welfare Development Programme billi jagħti l-isem, il-kunjoni, l-indirizz u l-curriculum vitae u jgħid x'salarju, benefiċċċji u allowances ingħataw lill-persuna magħżula kif ukoll jgħid minn min kien magħmul il-Bord ta' l-Għażla għat-tali sejħa għall-applikazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċess ta' l-għażla għall-post ta' Chief Executive Officer ġdid għall-Programm Ħidma Soċjali għadu mhux konkluż.
Leg 9 PQ #11565 Sitting 194 1999-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studji ta' restawr — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8133, ċioe' fid-deċiżjoni dwar kemm daħlu u se jiddaħħlu studenti fiċ-Ċentru ta' Malta għar-restawr, jista' l-Ministru jgħid f'liema kriterji ġew deċiżi n-numri? X'attenzjoni ngħatat għall-oportunitajiet ta' mpjiegi għal dawn il-persuni wara li jtemmu l-korsijiet li jkunu għażlu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'se jkunu l-ispejjeż totali b'mod dettaljat biex jitmexxa dan iċ-ċentru għas-snin 2000, 2001 u 2002 billi jgħid ukoll kemm se jkun hemm fondi mill-Protokoll Taljan u x'fondi sejrin jinħarġu mill-Gvern Malti? Jista' l-Ministru jgħid x'sistemi sejrin jintużaw u x'metodji sejrin jiġu applikati biex il-ġestjoni tal-fondi pprovduti ssir bl-akbar trasparenza?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kriterji fuq kemm daħlu u se jiddaħlu studenti fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr jinkludu: 1. ir-ratio ta' studenti għal kull għalliem biex tkun assigurata l-aqwa kwalita` fit-tagħlim ta' l-istudenti; 2. il-ħtiġijiet ta' Malta fid-diversi oqsma tar-restawr u tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali 3. il-vantaġġi li jistgħu jinkisbu mill-iżvilupp ta' dan iċ-Ċentru bħala Ċentru internazzjonali li jista' jattira studenti minn pajjiżi oħra. Filwaqt li l-Gvern ma jista' jagħti ebda garanzija ta' impieg miegħu lil dawk kollha li jtemmu l-korsijiet li jkunu għażlu, informat li wieħed ma jistax ma jikkunsidrax: 1. il-ħtiġijiet kbar ta' Malta għal ħaddiema professjonali imħarrġa fil-kamp tar-restawr; 2. il-possibilita` li ċ-Ċentru Malti għar-Restawr jattira xogħol ta' Restawr minn madwar ir-reġjun Mediterran u b'hekk ikun jista' jkabbar in-numru ta' impjiegi f'dan is-settur; 3. li l-kwalifiċi mogħtija wara studji fiċ-Ċentru tar-Restawr ikunu rikonoxxuti barra minn Malta biex jippermettu gradwati miċ-Ċentru biex jaħdmu internazzjonalment. Il-fondi għas-sena 2000 huma kif jidhru fl-Estimi. Tagħrif dwar snin oħra jista' jingħata meta jkun approvat mill-Ministeru tal-Finanzi. Biex il-fondi jiġu ġestiti b'mod trasparenti qiegħdin u sejrin jiġu użati dawn is-sistemi: 1. li tiġi sottomessa stima ġenerali lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u tal-Finanzi għal tlett snin bil-quddiem 2. li ċ-Ċentru jissottometti stima tal-ħtiġijiet finanzjarji tiegħu lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni kull tlett xhur u jingħata fondi skond dik l-istima; 3. li kull tlett xhur iċ-Ċentru jissottometti rapport fuq l-infieq tat-tlett xhur li jkunu għaddew; 4. li kull sena l-accounts taċ-Ċentru jiġu ċertifikati minn Awditur u dawn jiqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra; Hu mistenni wkoll li malli s-sistema l-ġdida kkompjuterizzata taċ-Ċentru tibda tiffunzjona kompletament il-Board of Governors ikun ipprovdut Management Accounts kull xahar.
Leg 9 PQ #11566 Sitting 194 1999-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Ċentru ta' Malta għar-Restawr — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa u hemm il-ħsieb li jittieħdu mill-ministeru tiegħu biex jassigura li l-fondi li l-gvern sejjer iqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-Ċentru ta' Malta għar-Restawr kemm dawk li ħerġin u joħorġu minn fondi pubbliċi Maltin kif ukoll oħrajn li jistgħu joħorġu mill-protokoll ma' l-Italja jiġi minfuqha bi trasparenza u kontabbilta' sħiħa? Konxju l-Ministru mill-fatt li tali trasparenza fil-ġestjoni ta' tali fondi tista' tkun dubbjuża meta wieħed jirrealizza li l-Ministru li ħatar il-bord tal-gvernaturi ta' dan iċ-ċentru qiegħed bħala membru gvernatur lir-raġel t'oħtu?

Response (DALLI, JOHN)

Il-fondi msemmija jiġu minfuqa skond normi prattikati s-soltu f`sitwazzjonijiet simili. Din id-direzzjoni ġiet mogħtija lill-Ministeru ta` l-Edukazzjoni u, fil-fatt, numru konsiderevoli ta` talbiet għal offerti (tenders) diġa` għadda għand id-Dipartiment tal-kuntratti tramite il-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #11567 Sitting 194 1999-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Servizz ta' project management

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8288, jista' l-Ministru jgħid xi stħarriġ qiegħed isir mill-Ministeru tal-Finanzi fir-rigward tas-servizzi li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni qiegħed jitlob li jipprokura mill-Malta University Services Ltd, b'nefqa ta' madwar Lm250,000 fis-sena għal gvern billi jiġi mpjegati 13-il mpjegat ġdid ma' din il-kumpannija biex jieħdu ħsieb dawn l-oqsma: "sports complexes project, universal community service project, Bighi site Development Project, IT in Education Project, College of Arts, Science and Technology Project, Museum of Contempory Art Project? Jista' l-Ministru għaldaqstant igħid jekk id-diversi dipartimenti fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li huma owners tat-tali proġetti ppreżentawx project briefs lill-Ministeru tal-Finanzi biex igħarrfuh dwar in-nefqa nvoluta ta' kull proġett kif ukoll jelenkaw kif sejrin jiġu utilizzati l-individwi li qed jiġu proposti li jinkrew is-servizzi tagħhom mill-Malta University Services Ltd? Ma jaħsibx il-Minstru li wieħed għandu jara jekk tali servizzi jistgħux jingħataw minn individwi li huma diġa' fi ħdan is-Servizz Pubbliku jew f'xi enti governattiva oħra kif ukoll jekk il-Ministru jikkonsidrax li joħorġu sejħiet għall-offerti separati fi ħdan il-każ sitta, biex tali servizzi jiġu prokurati ad hoc mid-dipartmenti rispettivi li ilhom jiġu ivvotati l-fondi meħtieġa biex jiġi mplimentati inizjattivi tali? Il-Ministru jaqbel li fis-sitwazzjoni attwali tal-finanzi pubbliċi l-gvern għandu jidħol garanzija biex jiġu mpjegati 13-il persuna ġdida ma' kumpannija ta' l-Universita' li l-fondi tagħha jrid jipprovdihom il-Gvern? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk tali proġetti ġewx inkorporati mid-diversi dipartimenti fis-sottomissjonijiet li huma bagħtu lill-ministeru tiegħu bħala parti mill-Business Plan Documents għas-snin 2000, 2001 u 2002, kif ukoll igħid x'inhu previst li jiġi vvotat għal tali inizjattivi? Il-Ministru jikkonferma li tkun irresponsabbilta' li tali aġir ta' nies minn ministeru ieħor, jitħalla jfixkel l-isforzi ta' l-uffiċjali tal-ministeru tiegħu biex jiġi kkontrollat l-infiq pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s`issa l-Ministru tal-Finanzi approva żewġ proġetti biss, dak li jirrigwarda l-IT in Education u l-ieħor dwar iċ-Ċentru Malti għar-Restawr f`Bighi. Għal dawn il-proġetti, fl-Estimi għas-sena 2000 qegħdin nallokaw l-ammonti ta` miljun lira Maltin u erba` mitt elf lira Maltin rispettivament. Barra minn hekk qed issir allokazzjoni ta` ammont ieħor biex jinbnew kumplessi sportivi. Din l-allokazzjoni qegħda ssir minn fondi tal-Lotteriji Instantanji skond kif jipprovdi l-artiklu Nru. 10 tar-Regolamenti dwar il-Lotteriji Instantanji kif emmendati b`Avviż Legali Numru 135\97.

Politika Soċjali — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi tħallas, b'mod dettaljat mill-Ministeru tiegħu u minn kull enti li taqa' taħtu jew li fil-passat kienet taqa' taħt il-Ministeru tiegħu fil-perijodu bejn it-12 ta' Mejju 1987 sal-lum, Dr. Joseph Cannataci f'salarji, benefiċċji u allowances xhar b'xahar u bl-approvazzjoni ta' min saru tali ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma tħallsu ebda salarji, benefiċċji, u allowances lil persuna ndikata fil-Mistoqsija, mill-Ministeru għall-Politika Soċjali, jew minn kull enti li jaqa' jew kien jaqa' taħt dan il-Ministeru bejn it-12 ta' Mejju 1987 sal-lum.
Leg 9 PQ #11557 Sitting 193 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi tħallas, b'mod dettaljat mill-Ministeru tiegħu u minn kull enti li taqa' taħtu jew li fil-passat kienet taqa' taħt il-Ministeru tiegħi fil-perijodu bejn it-12 ta' Mejju 1987 sal-lum, Dr Joseph Cannataci f'salarji, benefiċċji u allowances, xahar b'xahar u bl-approvazzjoni ta' mnin saru tali ħlasijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Ministeru tas-Saħħa jew entitajiet li jaqgħu taħtu u li kienu jaqgħu taħtu fil-passat ma ħallsu xejn lil Dr. Joseph Cannataci bejn it-12 ta` Mejju 1987 u llum.
Leg 9 PQ #11558 Sitting 193 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prim Ministru

Question

B'riferenza għall-avviż li deher fil-ħarġa tal-31 ta' Awissu 1999 tal-Gazzetta tal-Gvern, jista' l-Prim Ministru jgħid x'wassal li ta l-parir lill-President ta' Malta biex il-Ministru ta' l-Edukazzjoni jassumi d-dmirijiet addizzjonali ta' Prim Ministru b'seħħ minn nhar il-Ħadd id-29 ta' Awissu 1999, filwaqt li jgħid kemm kien twil il-perijodu li kien assenti fih u għal-liema raġuni dan seħħ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-parir imsemmi huwa wieħed normali li l-Prim Ministru jagħti lill-President skond artiklu 83(1) tal-Kostituzzjoni kull meta hu (il-Prim Ministru) ikun assenti minn Malta. Il-Gazzetta tal-Gvern tat-3 ta' Settembru 1999 kienet ġabet l-avviż li jien kont erġajt dħalt għad-dmirijiet tiegħi ta' Prim Ministru mill-1 ta' Settembru 1999. Fit-tlett ijiem li kont imsiefer il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali kien ukoll imsiefer.
Leg 9 PQ #11559 Sitting 193 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Gozo Office

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9005, tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gozo Office ta' Triq l-Ifran fil-Belt Valletta hux qiegħed jinkera jew inkella nxtarax? Tista' l-Ministru f'kull każ tgħid xi tħallas f'kiri jew xiri minn meta nfetaħ sal-lum, kif ukoll tgħid f'kull każ x'sejra tkun in-nefqa sal-31 ta' Diċembru 2005?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gozo Office li qed jirreferi għalih ġie ġentilment mogħti lill-Ministeru għal Għawdex mill-Bank of Valletta fuq bażi ta' tolleranza u għaldaqstant il-Ministeru ma huwa jħallas xejn għall-użu tiegħu.
Leg 9 PQ #11560 Sitting 193 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7371 tas-26 ta' Mejju 1999, cioe'jgħid x'tip ta' riorganizzazzjoni hemm maħsuba biex ikun hemm struttura li tieħu ħsieb ix-xogħlijiet kapitali fl-iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? Konxju l-Ministru li l-amministrazzjoni preċedenti kienet tat l-approvazzjoni biex tali struttura titwaqqaf biex l-affarijiet f'dan il-qasam dejjem isiru b'mod aħjar?

Response (GALEA, LOUIS)

Din hi l-ewwel materja li qed jitratta l-Office of Review u t-tagħrif mitlub ikun jista' jingħata meta jiġu finalizzati l-proposti.
Leg 9 PQ #11561 Sitting 193 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

FMS — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) billi jagħti l-isem, il-kunjom, l-indirizz, il-curriculum vitae, il-grad li fih ġew impjegati u l-grad li jokkupaw illum, id-data tagħhom ta' l-impjieg, f'kull każ igħid jekk qatt kienu impjegati ta' l-istess fondazzjoni forsi taħt isem ieħor kif ukoll x'salarju, benefiċċji u allowances oħra qegħdin jirċievu fis-sena u jekk l-impjieg tagħhom hux għal żmien definit jew indefinit billi jgħid ukoll meta hi l-iskadenza ta' kull kuntratt ta' xogħol ta' kull individwu rispettiv?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-lista ta` mpjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u d-dettalji mitluba joħorġu mill-kuntratti ta` kull impjegat, impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra ma Mistoqsija Parlamentari numru 10137. Il-Curriculum Vitae huma l-istorja personali ta` kull individwu u għaldaqstant kunfidenzjali. L-uniku persuna li kien diġa` impjegat tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi huwa s-Sur Emanuel Grech li oriġinarjament kien beda l-impjieg tiegħu nhar 01.10.1996 u ġie tterminat fit-31.05.1997. Huwa reġa` beda jaħdem mal-FMS fl-14.06.1999.
Leg 9 PQ #11550 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Kuntratti — Mosta/Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra ta' aċċettazzjoni li ħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti għal xogħlijiet li saru fit-triq bejn il-Mosta u l-Imġarr li dalwaqt jitlestew, filwaqt li jgħid x'inhuma l-extra works and variations ta'dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-4 ta` Ottubru 1996 id-Direttur tal-Kuntratti, fuq pariri tad-Direttur tad-Dipartiment tat-Toroq u tal-Kumitat tal-Kuntratti, ħareġ ittra ta` aċċettazzjoni numru 708\96 li permezz tagħha id-ditta Bonnici Bros Ltd ta` Burmarrad ġiet assenjata kuntratt, b`valur ta` LM107,590, biex tibni mill-ġdid u tiksi Cospicua Road bejn Raħal Ġdid u Għajn Dwieli. Dan il-kuntratt kien ingħata bħal ħafna oħrajn, taħt l-Iskema li kienet in vigore dakinhar. Fis-26 t`April 1999 id-Direttur tad-Dipartiment tat-Toroq informa lid-Direttur tal-Kuntratti li x-xogħol fuq Cospicua Road makienx sar u talab li l-istess kuntratt allura jintuża fuq sit ieħor u cioe Mġarr Road, Mosta għal valur ta` Lm103,016. Barra minn hekk fl-10 ta` Mejju 1999 l-istess Direttur tat-Toroq informa lid-Direttur tal-Kuntratti li fil-fatt ix-xogħol fuq Mġarr Road ma kienx ser ikopri l-valur kollu oriġinali tal-kuntratt u talab biex isir wkoll xi xogħol f`Mosta Road San Pawl il-Baħar għal valur ta` Lm16,549. Din it-talba intlaqgħet wkoll mill-Kumitat tal-Kuntratti. Jirriżulta għalhekk li l-kuntratt oriġinali 708\96 (u li qatt ma ġie esegwit) din is-sena inqasam fuq żewġ siti b`valur stmat totali ta` Lm119,565 jew 11% aktar. Il-valur fattwali tax-xogħol li sar mhux magħruf. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-ittra ta` aċċettazzjoni msemmija. Id-Direttur tal-Kuntratti għadu ma rċieva l-ebda talba biex japprova xi variations jew extra works oltra l-valuri msemmija hawn fuq.

Dipartiment tat-Toroq — Telgħa ta' San Maison

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittri ta' aċċettazzjoni li jappartjenu lid-Dipartiment tat-Toroq biex permezz tagħhom bini fit-Telgħa ta' Sa Maison jinbidel f'bini amministrattiv ta' l-istess dipartiment, filwaqt li jagħti lista dettaljata ta' l-infiq li sar minn meta beda x-xogħol fuq dan il-bini sal-lum, kif ukoll x'inhu antiċipat li jkun l-infiq fuq l-istess bini fil-perijodu bejn l-1 ta' Novembru 1999 u l-31 ta' Diċembru 2000?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li qiegħed isir fil-`Bakery` Sa Maison mhux qed isir biex il-bini jakkomoda id-Dipartiment tat-Toroq biss iżda biex jintuża minn organiżżazzjonijiet oħra fi ħdan il-Ministeru li għandhom x`jaqsmu mat-Trasport. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta` l-`Letter of Acceptance` u ta` `approvals` ta` xogħolijiet addizzjonali li kien hemm bżonn isiru mal-kuntratt, kif ġew approvati mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Ħlasijiet s`issa saru għall-valur ta` Lm46,898 u jonqos x`jitħallsu madwar Lm41,446. Fil-preżent hu stmat li bini addizzjonali li għad irid jitla kif ukoll ir-restawr tal-faċċata tal-`block` ser jiswa madwar Lm50,000.
Leg 9 PQ #11552 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Kuntratti — National Pool Complex

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-offerta ta' "Finishing of Two Floors at the West Block, National Pool Complex, Tal-Qroqq" li kienet ippubblikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-30 ta' April 1999, u li għalqet fis-27 ta' Mejju 1999? Jista'l-Ministru jgħid għaliex sal-lum ix-xogħol relatat ma' din l-offerta għadu ma nbediex?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skond informazzjoni mogħtija fuq talba tad-Direttur tal-Kuntratti, id-Direttur Żgħażagħ u Sport qal illi d-dewmien minn naħa tagħhom biex jagħmlu r-rakkomandazzjoni meħtieġa kienet dovuta għal raġunijiet tekniċi li tfaċċaw wara li ħarġet l-offerta. Inżid ngħid li l-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti għadu ma ħax deċiżjoni finali dwar l-għoti ta` dan il-kuntratt minħabba li qed jistenna aktar tagħrif. Naturalment ix-xoħol jibda jekk u meta jingħata l-kuntratt.
Leg 9 PQ #11553 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Kuntratti — National Pool Complex

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-offerta ta' "Finishing of Two Floors at the West Block, National Pool Complex, Tal-Qroqq" li kienet ippubblikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-30 ta' April 1999 u li għalqet fis-27 ta' Mejju 1999? Jista' l-Ministru jgħid għaliex sal-lum ix-xogħol relatat ma' din l-offerta għadu ma nbediex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-offerta imsemmija mill-Onor. Membru tinsab għand id-Dipartiment tal-Kuntratti wara li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għamel sottomissjonijiet dwar żviluppi ġodda li kienu jaħsbu għal tibdil sinjifikanti u inevitabbli fin-natura tax-xogħlijiet relevanti ma' dan il-proġett. Informat ukoll li dan it-tibdil jikkonsisti fir-rilokazzjoni ta' diversi tagħmir tqil li oriġinarjament kien programmat li jinżamm fiż-żewġ sulari in kwistjoni. Informat li d-Dipartiment tal-Kuntratti intalab jikkunsidra li t-tender tiġi irtirata biex isir proċess ġdid li jieħu in konsiderazzjoni dawn l-iżviluppi.
Leg 9 PQ #11554 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

B'riferenza għad-diskors kif rapportat fil-ħarġa ta' "In-Nazzjon" tat-8 ta' Settembru 1999 fejn intqal li qed ikun ippjanat l-immodernizzar ta' żewġ skejjel tekniċi biex jilħqu l-livell ta' istituti tekniċi "state of the art", jista' l-Ministru jgħid liema huma ż-żewġ skejjel involuti, x'sejra tkun in-nefqa fuqhom, min qiegħed jagħmel ix-xogħol preliminari ta' disinn ta' dawn l-iskejjel, jekk hux sejjer ikun meħtieġ li l-gvern jesproprija art biex ikabbar l-iskejjel involuti, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-briefs li sejrin iwasslu għall-immodernizzar ta' dawn l-iskejjel, jagħti lista tas-suġġetti li sejrin ikunu mgħallma f'dawn l-iskejjel, kif ukoll jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Liċeo tas-Subien u l-iskola Sekondarja tas-Subien f'Koridn jiġu akkomodati f'postijiet oħra biex jagħmlu spazju għall-Kulleġġ ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija li sejjer jitwaqqaf?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-dettalji mitluba jingħataw meta jkun il-waqt.
Leg 9 PQ #11555 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

B'riferenza għar-rapport li deher fil-ħarġa ta' "l-orizzont" ta' l-Erbgħa 8 ta' Settembru 1999, fejn ġie rapportat li "ammetta li ċertu apparat fl-iskejjel tekniċi huwa antik u għandu jinbidel", jista'l-Ministru jgħid x'sejra tkun in-nefqa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'apparat għal dawn l-iskejjel għas-snin 2000, 2001 u 2002, kif ukoll jelenka liema apparat hemm il-ħsieb li jinxtara, kif ukoll jgħid x'jiswa tali apparat rispettiv? B'riferenza għall-istess rapport fejn ġie rapportat li qal li "wiegħed li sas-sena li ġejja l-klassijiet kollha fl-iskejjel primarji jkollhom il-faċilitajiet tal-computers", jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani biex tali għan jintlaħaq, kif ukoll jgħid b'mod dettaljat x'sejra tkun in-nefqa biex tali wegħda tiġi mwettqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-dettalji mitluba jingħataw meta jkun il-waqt.
Leg 9 PQ #11544 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru ta' Malta għar-Restawr — Impjegati

Question

B'riferenza għal avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 15 ta'Ottubru 1999, jista' l-Ministru jgħid x'inhu antiċipat li jkun is-salarju u l-benefiċċji l-oħra li se jgawdu minnhom il-Projects Planner u l-Project Management Assistant li sejrin jintgħażlu biex jaħdmu fiċ-Ċentru ta' Malta għar-Restawr, kif ukoll jgħid minn min se jkun kompost il-bord ta'l-għażla għal dawn is-sejħiet, filwaqt li jagħti l-lista ta' dawk li applikaw għal dawn il-postijiet rispettivi bl-isem, il-kunjom, il-kwalifiki u l-indirizzi tagħhom? B'riferenza għall-istess avviż, jista'l-Ministru jgħid x'inhi l-enti msejħa "Conservation and Restoration Project Management Office" billi jgħid minn min hi ffurmata din l-enti, min huma l-impjegati ta' din l-enti, billi jagħti l-isem, il-kunjom, l-indirizz u s-salarju u l-benefiċċji li jgawdu minnhom? B'riferenza għall-istess enti, jista'l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatut ta' din l-enti, filwaqt li jgħid jekk din l-enti għandhiex l-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Ministeru tal-Finanzi biex topera, filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-approvazzjonijiet rispettivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hu mistenni li s-salarju u l-benefiċċji ta' Project Planner u Project Management Co-Ordinator li jistgħu jintgħażlu biex jaħdmu fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr ikun bejn Lm3,600 u Lm5,800 skond il-kwalifiċi u l-esperjenza tal-kandidat magħżul. Il-Bord ta' l-Għażla għal din is-sejħa hu kompost miċ-Chairman taċ-Ċentru Malti tar-Restawr, Dr J. Cannataci flimkien ma' żewġ membri oħra tal-Board of Governors, Dr Alex Torpiano u Mr Robert Cassar waqt li s-Sur Louis Borg sejjer ikun is-Segretarju tal-Bord ta' l-Għażla. Ġejt mogħti l-parir biex f'dan l-istadju ma jiġux ippublikati d-dettalji ta' dawk li applikaw għal dan il-post qabel jiġi finalizzat il-proċess ta' l-għażla u dana speċjalment meta wieħed jikkunsidra li ħafna minnhom jista' jkun li ma jridux juru lil min qiegħed jimpjegahom bħalissa li qiegħdin ifittxu xogħol ieħor. Informat li ċ-Ċentru Malti għar-Restawr qiegħed jirċievi bosta talbiet għal xogħol ta' restawr kemm għal proġetti żgħar kuf ukoll għal proġetti ta' ċertu entita`. Għaldaqstant, biex dan ix-xogħol ta' restawr isir b'mod professjonali, iċ-Ċentru beħsiebu jwaqqaf fi ħdanu diviżjoni amministrattiva li x-xogħol tagħha jkun iffukat fuq xogħlijiet ta' restawr, kemm dawk bil-ħlas kif ukoll xogħlijiet oħra. Dan hu r-"raison d'etre" tal-"Conservation and Restoration Project Management Office" li hi sempliċiment dipartiment jew diviżjoni fi ħdan iċ-Ċentru Malti għar-Restawr u għalhekk m'għandiex statut indipendenti per se u, peress li hu dipartiment ġdid, lanqas bħalissa m'hemm ebda impjegati fih. Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr hu istituzzjoni awtonoma li għandha l-jedd li jidħol għal xogħlijiet ta' restawr u jimpjega n-nies għal dawn ix-xogħlijiet u dan kif indikat espliċitament fl-Istatut ta' l-istess Ċentru, liema Statut ġie approvat mill-Kabinett. Il-finanzjament pubbliku approvat mill-Gvern hu kif jidher fl-Estimi għas-Sena 2000. Iċ-Ċentru hu mħeġġeġ jieħu inizjattivi biex jiġġenera finanzi oħra minn servizzi jew skambji li jista' jorganizza. Kopja ta' dan l-istatut ser titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Leg 9 PQ #11545 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'salarji, remunerazzjoniiet u benefiċċji oħra rċieva Dr Joseph Cannataci mill-Ministeru ta'l-Edukazzjoni u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, fil-perijodu bejn l-10 ta' Settembru 1998 sal-lum, kif ukoll jgħid x'inhu antiċipat li jirċievi l-istess individwu mill-istess Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u li għandu sehem fihom, dirett jew indirett, għall-perijodu l-1 ta' Novembru 1999 sal-31 ta' Ottubru 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Minbarra s-salarju normali tiegħu bħala Senior Lecturer fl-Universita` ta' Malta, Dr Joseph Cannataci mill-10 ta' Settembru 1998 sal-lum għadu ma rċieva ebda salarju, remunerazzjoni jew benefiċċji oħra mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jew mill-entijiet li jaqgħu taħtu. Hu antiċipat li għal kwalunkwe servizz ta' konsulenza professjonali li jingħata fuq bażi part-time lil Ministeru ta' l-Edukazzjoni u li seta' wettaq matul dan il-perijodu jew li jista' jwettaq matul il-perijodi msemmija fil-mistoqsija Dr Cannataci għandu jirċievi ħlas fuq rata komparabbli ma' dik ta' konsulenti ta' ċertu speċjalizzazzjoni u esperjenza. It-tagħrif preċiż inkun nista' nagħtih fi żmien qasir meta jiġu finalizzati l-proċeduri.
Leg 9 PQ #11546 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tas-sinjuri, Mario Schiavone, Elizabeth Vella, Teddy Kenelly, Carmelo Sciberras, Daniel Farrugia, Spiridione Buttigieg u Maria Verin fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, filwaqt li jgħid x'salarji, benefiċċji jew allowances oħra gawdew minnhom fil-perijodu bejn id-9 ta' Settembru 1998 sal-lum kif ukoll x'inhu antiċipat li dawn l-individwi jirċievu f'salarji, benefiċċji jew allowances għall-perijodu l-1 ta' Novembru 1999 sal-31 ta' Diċembru 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Sinjuri Carmelo Sciberras u Spiridione Buttiġieġ ma għandhom ebda rwol fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni imma jaqdu d-dmirijiet tagħhom fid-Dipartimenti rispettivi tagħhom. Is-sinjura Elizabeth Vella taħdem fil-Ministeru u għandha rwol fi ħdan il-Customer Care. Mid-9 ta' Settembru 1998 sal-lum it-tlett persuni msemmija ħadu s-salarji rispettivi tagħhom skond l-iskali kif stabbiliti mill-Gvern. Ħadd minnhom ma ġawda, jew hu antiċipat li jgawdi, minn xi benefiċji jew allowance. Is-Sur Mario Schiavone, minbarra li hu c-Chairpersona ta' l-iStudents Maintenance Grants Board, għandu rwol ta' Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fi ħdan il-Kumitat għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millenium u jopera mill-uffiċji tal-Ministeru. Is-salarju u l-allowances li ħa, u li hu antiċipat li jieħu, huma l-istess bħal tal-Communications Co-ordinators fis-Segretarjati Privati tal-Ministeri u għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-użu ta' karozza. Fi ħdan is-Segretarjat Privat tal-Ministeru is-Sur Teddy Kenely għandu rwol ta' Secretariat Officer, is-Sinjura Maria Verin għandha rwol fis-Secretariat Pool, u s-Sur Daniel Farrugia għandhu rwol fil-Messengerial/Reception Pool. Huma gawdew, u hu antiċipat li jgawdu, dawk is-salarji, benefiċji u allowances kif stipulat fil-memorandum Engagement of Staff in Private Secretariats.
Leg 9 PQ #11547 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru ta' Malta għar-Restawr — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata ta' nfiq u lil min sar il-ħlas mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, b'mod dirett jew indirett, b'risq iċ-Ċentru ta' Malta għar-Restawr għall-perijodu bejn l-10 ta' Settembru 1998 u llum, kif ukoll jagħti x'inhu antiċipat li tkun in-nefqa mill-istess Ministeru jew entitajiet kollha li jaqgħu taħtu fil-perijodu bejn l-1 ta' Novembru 1999 u l-31 ta' Diċembru 2000, kif ukoll jgħid x'commitments finanzjarji dawn għandhom b'risq l-istess ċentru iżda li s'issa għadhom ma tħallsux jew inkella tħallsu biss partijiet minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr twaqqaf nhar it-3 ta' Mejju 1999 u għalih kien hemm ivvutati Lm180,000 bħala nfieq fl-estimi ta' l-1999. Hu allokat li sas-17 ta' Novembru tħallsu, jew jeżistu commitments finanzjarji għal total ta' madwar Lm172,000 b'risq dan iċ-Ċentru. Il-flus intnefqu fir-restawr u fit-tagħmir tal-bini storiku taċ-Ċentru f'Bighi kif ukoll fi ħlasijiet lil staff Taljan u Malti li huma mpjegati taċ-Ċentru jew li jaħdmu mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Parti minn dan l-infieq hu rikoverabbli taħt ir-Raba' Protocol Taljan. Il-kontijiet verifikati taċ-Ċentru jitħejjew fiż-żmien propizju wara li tagħlaq l-ewwel sena ta' operazzjoni taċ-Ċentru. Dwar rendikont aktar dettaljat minn dak mogħti hawn fuq f'dan il-waqt, jekk id-domanda ta' l-Onor. Membru hi motivata minn xi ħaġa aktar minn interess ġenerali hu mistieden jindirizza domanda aktar speċifika. Għal risposta tal-bqija ta' din il-mistoqsija nirreferi l-Onor. Membru għar-Risposta mogħtija għad-domanda tiegħu stess Numru 11565.