Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tiegħu dwar id-duties tal-Kaptan Venich Jurgens tal-MV Global Mariner, kif irrapportat mill-gazzetti, fejn ikkritika l-operat tal-vapuri li joperaw taħt il-bandiera Maltija? Kemm-il vapur taħt il-bandiera Maltija, din is-sena, inżamm milli isalpa minn portijiet minħabba kundizzjonijiet ħżiena fuq il-vapur jew minħabba nuqqas ta' ħlas ta' pagi lill-ekwipaġġ? X'passi tieħu l-Awtorita' Marittima meta jkun hemm rapporti bħal dawn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn informazzjoni li għandha f`idejha sa issa l-Awtorita` Marittima jidher li matul din is-sena kien hemm madwar erbgħin bastiment Malti li ġew detenuti minħabba xi defiċjenzi li għandhom x`jaqsmu mal-kundizzjonijiet ta` l-għixien tal-baħħara fuq il-bastiment. Każijiet bħal dawn li jiġu għall-attenzjoni ta` l-Awtorita` Marittima jiġu mistħarġa bil-għan li d-defiċjenzi li jkun hemm jiġu rranġati mill-aktar fis possibbli.
Għalkemm jidhirli li l-kummenti tal-kaptan kienu eseġerati, xorta waħda tlabt lill-I.T.F. biex jekk ikollha xi nformazzjoni dwar dak li għamel referenza għalih il-kaptan, dan ukoll jgħaddi l-informzzjoni lilna.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 10413 li staqsejtu aktar minn xahar ilu li kienet tirriferi għall-mistoqsija parlamentari numru 8810 li staqsejtu aktar minn erba' xhur ilu? Jista' l-Ministru jispjega kif għaddew iżjed minn erba' xhur u t-tweġiba għadha ma ngħatatx "għax it-tagħrif .... mhux komplut"?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu s'issa biex il-bord tal-Matsec jiżgura li fit-tfassil tal-karti ta'l-eżamijiet tas-SEC jiġu riflessi l-bidliet li se jseħħu bid-dħul tal-Kurrikulu Nazzjonali Ġdid għal dawk f'eta' bejn it-3 u s-16-il sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Jien stess iltqajt mal-Bord tal-MATSEC fis-26 ta' Ottubru. Il-Bord ġie mitlub jassigura li meta l-Kurrikulu Minimu Nazzjonali l-ġdid jiġi fis-seħħ, ikun hemm qbil bejn iż-żewġ sistemi (l-eżamijiet tal-Matsec u l-Kurrikulu Minimu Nazzjonali) sabiex dawn jintegraw bla ebda skossi jew problemi għall-istudenti. Il-Matsec Board qiegħed jikkonsidra l-passi meħtieġa.
Informat ukoll li bħalissa qiegħda ssir ħidma ta' reviżjoni tas-sillabi kollha li jwasslu sas-sena 2004. Fuq dawn il-Bordijiet tas-Sillabi hemm l-Education Officers tad-Diviżjoni, għalliema mill-iskejjel ta' l-istat u dawk tal-privat, kif ukoll membri mill-Universita`. Dawn kollha jingħataw istruzzjonijiet biex iqisu x'jgħid il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali l-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid x'rikonoxximent akkademiku se jkun hemm għall-korsijiet taċ-Ċentru għall-Istudji tar-Restawr min-naħa ta' l-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istitut għall-Istudji fir-Restawr li hu inkorporat fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr jorganizza diversi korsijiet, kemm qosra, kif ukoll Diploma ta' tlett snin u Degree ta' erba' snin.
Dan iċ-Ċentru twaqqaf bi sħab bejn l-Universita` ta' Malta u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u għalhekk hu mistenni li l-Universita` tagħti rikonoxximent akkademiku sħiħ għall-korsijiet ta' l-Istitut għall-Istudji fir-Restawr bil-proċedura li tistabbilixxi l-Liġi dwar l-Edukazzjoni.
Skond l-artiklu 5 ta' l-istatut tiegħu, iċ-Ċentru Malti għar-Restawr għandu l-jedd li jagħti kwalifiċi anke sal-livell ta' Degree f'ko-operazzjoni ma' l-Universita` ta' Malta. Hu mistenni li, anke kif isir f'każijiet oħra, id-degree taċ-Ċentru Malti tar-Restawr tingħata saħansitra bil-boll ta' l-Universita` ta' Malta. Għalkemm għad fadal erba' snin qabel ma jispiċċaw il-kors l-ewwel studenti taċ-Ċentru, inbdew il-proċeduri biex dawn l-arranġamenti jiġu formalizzati.
Ta' min jgħid li, minbarra r-rikonoxximent sħiħ mill-Universita` ta' Malta, qiegħda ssir ħidma biex il-korsijiet taċ-Ċentru Malti għar-Restawr jiġu rikonoxxuti minn Universitajiet u Istituzzjonijiet barranin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi studenti taċ-Ċentru għall-Istudji tar-Restawr li applikaw biex jieħdu l-flus li huma ntitolati għalihom studenti post-sekondarji u terzjarji lokali? Kemm hemm studenti li fil-fatt se jieħdu dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord ta' l-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti irċieva ħames applikazzjonijiet minn studenti mill-Istitut għall-Istudji tar-Restawr u oħra minn student ieħor ta' l-istess Istitut li għandu 'l fuq minn 30 sena biex jieħdu l-flus li huma intitolati għalihom studenti post-sekondarji u terzjarji lokali.
Il-Bord qed jeżamina dawn it-talbiet fid-dawl ta' l-Avviż Legali 165 ta' l-1999 flimkien ma' talbiet oħra li waslulu.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar l-ilmenti msemmija fl-ittra li qed tintbagħat separatament dwar fosos u drenaġġ fi Triq Galilei fil-Kortin tal-Mellieħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellat li risposta tingħata f'seduta oħra minħabba li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid u jagħti dettalji dwar dak li ġie rrapportat li qal lill-ġurnalisti wara l-laqgħa tal-Kabinett tat-Tnejn, 1 ta' Novembru, 1999 fejn skond "In-Nazzjon" tat-2 ta' Novembru, 1999 intqal li "Il-Kabinett iddiskuta l-bidliet li jridu jsiru mhux biss fid-dipartimenti tal-gvern iżda wkoll fil-ministeri? Qed ikun propost pjan li għandu jwassal biex il-ministeri kollha jkunu aktar effettivi fid-deċiżjonijiet. Bħala prijorita', l-ewwel li se jgħaddi minn din il-bidla hu l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni". Jista' l-Prim Ministru għaldaqstant ukoll jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum approvat mill-kabinett fl-istess laqgħa msemmija u li kien ippreżentat mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma jidhirlix li għandi nagħti iżjed dettalji milli tajt fuq dak li ġie diskuss fil-laqgħa msemmija tal-Kabinett, ħlief li nżid li l-proposti għall-proċess ta' tibdil u ristrutturar fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u fid-dipartimenti li jaqgħu taħtu huwa wkoll tkomplija tal-proċess li kien beda xi snin ilu u li kien ġie sostnut ukoll mill-amministrazzjoni preċedenti, u li l-proposti li saru mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni ġew ikkunsidrati wkoll fl-isfond tar-riżorsi umani li jridu jiġu allokati mill-Management Efficiency Unit ta' l-Uffiċċju tiegħi sabiex jitwettqu riformi simili fil-Ministeri l-oħra bil-għan li jitjiebu l-operazzjonijiet tagħhom u li jingħata servizz aħjar lill-klijenti tagħhom.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, kif jaf l-Onorevoli Membru, għall-ragunijiet imfissra fil-Kodiċi ta' Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari, dokumenti tal-Kabinett mhumiex, bħala regola ġenerali, magħmula pubbliċi.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar l-ittra li rċieva l-Ministru fil-15 ta' Novembru, 1999 u li, kopja tagħha qed tintbagħat separatament, intbagħtet lili dwar ilment fi skola privata dwar it-tagħlim ta' l-Istorja ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'riferenza għall-ilment dwar it-tagħlim ta' l-Istorja ta' Malta kif irrapportat fl-ittra ta' xi ġenituri li nbagħtet lilna fil-15 ta' Novembru, l-awtoritajiet ta' l-iskola kkonċernata ġew avviċinati u ġejt mogħti l-parir li:
* IL-ġenituri li jagħżlu li jibgħatu lill-uliednom f'din l-iskola jafu li l-medium tat-tagħlim huwa l-Ingliż u għalhekk fil-lista ta' l-istaff hemm numru ta' għalliema li m'humiex ta' nazzjonalita` Maltija.
* Illum il-ġurnata ir-role ta' teacher inbidlet: mhux kemm jaf it-teacher jgħodd imma kemm l-istudent qed jitgħallem taħt it-tmexxija tat-teacher.
* Ta' min iżid jgħid li t-teacher li għalih saret ir-rferenza fl-ittra hu kwalifikat biżżejjed bħala teacher.
* Rigward l-ikel ipprovdut mill-iskola wieħed jista' jgħid li sa Ġunju li għadda l-ikel kien b'xejn. Kien hemm madwar 40% li kienu jippreferu jieklu l-iskola. Din kienet drawwa ġejja minn meta 100% ta' l-istudenti kienu boarders. Is-sistema issa nbidlet u kull min jagħżel li jiekol irid iħallas apparti mill-miżati ta' l-iskola. Il-ġenituri kienu ġew mgħarrfa minn qabel b'din il-bidla.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ittra mibgħuta lill-ministeru bid-data 12.11.99 dwar ilment ta' Attard FC u li kopja tiegħu qed titbagħat separatament, intbagħtet lili wkoll?
Response (GALEA, LOUIS)
Għandi talba mill-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard biex jassumi hu r-responsabbilita` tat-tkomplija tax-xogħol bi ftehim mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. It-talba qed tiġi konsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjan ta' ħidma għandu l-ministeru għal titjib urġenti fit-toroq tal-Manikata li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-preżent id-Dipartiment tat-Toroq għamel xogħol ta` `formation` f`toroq tal-Manikata HOS fejn tqiegħdu wkoll il-`mains` ta` l-ilma.
Bħalissa qed jintalbu offerti biex dawn it-toroq ikunu jistgħu jiġu asfaltati. Dan ix-xogħol ikun jista jitlesta mill-kuntrattur li jiġi allokat ix-xogħol.
Id-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha w x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu dwar it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġia (KLB/sa/99/11/09 - 5 ta' Novembru, 1999) għal biċċa art f'Wied il-Buni biex tiġi żviluppata għal skopijiet sportivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-talba tal-Kunsill Lokali ta` Birżebbuġia li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ma tistax tiġi milqugħa peress li l-art in kwestjoni mhix proprjeta` tal-Gvern.
B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru 9003, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' Dr. Joseph A. Cannataci u tal-Perit Claude Busuttil li fl-istess tweġiba kien intqal li s-salarju u l-benefiċċji l-oħra tagħhom kienu għadhom qegħdin jiġu negozjati? Jista' l-Ministru f'kull każ jgħid jekk tali kuntratti għadhom ma ġewx konklużi jgħid x'inhu s-salarju u l-benefiċċji li dawn l-individwi qegħdin jistennew li jgawdu minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kuntratti ta' Dr Joseph A. Cannataci u l-Perit Claude Busuttil għadhom ma ġewx konklużi u għalhekk ma jistgħux jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta' Ġunju, 1999, rigward il-ħtieġa ta' servizzi ta' periti privati jew soċjetajiet ta' periti, kif ukoll inġiniera elettriċi u mekkaniċi għad-disinn u superviżjoni, jgħid min kienu l-individwi jew soċjetajiet li sal-lum tqabbdu mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jagħtu tali servizzi billi jqiegħed kopja tal-kuntratti relattivi ma' dawn l-individwi jew soċjetajiet fuq il-Mejda tal-Kamra kif ukoll jgħid f'kull każ intalabx il-permess tal-Ministeru tal-Finanzi biex tali servizzi jingħataw? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tali approvazzjonijiet kif ukoll tat-tali talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għal avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta' Ġunju, 1999 mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni rigward servizzi ta' periti privati jew soċjetajiet ta' periti, kif ukoll inġiniera elettriċi u mekkaniċi għad-disinn u superviżjoni, igħid jekk il-ministeru tiegħu ntalabx li jiġu ngaġġati tali individwi jew soċjetajiet kif ukoll igħid x'qegħdin jitħallsu għat-tali servizzi kif ukoll kemm hu previst li sejjer ikun l-investiment totali tal-gvern fuq il-proġetti rispettivi li dawn qegħdin jaħdmu fuqhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s`issa ma saritx riferenza lill-Ministeru tal-Finanzi fuq is-suġġett tal-mistoqsija tiegħu. Nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat għal xi tagħrif ieħor.
Jista' l-Minsitru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-intervisti għas-sejħa għall-applikazzjoni li kienet ġiet ippubblikata fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti għal post ta' Assistant Technical Officer (Draughtsmanship) fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif hu magħruf publikament, inkluż bid-Diskors tal-Budget għas-sena 2000, fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni twaqqaf Office of Review biex jiffaċilita proċess ta' bidla fl-istrutturi li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru. Waħda mill-funzjonijiet ta' dan l-Uffiċċju għandha x'taqsam ma' tibdil fl-istruttura responsabbli għall-proġetti kapitali u proġett ta' refurbishment u maintenance. Sakemm dan it-tibdil jiġi definit inħass li ma jkunx għaqli li f'dan l-istadju jiġu appuntati uffiċċjali pubbliċi f'xi gradi jew pożizzjonijiet f'dan il-qasam differentament minn dak li jeżisti llum.
Jista' l-Prim Ministru bħala ministru responsabbli mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u l-Management and Personnel Office jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-intervisti għas-sejħa għall-applikazzjoni li kienet ġiet ippubblikata fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti għall-post ta' Assistant Technical Officer (Draughtsmanship) fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li wara li twaqqaf Office of Review fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jiffaċilita l-proċess ta' bidla fl-istrutturi li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru, inħass il-bżonn li sakemm isir dak it-tibdil li jkun meħtieġ, ma jsirux ħatriet għal dawk il-gradi li għandhom x'jaqsmu ma proġetti kapitali u proġetti ta' refurbishment u maintenance.
Dipartiment tas-Servizzi tal-Koperattivi — Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta' impjegati li jirċievu s-salarju tagħhom mid-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi ta' l-istess ministeru filwaqt li jgħid x'salarju, benefiċċji u allowances oħra dawn jitħallsu fix-xahar kif ukoll xi transferiment ta' fondi jagħmel l-istess dipartiment u għal-liema individwi, lil entitajiet oħra bħal flus f'salarji jew allowances f'każ fejn individwi huma on secondment, on loan, jew inkella t-trasferiment uffiċjali tagħhom ikun għadu ma sarx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Uffiċċjali Pubbliċi li jaħdmu f'dan id-Dipartiment jitħallsu l-iskali ta' salarju, allowances u benefiċċji kif stabbilit fil-Ftehim Kollettiv bejn il-Unions u l-Gvern. Informat ukoll li minbarra dan, id-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi jagħmel ukoll dawn il-pagamenti:
a) Lm305 kull xahar lill-Professur Victor Griffiths bħala onorarju lill-Ombudsman ta' l-Universita` u Lm 375 kull tlett xhur lill-Fondazzjoni dwar Studji Internazzjonali bħala parti mis-salarju ta' Ms Simone Vella għal assistenza segretarjali lill-Ombudsman ta' l-Universita`.
b) Lm1380 kull xahar lis-Sur George Papagiorcopulo, Lm500 kull xahar lis-Sur Eric Muscat u Lm862.5 kull xahar lis-Sur Peter Buġeja. Dawn it-tliet persuni jaħdmu fuq il-proġett Challenge 2000.
c) Lm575 onorarju lil Professur John Rizzo Naudi, Kanċillier ta' l-Universita` u Lm 166.67 fix-xahar allowances segretarjali lis-Sur Paul Vella, Segretarju tal-Kanċillier.
Jista' l-Ministru jgħid x'remunerazzjoni u x'benefiċċji u allowances oħra jgawdu ċ-chairman u l-membri tal-Kumitat tar-Restawr tal-Cottonera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Naħseb li l-Onor. Membru qed jirreferi għall-Kumitat tar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. Iċ-Chairman u l-Membri ma għandhom l-ebda remunerazzjoni u l-ebda benefiċċju.
B'riferenza għal avviż li deher fil-ħarġa ta' l-10 ta' Awissu, 1999 ta' The Times igħid min huma l-erba' executives li ntgħażlu mis-Central Information Management Unit billi jagħti l-isem, il-kunjom, l-indirizz, il-curriculum vitae u dettalji dwar salarji, benefiċċjhi u allowances li ġew offruti kif ukoll igħid minn min kien kompost il-Bord ta' l-Għażla ta' dawn l-executives?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta' l-għażla għall-pożizzjonijiet ta' Executives mas-Central Information Management Unit għadu ma ntemmx.