Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11907 Sitting 204 1999-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Vot kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema skejjel u bini ieħor huma mistennija li jintnefqu l-Lm2.6 miljun ivvotati bħala nefqa kapitali għas-sena 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-dettalji mitluba jkunu jistgħu jitħabbru wara aktar verifiki.
Leg 9 PQ #11921 Sitting 204 1999-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Computers

Question

Meta tqis li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha 3,500 mis-7,500 computer li hemm fid-dipartimenti tal-gvern, jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw IT facilitators lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saru diversi talbiet sabiex jingħataw IT facilitators għad-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Il-kwestjoni qed tiġi diskussa mal-MITTS u fil-futur għandha tittieħed azzjoni f'dan ir-rigward.

Vetturi impressed

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 11821 li oriġinarjament kienet saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid x'inhu n-numru ta' nies impjegati bħala impressed mal-Gvern? Kemm hemm vetturi li huma kkalkolati bħala impressed? Kemm intuża fuel, petrol u diesel matul dawn l-ewwel 11-il xahar? X'kontrolli hemm biex jiġi żgurat li jintuża biss dak il-fuel li jkun hemm bżonn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-informazzjoni li għandu dan il-Ministeru, fl-aħħar ta' Ottubru ta' l-1998, kien hemm seba' mija u erbgħa u għoxrin (724) vettura impressed bis-sewwieq f'numru ta' Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern kif ukoll f'numru ta' organiżżazzjonijiet parastatali. M'hux il-kompitu ta' dan il-Ministeru li jżomm record dwar kemm intuża "fuel". Il-"fuel" li jinħareġ lil dawn l-"impressed drivers" jiddependi mid-daqs tal-magna tal-vettura u mill-ammont ta' mili li tkun għamlet il-vettura għal vjaġġi uffiċċjali. Kull "impressed driver" huwa obbligat li jżomm "log-book" li fuqu jiġi rreġistrat kull vjaġġ li jsir u li jiġi ffirmat mill-uffiċċjal li jkun qed jinqeda'.
Leg 9 PQ #11926 Sitting 204 1999-12-09 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Karozza mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-risposta li ta l-Ministeru tal-Finanzi lill-Awditur Ġenerali dwar il-mistoqsijiet imqajma fir-Rapport għall-1998 li l-kiri tal-karozza tal-Ministru se tqum Lm25,678 u għaliex ġiet mikrija flok mixtrija?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba għal din il-Mistoqsija tingħata f`xi tweġiba oħra.
Leg 9 PQ #11927 Sitting 204 1999-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Rapport ta' l-Awditur Ġenerali

Question

B'riferenza għar-rapport ta' l-Awditur Ġenerali għall-1998 f'paġna 60 u 61 fejn u għand min instabu ż-żewġ oġġetti (glazed vase and a mahogany table) li kienu nieqsa u nstabu? X'sar mis-sitt oġġetti l-oħra nieqsa? Fejn waslet l-investigazzjoni dwarhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li l-"glazed vase" instab fl-uffiċċju ta' l-Awdituri Interni, filwaqt li l-"mahagony table" instabet fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Informat ukoll li sa issa għadhom ma ġewx misjuba s-sitt oġġetti l-oħra nieqsa.
Leg 9 PQ #11929 Sitting 204 1999-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Mellieħa — Fergħa tal-posta ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkonsidrat li tinfetaħ fergħa tal-posta fil-Mellieħa? Meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Wieħed mill-għanijiet fil-pjan strateġiku tal-Maltapost huwa l-immodernizzar tal-uffiċini tal-posta madwar Malta. Naturalment il-pjan jinkludi żieda fin-numru ta' fergħat skond il-ħtieġa u l-fondi ppjanati. Huwa l-ħsieb tal-kumpanija li tiftaħ fergħa ġdida fil-Mellieħa.
Leg 9 PQ #11901 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti bi problemi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi konkreti se jittieħdu matul is-sena 2000 għall-interventi edukattivi li hemm bżonn biex ngħinu lil 20% ta' l-istudenti fl-eta' ta' seba' snin li għandhom diffikultajiet biex jiktbu u jaqraw bil-Malti u bl-Ingliż, skond kif ġew identifikati fir-riċerka li saret fuq it-tfal kollha fit-tieni sena tal-primarja f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tieħu diversi inizjattivi fuq livell ta' skejjel, klassijiet u individwi biex isiru magħrufa dawk it-tfal li baqgħu lura fit-tagħlim u jittieħdu passi biex dawn l-istess tfal tingħatalhom l-għajnuna meħtieġa biex javvanzaw 'il quddiem. Fost dawn il-passi: * Jingħata s-servizz ta' Edukazzjoni Kumplimentarja. * Jitqassmu riżorsi lill-għalliema ta' l-Edukazzjoni Kumplimentarja. * Jittieħdu inizjattivi biex kull għalliem/a joħolqu programmi li jindirizzaw il-bżonnijiet edukattivi speċifiċi ta' dawn it-tfal. * Jiġu organizzati korsijiet ta' aġġornament (induction training u in-service courses) lill-għalliema ta' dawn it-tfal. * Jitkompla r-rapport kwantitattiv, li beda fl-1996 mill- Uffiċjal Edukattiv ta' l-Edukazzjoni Kumplimentarja bl- għajnuna ta' l-għalliema f'dan is-servizz. * Isir follow-up ta' dawn ir-rapporti bil-għan li dawn it- tfal jingħataw l-għajnuna meħtieġa fit-tagħlim. * Isiru żjarat ta' sikwit fil-klassijiet ta' dawn l-istudenti. * L-għalliema joħolqu l-metodi ta' tagħlim b'modi individwali kif ukoll fi gruppi.
Leg 9 PQ #11902 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Birżebbuga - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jaċċettax il-proposta popolari li l-iskola primarja B ta' Birżebbuga tissemma għal Suor Maria Theuma, mara mil-lokal, li tat ħajjitha fil-missjoni u mietet issalva tarbija fil-Pakistan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-eżerċizzju biex l-iskola primarja ta' Birżebbuġa tingħata isem uffiċjali għadu mhux konkluż. S'issa kien hemm proposta mill-Kunsill Skolastiku (li rrefera għaliha l-Omor. Membru) u, issa jmiss lill-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa li jagħmel il-proposta tiegħu. Wara li jsiru dawn il-proposti, tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar l-isem uffiċjali ta' din l-iskola.
Leg 9 PQ #11903 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Budget 2000

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti se jittieħdu mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fil-linja ta' dak li hemm f'paġni 65 u 66 tad-diskors tal-Budget 2000: "Hemm lok kbir biex nikkontrollaw aħjar l-ispiża fl-iskejjel tal-gvern bla ma ssir ħsara lill-kwalita'. Jeħtieġ li l-iskejjel tal-gvern jużaw ir-riżorsi tagħhom b'aktar ekonomija"?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, filwaqt li tħares lejn il-kwalita`, il-ħin kollu impenjata biex tagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi li jkollha. L-Office of Review hu mistenni jkun ta' għajnuna f'dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #11904 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Luqa - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda x-xogħol tant urġenti fuq il-bini ta' l-iskola primarja ta' Ħal-Luqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li xogħol urġenti kaġunat mill-maltemp li kellna fil-ġimgħat li għaddew fl-iskola ta' Ħal Luqa mbeda u mistenni jispiċċa fi żmien qasir. Xogħol ta' ristrutturazzjoni ta' l-iskola kollha li ilu maħsub snin hu msitenni jibda tul is-sena d-dieħla.
Leg 9 PQ #11905 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors tal-Mediċina/Kirurġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jkunu l-kwalifiki għad-dħul ta' l-istudenti fil-Kors tal-Mediċina u tal-Kirurġija fl-Universita' ta' Malta f'Ottubru 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru jaf li din hi materja li l-Universita` tiddeċidiha b'awtonomija sħiħa permezz tas-Senat ta' l-Universita`. Informat li l-kwalifiki għad-dħul ta' l-istudenti fil-kors tal-Mediċina u tal-Kirurġija fl-Universita` Malta f'Ottubru 2000 huma l-istess bħal dawk li kienu meħtieġa għad-dħul fil-kors li fetaħ f'Ottubru 1999 jiġifieri dawk ippubblikati permezz ta' l-Avviż Legali 104 ta' 1999. Dawn il-kwalifiki jgħoddu għad-dħul ta' studenti regolari u kull min ikollu dawn il-kwalifiki jidħol bi dritt fil-kors li minn din is-sena m'għadx għandu numerus clausus. Informat ukoll li bħal f'kull kors ieħor, il-Fakulta` għandha f' diskrezzjoni li tammetti studenti bi prova (probationary students) dawk l-applikanti li jkunu kisbu ċ-Ċertifikat tal-Matrikola iżda jkun jonqoshom mhux aktar minn element wieħed mir-Rekwiżiti Speċjali tal-Kors partikolari li jkunu applikaw għalih (bħalma hu grad f'suġġett fil-Livell Avvanzat jew grad f'suġġett fil-Livell Intermedjarju). Dan fit-termini tar-Regolamenti għad-Dħul kif emendati bl-Avviż Legali 9 ta' 1998.
Leg 9 PQ #11906 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

St James Cavallier — Ċentru ta' l-Arti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun lest il-bini ta' San Ġakbu l-Kavallier biex jiġi miftuħ iċ-Ċentru ta' l-Arti għall-millenju?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġġerixxi l-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Minsteru għall-Ambjent.
Leg 9 PQ #11831 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Umberto Colosso

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġett ta' riabilitazzjoni kemm maħsub għall-iskola Umberto Colosso? Min huma l-periti? X'sar mill-proġett li kien issuġġerixxa l-Kunsill Lokali ta' Santa Venera u li kienu ħadmu fuqu l-periti Carm Lino Spiteri u Paul Gauci?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Ditta ta' Periti Mangion & Mangion qed tagħmel studju (brief) dwar l-istat tal-bini ta' Umberto Calosso. Mill-istudju għandu jirriżulta jekk il-bini attwali għandux jitwaqqa' kompletament jew in parti, u għandiex tinbena skola ġdida fl-istess post. L-istudju għandu jieħu in konsiderazzjoni l-ispejjeż involuti fi kwalunkwe għażla. Informat ukoll li d-Ditta tal-Periti infurmat lis-Sindku ta' Santa Venera b'dak li qed tagħmel.
Leg 9 PQ #11832 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'xogħol qiegħed jagħmel is-Sur Ray Xerri fl-iskejjel ta' Għawdex biex ixerred tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea? Kemm-il skola żar s'issa s-Sur Xerri u kemm kellem tfal s'issa dwar l-Unjoni Ewropea? Kif intgħażel is-Sur Xerri? Xi kwalifiki għandu? Kemm kien hemm persuni oħra li ġew ikkonsidrati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-onorevoli interpellant qed iżur l-iskejjel f'Għawdex biex jagħti tagħrif lill-istudenti dwar l-Unjoni Ewropeja. S'issa żar ħdax-il skola, kellem l-fuq minn 2000 student. Huwa l-E.U. desk officer tal-Ministeru u għandu l-kwalifika meħtieġa biex jagħmel ix-xogħol imsemmi.
Leg 9 PQ #11876 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Customer Service Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Maltacom qed tgħid li hemm sebgħa (7) Customer Service Officers żejda fid-Dipartiment tal-Customer Service Unit meta xorta qed issir ruxxamata overtime fl-uffiċini tal-kumpanniji fil-Belt Valletta, Ħal Luqa u Tas-Sliema u dan jkun imniżżel fuq ir-roster? Għaliex dawn ma jintbagħtux jaħdmu f'dan l-uffiċċju u/jew fit-taqsima tat-telefonati internazzjonali fejn hemm ħames (5) operaturi nieqsa? X'inhi r-raġuni li l-Customer Service Officers u assistenti fid-Dar Ċentrali tneħħilhom ix-shift u ġew jaħdmu bil-ġuranta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Twegiba tinghata f`xi Seduta ohra.
Leg 9 PQ #11821 Sitting 199 1999-12-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Vetturi Impressed

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies impjegati bħala impressed mal-Gvern? Kemm hemm vetturi li huma kkalkolati bħala impressed? Kemm intuża fuel, petrol u diesel matul dawn l-ewwel 11-il xahar? X'kontrolli hemm biex jiġi żgurat li jintuża biss dak il-fuel li jkun hemm bżonn?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Nterpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Politika Soċjali.
Leg 9 PQ #11822 Sitting 199 1999-12-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 11062, jista' l-Ministru jikkonferma li biex il-bord amministrattiv tal-Pixxina Nazzjonali ħallas is-somma ta' Lm18,300 kellu jitlob il-gvern biex jingħata bil-quddiem il-ħlas ta' tliet xhur li l-gvern jagħti biex jgħin fil-ħlas ta' fuel u xogħol ieħor? Kif ħadem il-bord tal-pixxina biex iħallas kontijiet matul Ottubru, Novembru u issa Diċembru la m'għandux għad-dispożizzjoni tiegħu s-somma ta' aktar minn Lm6,000 li l-Gvern jgħaddilu kull xahar?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Bord tal-Pixxina Nazzjonali imexxi l-Kumpless b'fondi mogħtija lilu mill-Gvern u oħrajn ġenerati minnu stess b'attivitajiet li jsiru fil-Pixxina Nazzjonali. Dawn il-fondi huma biżżejjed biex il-Bord jissodifa l-obbligi tiegħu għal din is-sena.
Leg 9 PQ #11823 Sitting 199 1999-12-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni maħruba

Question

Jista'l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar, 1999 kemm-il persuna ħarbet meta kienet taħt il-kustudju tal-pulizja? Jista' f'kull każ jagħti: (a) l-isem tal-persuna; (b) in-nazzjonalita'; (c) meta saret il-ħarba; u (d) jekk il-persuna inqabditx?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #11824 Sitting 199 1999-12-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija ta' l-Immigrazzjoni — Ċittadini Marokkini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11065, jista' l-Ministru jagħti n-numru totali ta' nies li matul din is-sena nżammu milli jidħlu f'pajjiżna: (a) fl-ajruport; (b) fil-port? Tinżamm statistika dwar in-nazzjonalita' ta'dawn in-nies? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti l-lista tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #11825 Sitting 199 1999-12-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Nies arrestati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika biex turi kemm minn nies arrestati mill-pulizija jkunu qed jabbużaw mid-droga, anke jekk jiġu arrestati fuq każi ta' serq, attentat ta' qtil, eċċ.? Jekk iva, jista'l-Ministru jagħti l-figuri għal din is-sena? Jekk le, jaħseb il-Ministru li statistika bħal din għandha tibda tinżamm biex tgħin lill-pulizija fix-xogħol tagħha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma tinżammx. Ninsab infurmat ukoll li skond il-Pjan Strateġiku tal-Korp tal-Pulizija għas-snin 1999 - 2000 hu maħsub li din it-tip ta` statistika tibda tinżamm.