Jista' l-Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu l-Ministru fid-dawl tal-kummenti li għamel iċ-Chairman tal-FELTOM li minkejja li l-Monitoring Board fuq l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin għandu ħafna poteri, mhux qed jużahom u qed jieħu attitudni laissez faire li qed tbaxxi l-istandards lokali f'qasam internazzjonali daqstant kompetittiv?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar il-kummenti li c-chairman tal-FELTOM għamel fil-konfront tal-Monitoring Board fuq l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin informat li:
a) l-istess chairman tal-FELTOM kien u għadu wieħed mill-membri ta' l-istess Monitoring Board u għalhekk għandu sehem fl-applikazzjonijiet tal-Policies u fid-deċiżjonijiet kollha ta' l-istess Monitoring Board.
b) F'Jannar li għadda l-Monitoring Board ifformola New Policy Guidelines u Questionnaire li qed jiġu esegwiti attentament fil-ħruġ ta' Liċenzji ġodda għall-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż;
c) Minkejja li f'dawn is-sentejn, minn meta twaqqaf il-Board, kien hemm għadd konsiderevoli għall-ħruġ ta' Liċenzji, in-numru ta' applikazzjonijiet li ġew approvati kien biss ta' sitta.
d) Bħalissa qed isir monitoring tal-kwalifiki tat-teachers kollha li jgħallmu fl-iskejjel ta' l-Ingliż u dawk biss li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-Liġi qed jingħatalhom il-permess li jgħallmu (EFL Permit).
e) Fit-tlett xhur tas-sajf isiru inspections mil-membri kollha tal-Monitoring Board fl-iskejjel kollha u fl-extensions fejn isir it-tagħlim ta' l-Ingliż lill-barranin. Mhux rari l-każ li jsiru ukoll żjajjar lil xi skejjel matul is-sena skond il-ħtieġa.
f) Il-Monitoring Board jgħaraf li hemm diffikultajiet mhux tant fl-iskejjel daqskemm fil-Home Accomodation. Dawn il-problemi, ta' aspetti diversi, qed jingħataw attenzjoni speċjali bil-koperazzjoni sħiħa tal-Ministeru tat-Turiżmu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se titħallas b'kollox in-Novita' għax-xogħol li għamlet fuq Terminal 2 tal-Freeport?
Kemm tħallset s'issa minn din is-somma?
Minn dak li tħallas jew se jitħallas kemm hemm minnu għal extra work? Fiex jikkonsisti l-extra work?
Tikkonferma li mill-ħlasijiet dovuti lin-Novita' se titnaqqas is-somma ta' Lm3.1 miljun talli ma żammitx magħha l-ħaddiema tal-Kalaxlokk?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tingabar u twegiba tinghata f`xi Seduta ohra.
Jista' l-Ministru jgħid meta fetaħ u għalaq il-perijodu li fih setgħu jintefgħu applikazzjonijiet għall-Commonwealth Scholarship? Kemm applikaw u f'liema suġġetti? Kemm intagħżlu u f'liema suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-perjodu li fih intlaqgħu applikazzjonijiet għall-Commonwealth Scholarships għall-Kanada u r-Renju Unit kien bejn il-ġurnata li ġew ippublikati l-calls fil-gazzetta tal-Gvern u 1 ta' Ottubru 1999.
B'kollox applikaw 57 persuna kif ġej:
Ekonomija/Management 11
Liġi 4
Informatika/Xjenza 13
Mediċina 7
Sudji Umanistiċi 9
Politika 1
Edukazzjoni/Psikoloġija 7
Inġinerija 5
Għal din is-sena, il-Kummissjonijiet tal-Commonwealth fil-Kanada u fir-Renju Unit offrew total ta' disgħa nominazzjonijiet lil Malta, u hekk, il-Malta Commonwealth Scholarship and Fellowship Board innomina disgħa kandidati Maltin kif ġej:
Mediċina 3
Studji Umanistiċi 2
Informatika/Xjenza 2
Liġi 1
Psikoloġija 1
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika s'issa kemm kien hemm inċidenti li fihom ġenituri: (1) daħlu fi skejjel; (2) marru d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u għamlu jew ħabtu għall-kapijiet jew uffiċjali għolja tad-Diviżjoni? X'passi ħa l-Ministeru f'dawn il-każi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar mill-Iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' adoloxxenti u f'liema skejjel sekondarji li qatt ma attendew jew attendew ftit wisq matul is-sena skolastika 1998-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Ottubru tal-1998 sa Jannar ta' l-1999 kien hemm 271 studenti li kienu regolarment assenti mill-iskejjel ta' hawn taħt. Minn dawn 64 kienu assenti b'ċertifikat mediku.
SKOLA NUMRU TA' STUDENTI
Maria Teresa Nuzzo, Girls' 40
School, Ħamrun
Erin Seracino Inglott, Girls' 58
Secondary, Cospicua
Furto Selvatico, Boys School 27
Naxxar
Maria Assumpta, Girls' 80
Secondary, Ħamrun
Lorenzo Manche, 23
Boys' School, Floriana
Stefano Zerafa, Boys' Trade 43
School, Naxxar
TOTAL 271
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni diġa' ħejjiet rapporti fuq il-problema ta' l-assentejiżmu u bdiet ħidma fejn din l-aktar li tinsab.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika dwar ir-rata ta' assenteiżmu ta' l-iskejjel sekondarji tas-subien u bniet ta' Malta u Għawdex, skola bi skola, minn Marzu 1999 sa l-aħħar tas-sena skolastika 1998-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar mill-Iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir matul is-sena 2000 biex tissaħħaħ is-sistema tal-Matsec u s-Sec biex jitmexxew aħjar? X'passi se jittieħdu f'dan il-qasam; (1) mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet; u (2) ma' l-Edexcel ta' l-Universita' ta' Londra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sabiex tissaħħaħ is-sistema tal-Matsec:
a) Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, mis-sena 2000, ġie inkarigat sabiex jieħu f'idejh:
(i) ir-reġistrazzjoni tal-Kandidati,
(ii) l-ippustjar tal-kandidati fiċ-ċentri,
(iii) l-impustar tat-timetables lill-kandidati,
(iv) il-ħatra ta' l-invigilators u supervisors waqt
l-eżamijiet,
(v) it-tmexxija ta' l-eżamijiet fiċ-ċentri u fil-jiem
ta' l-eżamijiet,
(vi) l-impustar tar-riżultati u ċ-ċertifikati lill-kandidati
kif maħruġa mill-Matsec Board.
b) mis-sena 2000:
(i) ser jintbagħtu samples ta' l-iscripts tal-kandidati ta'
erbgħa suġġetti lill-speċjalisti ta' l-Edexcel fl-
Universita` ta' Londra;
(ii) hemm maħsub li speċjalisti ta' l-Edexcel fl-Universita`
ta' Londra ikollhom kuntatt mal-Paper Setters tal-Matsec
fil-ħolqien tal-karti ta' l-eżamijiet;
(iii) speċjalisti ta' l-Edexcel mill-Universita` ta' Londra
ser jagħmlu valutazzjoni tal-marki qabel il-ħruġ tar-
riżultati tas-sessjonijiet ta' l-eżamijiet tal-Matsec
tas-sena 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li bħalissa mhumiex jattendu skola għax għadhom qed jistennew li jiġu evalwati mill-Istatementing Board?
Meta hemm il-ħsieb li jsiru l-evalwazzjonijiet meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 13-il tifel u tifla, taħt l-eta` obbligatorja (eta` ta' Kindergarten) li m'humiex jattendu l-iskola bħalissa minħabba li għadhom ma ġewx evalwati mill-Istatementing Board.
Hemm ukoll 4 t-itfal li qed jattendu part-time.
L-Istatementing Board diġa' beda l-evalutazzjoni meħtieġa u sa jressaq irrakkomandazzjonijiet fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-programm ta' ħidma, inizzjattiva b'inizzjattiva, tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija matul is-sena 1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Programm tal-ħidma tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija ma jipprestax ruħu biex jiġi ippreżentat, fil-biċċa l-kbira tiegħu, fil-forma ta' rakkont "inizjattiva b'inizjattiva" kif tgħid l-interpellanza. Madakollu, it-tweġiba li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tfasslet biex tagħti l-informazzjoni sħiħa kemm jista' jkun li talab l-interpellant.
Qasam ewlieni ta' ħidma tal-M.C.S.T. hija pariri lill-Gvern. L-istess Membru diġa' f'Lulju li għadda kien staqsa kemm intalab u kemm ingħata l-parir tal-Kunsill lill-Gvern bejn Settembru 1998 u Lulju 1999, u fit-tweġiba issemmgħu sitt oqsma importanti, imma għandu jkun ċar għal kulħadd li l-konsultazzjoni bejn il-Kunsill u l-Gvern ma tieħux bil-fors forma li tista' tiġi kwantifikata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ssellfu kotba mil-librerija pubblika ta' Belt is-Sebħ fl-1995, 1996, 1997, 1998 u 1999? Tista' tagħti l-istess statistika għall-fergħat differenti ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istatistika miżmuma mid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji ma tagħtix informazzjoni dwar kemm persuni jissellfu kotba, iżda tgħarif dwar in-numru ta' kotba li jiġu mislufa. Fil-fatt bejn l-1995 u l-1999, il-Librerija Pubblika tal-Floriana u l-fergħat f'Malta u Għawdex, sellfu bejniethom, 3,383,458 ktieb.
It-tabella t'hawn taħt tagħti informazzjoni dettaljata dwar kemmu minn fejn ġew mislufa dawn il-kotba.
Sena Librerija Fergħat f'Malta Total
Floriana u Għawdex
1995 239,355 393,082 632,437
1996 256,690 415,478 672,168
1997 248,556 429,616 678,172
1998 262,461 438,189 700,650
1999 295,174 424,857 720,031*
It-totali għas-sena 1999 huma sa l-aħħar ta' Novembru.
Jista' l-Ministru jgħid b'kemm inxtraw kotba matul is-sena 1999 għal-librerija pubblika ta' Belt is-Sebħ u tal-fergħat differenti ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-1999 id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji Nazzjonali xtara b'erbatax-il elf Lira Maltija (Lm14,000), kotba, għal-Librerija Pubblika tal-Floriana u l-fergħat madwar Malta u Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti hemm maħsubin fil-qasam tas-siti storiċi li se jsiru matul is-sena 2000; (1) ma' għaqdiet volontarji; (2) ma' għaqdiet tip Fondazzjoni Patrimonju Malti; u (3) mas-settur privat?
Response (GALEA, LOUIS)
Apparti l-ftehim mal-BOVI Heritage Trust dwar il-proġett tat-Tempji ta' Ħal-Tarxien li xogħol dwaru wasal fi stadju avvanzat u qegħdin jitlestew dokumenti u kuntratti definittiv, kif ukoll diskussjonijiet prelimanari dwar it-tmexxija ta' l-Ipoġew, s'issa m'hemmx proposti konkreti oħra. Nittama li ma jdumx ma jiġi konkluż ix-xogħol fuq l-abbozzar tal-qafas legali li għandu jirregola dan is-settur u li hu maħsub li jiffaċilita sħubija bħal dik indikata mill-Onor. Membru.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Junior Lyceum - Eżamijiet
Question
Jista' l-Ministru jara biex jittieħdu passi biex il-unit li jorganizza u jikkordina l-eżamijiet tal-Junior Lyceum fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jkollha spazju kbir biżżejjed fejn jaħdem biex jiġi mnaqqas ir-riskju ta' leakages?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa' ġew indikati żewġ imħażen kbar għall-Educational Assissment Unit. Meta jkunu vakati, jirranġaw ruħhom u jingħaqdu mal-Unit. Dawn joffru spazju biżżejjed biex it-taqsima tkun organizzata aħjar u tkompli ssaħħaħ il-fiduċja ta' kulħadd fis-sigurta` u s-serjeta` ta' l-eżamijiet imsemmija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema rakkmandazzjonijiet ta' l-Ombudsman dwar ir-reklutaġġ u t-tqassim ta' l-assistenti soċjali każwali ma' l-anzjani se jiġu aċċettati? Meta se jidħlu fis-seħħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani diġa' beda jieħu passi sabiex jgħolli l-livell ta' kura fid-Djar ta' l-Anzjani. Fil-fatt ftit ta' ġimgħat ilu, ġew ingaġġati numru ta' Senior Care Workers biex jaħdmu f'dawn id-Djar. Id-Dipartiment, fuq rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman, dalwaqt joħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-"assistant care workers" u "care workers" sabiex jaħdmu fid-Djar ta' l-Anzjani. B'hekk id-dipartiment ikun qed jassigura li jkun hemm struttura adegwata f'dawn id-Djar u anke li jkun hemm persuni kwalifikati.
Bħalissa d-Dipartiment mhux qed iżid in-numru ta' CSA's imma qiegħed biss jissostitwixxi dawk li jispiċċaw.
Peress li ħafna kapijiet ta' skejjel li jilmentaw li minor staff jiġi mċaqlaq u trasferit bla ma jiġu konsultati huma (il-kapijiet), tista' tinbidel din il-linja biex ma jkomplux jitħarbtu l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-fehma tiegħi, ċertu xogħol ta' tindif u maintenance ta' kuljum fl-iskejjel hu aktar imħarbat mill-inkapaċita` ta' kull min hu responsabbli biex jassigura li kull impjegat jaqdi dmiru sew u jagħti ġurnata sħiħa ta' xogħol, milli mill-approvazzjoni għal ċaqliq ta' minor staff normalment mitlub mill-impjegati nfushom.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-wirjiet ta' l-arti li saru tul l-1999 f'xi mużew jew bini li jaqa' taħt il-ministeru; jista' jagħti l-isem ta' l-artist u d-data tal-wirja u l-post wirja b'wirja?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Għaqdiet kulturali — Kontribuzzjonijiet finanzjarji
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għaqdiet kulturali li matul l-1999 ngħataw xi kontribuzzjoni finanzjarja mill-ministeru?
Liema kienu u kemm ingħataw f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jiġi kompilat biex tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għaqdiet sportivi u clubs li matul l-1999 ngħataw xi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Ministeru? Liema kienu u kemm ingħataw f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.