Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm gruppi ta' studenti fl-ewwel sena tal-Kulleġġ Ġian Franġisk Abela ta' l-Imsida li qed jagħmlu l-Ingliż f'livell intermediate li mill-bidu tas-sena skolastika għadhom qatt ma kellhom lezzjoni ta' l-Ingliż?
X'se jsir ma' dawn l-istudenti biex iġibu lura ż-żmien prezzjuż li tilfu?
Meta se jkollhom il-lecturers meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li żewġ lecturers ta' l-Ingliż ġew mogħtija l-leave sa Jannar, waħda sabiex tippreżenta t-teżi tagħha, l-oħra minħabba gravidanza. Wara li diversi attentati sabiex jinstabu supplenti part-time fallew, il-kap ta' l-Ingliż ta hu stess siegħa mis-sagħtejn fil-ġimgħa stupulati, u b'hekk l-istudenti konċernati laħqu lil sħabhom fl-istudji tat-test litterarju. Sa dan il-jum, waħda mil-lecturers li kienu bil-leave daħlet lura għax-xogħol u l-grupi tagħha qed jirċievu l-lezzjonijiet kollha. L-oħra hi mistennija mill-jum għall-ieħor.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi urġenti biex it-tfal ta' Year 6B tal-primarja tal-Mellieħa jkollhom għalliem, issa li jinsabu ftit ġimgħat bogħod mill-eżamijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-klassi indikata fil-fatt għandha għalliema li bħalissa tinsab ma tiflaħx u mistennija tidħol lura meta tkun f'saħħitha. Ser inkompli nsegwi l-każ ta' din il-klassi.
Wara li f'Mejju 1998, il-Maġistrat Antonio Mizzi kien għamel rapport dwar proċeduri ta' sigurta' fil-Pixxina Nazzjonali, wara li kien ilu mal-ħames xhur josserva u jkellem lid-diriġenti ta' dak iż-żmien u wasal għall-konklużjoni, fost affarijiet oħra, li "is-sigurezza fil-Pixxina Nazzjonali hija non-eżistenti", jista' l-Ministru jgħid kemm, mir-rakkmandazzjonijiet tal-Maġistrat Mizzi ġew attwati?
Peress li fl-aħħar ġimgħat - qabel mal-Pixxina Nazzjonali ingħalqet għal btajjel - xi klijenti nformawni li għall-ħinijiet twal ma kienx hemm deckhand preżenti fuq id-deck peress li kien qed jagħmel xogħol ieħor mqabbad mill-management, jista' jara li dan ma jkomplix isir għaliex anke din tmur kontra li rrakkmanda il-Maġistrat Mizzi f'punt Nru. 4 tar-rapport tiegħu? Tista' tfisser telf ta' ħajja ta' għawwiem f'emerġenza?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni mpjegati bħala deck hands fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Kemm saru korsijiet tal-First Aid u/jew tal-life saving mindu infetħet? Meta sar kull kors u/jew refresher course?
Meta hu maħseb li jsir kors ġdid/refresher course?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tintlaqa' t-talba tagħha li tiġi aċċettata fi dar ta' l-anzjani tal-Gvern peress li tgħix waħedha u għandha bżonn attenzjoni kontinwa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li d-dettalji intbagħtu separatament, reċentament reġa' sarilha 'assessment' mis-"social worker". Skond dan is-"social assessment" li sar fit-8 ta' Novembru 1999, din il-persuna "tixtieq li għalissa titniżżel fuq il-"waiting list" sakemm tħossha li ma tistax tkampa f'darha iżjed speċjalment jekk ikompli jonqsilha d-dawl". In vista ta' dawn l-jiżviluppi ġodda fl-istat fiżiku tagħha, id-dħul tagħha fid-Djar ta' l-Anzjani qiegħed jingħata priorita' akbar.
Aktar minn sentejn ilu kienet ingħatat opportunita' ta' "respite" bħala prova ta' dħul pero' ma qagħditx aktar minn jumejn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta se tiġi operata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għal hip replacement?
Kemm hemm persuni jistennew din it-tip ta' operazzjoni? Kemm ilhom jistennew? Meta se ssirilhom l-operazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna indikata hija bbukjata għal operazzjoni ta` joint replacement għal 7 xhur oħra mill-lum.
Persuni li qed jistennew din it-tip ta` operazzjoni huma 175.
Il-persuna li ilha tistenna l-aktar fuq il-waiting list, ilha tistenna bejn wieħed u ieħor 20 xahar.
Dawn il-persuni jinqdew kollha fi żmien tmintax-il xahar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qamu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju li saru fil-Furjana fl-aħħar ġimgħa ta' Diċembru 1999 u fl-ewwel jiem ta' Jannar, 2000?
Jista' jagħti d-dettalji, item, item liema kienu l-kumpanniji privati li pprovdew xi servizz? Kif intgħażlu dawn il-kumpanniji? Saret sejħa għal offerti?
Kull attivita' organizzata kemm qamet?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12511.
Jista' l-Ministru jgħid min se jmexxi l-kulleġġ ġdid tax-xjenza, arti u teknoloġija li hemm il-ħsieb li jinfetaħ f'Ottubru 2000? Kif se jintgħażel? Liema kriterji ta' għażla se jintużaw? Meta se jintgħażel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa ma ġiet identifikata ebda persuna li ser tmexxi l-Kulleġġ Malti għat-Teknoloġija, Arti u Xjenzi Applikati. Bħalissa għaddej il-proċess ta' l-abbuzzar ta' statut li jelenka r-responsabilitajiet varji fid-diversi livelli ta' tmexxija ta' dan il-Kulleġġ biex iservi bħala bażi konkreta għad-diskussjonijiet meħtieġa ma' dawk involuti.
Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun ir-reazzjoni tal-Ministeru għall-proposta li l-istituzzjoni St Patricks tas-Sależjani f'Tas-Sliema tinqasam fi tnejn, parti skola sekondarja għaliha u ffinanzjata bħala skola sekondarja u parti l-istituzzjoni residenzjali għal adoloxxenti bi problemi? X'se jsir mill-kariżma tas-St Patricks li tipprovdi servizz edukattiv lil tfal żvantaġġjati kif xtaq Dun Ġwann Bosco?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma nistax ngħid x'se tkun ir-reazzjoni tal-Ministeru meta l-proposta imsemmija s'issa għadha ma ġietx ikkonsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-Ministeru jaċċetta proposta li għamlitlu l-Korporazzjoni tal-Port Ħieles biex strutturi u riżorsi tagħha jintużaw għall-project management ta' bini, estensjonijiet u riabilitazzjoni ta' skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proposta ta' konsulenza wiesgħa mill-Korporazzjoni tal-Port Ħieles qed tiġi kkonsidrata.
Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija — Deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjonijiet differenti ttieħdu s'issa mill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija għall-applikazzjonijiet biex jiġi estiż il-ħin tal-ftuħ tal-Palazzo Pescatore, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar biex joperaw regolarment bħala disco sal-4.00 a.m.?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s`issa ma ttieħdux deċiżjonijiet differenti mill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija. Barra minn dan, il-Bord ta il-parir tiegħu biss dwar parties 'ad hoc' u mhux li l-post jopera regolarment bħala disco sal-4.00am.
Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti kawża li s-sid tal-Palazzo Pescatore, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, qed jagħmel kontra l-pulizija?
Fiex waslet il-kawża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kawża li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, istitwita kontra l-Kummissarju u l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, titlob lill-Qorti tiddikjara li l-attur għandu dritt illi jorganizza żfin sas-1.00am, u li m`hemmx bdil ta` użu li jitlob li dan il-ħin jiġi estiż sal-4.00am, u konsegwentement m`hemmx bżonn permess mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar qabel ma tiġi proċessata l-applikazzjoni tiegħu għal estensjoni.
Il-kawża hi differita għat-2 ta` Frar, 2000 (ĊIT. 2582/97GV).
Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjonijiet differenti ħadu s'issa l-Awtorita' ta' l-Ippajnar dwar l-applikazzjoni (dettalji qed jintbagħtu separatament) tal-Palazzo Pescatore ta' Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej : -
PA 5936/95 - Biex jingħalaq terrazzin eżistenti u t-taraġ prinċipali ta` barra biex titjieb is-sistema ta` soundproofing permezz ta` aperturi ta` l-aluminium.
Deċiżjonijiet meħuda
--------------------
9 ta` Jannar 1996 Applikazzjoni validata
23 ta` Lulju 1996 Il-Heritage Advisory Committee talab aktar dettalji
8 ta` Awissu 1997 Applikazzjoni rifjutata mid-Development Control Commission
9 ta` Jannar 1998 Rikonsiderazzjoni miċħuda mill-Planning
Appeals Board
2 ta` Awissu 1999 Appell miċħud mill-Planning Appeals Board
PA 4141/95 - Bdil ta` użu minn bar u restaurant għal disco
Deċiżjonijiet meħuda
--------------------
12 ta` Lulju 1995 Applikazzjoni validata
1 ta` Novembru 1995 Talba biex tiġi irtirata applikazzjoni
rifjutata mid-Direttur tal-Ippjanar
18 ta` Jannar 1996 Il-Heritage Advisory Committee talab
aktar dettalji
22 ta` Awissu 1997 Applikazzjoni rifjutata mid-Development
Control Commission
27 ta` Frar 1998 miċħuda mill-Planning
Appeals Board
2 ta` Awissu 1999 Talba fuq deċiżjoni tal-1 ta` Novembru
1995 konfermata mid-Direttur tal-Ippjanar
15 ta` Diċembru 1999 Il-permess ġie mpustat
11 ta` Jannar 2000 Il-permess ġie irtirat
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippajnar dwar l-applikazzjoni (dettalji qed jintbagħtu separatament) tal-Palazzo Pescatore, Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar?
X'deċiżjonijiet ittieħdu dwar din l-applikazzjoni?
X'infurzar sar dwar dawn id-deċiżjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12263 f`din l-istess Seduta, ninsab infurmat li l-infurzar li sar fuq is-sit in kwetjoni kien kif ġej : -
Nħarġu żewġ avviżi skond l-Att I ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp - ECF 688/95 u ECF 989/97. Ta` l-ewwel kontra l-iżvilupp ta` struttura fil-front garden, liema avviż għadu in vigore, u tat-tieni kontra l-bdil fl-użu.
Fir-rigward ECF 989/97 inħareġ permess f`Diċembru 1999 liema permess ġie rtirat fil-11 ta` Jannar 2000. F`dan ir-rigward l-Awtorita` qed tikkunsidra l-pożizzjoni legali tagħha u wara tiddeċiedi x`passi ulterjuri tkun tista` tieħu.
Passi fir-rigward ta` ECF 688/95 (li jikkonċerna PA 5936/95) jittieħdu f`azzjoni waħda meta jkun deċiż l-ambitu tal-każ ta` l-irtirar tal-permess PA 4141/95.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu d-deċiżjonijiet differenti li ngħataw s'issa mill-istrutturi differenti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-applikazzjonjiet differenti tal-Palazzo Pescatore, Triq San Pawl ġo San Pawl il-Baħar?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12263 f`din l-istess Seduta.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi attwali għandu "Il-Palazzo Pescatore" ta' Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-liċenzji tal-Pulizija prevalenti fuq il-post 'Palazzo Pescatore' ta' Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, huma kif ġej :
a. Bejgħ ta` nbid, birra u likuri
b. Estensjoni tal-ħin ta` l-għeluq ta` ħanut b`liċenzja għall-bejgħ ta` nbid, birra u likuri spiritużi wara l-11p.m. sas-1a.m.
c. Bejgħ ta` xorb mhux alkoħoliku, te`, kafe`, confectionery (minbarra ġelati u iced confectionery oħra)
d. Estensjoni tal-ħin ta` l-għeluq ta` ħanut għall-bejgħ ta` xorb alkoħoliku wara l-11p.m.
e. Sabiex jinżammu dances bejn 6p.m. u 11p.m.
f. Daqq ta` kitarri nhar ta` Ħamis u nhar ta` Sibt mit-8p.m. sal-11p.m.
g. Estensjoni tal-ħin ta` l-għeluq ta` ħanut b`liċenzja għall-bejgħ ta` nbid, birra u likuri spiritużi sa l-4a.m.
h. Estensjoni tal-ħin ta` l-għeluq ta` ħanut b`liċenzja għall-bejgħ ta` xorb mhux alkoħoliku, te`, kafe`, confectionery (minbarra ġelati u iced confectionery oħra) sa l-4a.m.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' għalliema li bħalissa għandhom: (a) warrant permanenti; (b) warrant temporanju fl-iskejjel
1. Ta' l-istat; 2. Tal-Knisja; u 3. Privati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat li għandhom warrant permanenti hu 2728 filwaqt li dawk b'warrant temporanju hu 1336.
Informat ukoll li n-numru ta' għalliema li għandhom warrant fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Privati huwa hekk:
SKEJJEL TAL-KNISJA
Warrant Permanenti 856
Warrant Temporanju 369
SKEJJEL INDIPENDENTI/PRIVATI
Warrant Permanenti 274
Warrant Temporanju 326
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm guidance teachers fl-iskejjel: (i) tal-gvern; (ii) tal-knisja; (iii) privati?
F'kull skola kemm suppost ikun hemm guidance teachers? In-numru tagħhom huwa relatat man-numru ta' studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Inforamt li fl-iskejjel Sekondarji u tas-Snajja' tal-Gvern hemm 78 u 12-il Guidance Teacher rispettivament.
In-numru ta' Guidance Teachers fl-Iskejjel Post Sekondarji huwa ta' 14.
Fl-iskejjel tal-Knisja hemm 28 Guidance Teacher filwaqt li f'dawk Indipendenti Privati hemm 8. In-numru ta' Guidance Teachers f'dawn l-iskejjel huwa rregolat mill-ftehim milħuq bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-M.U.T. Skond dan il-ftehim, in-numru ta' Guidance Teachers fl-Iskejjel hu ta' wieħed għall-300 student.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfal bil-kondizzjoni ta' l-autism; (a) fl-iskejjel primarji tal-Knisja; (b) fi skejjel primarji ta' l-Istat; (c) fi skejjel sekondarji tal-Knisja; (d) fi skejjel sekondarji ta' l-Istat? Kemm minn dawn it-tfal autistic għandhom magħhom f'kull każ (a) facilitator kwalifikata fl-autism; (b) kindergarten assistant mhux imħarrġa fl-antisim; (c) supply kindergarten assistant mhux imħarreġ fl-antism?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfal li jbagħtu b'din il-kundizzjoni fl-Iskejjel ta' l-Istat huwa 38.
Fl-Iskejjel Primarji hemm 27 u 9 fil-Kindergerten
Fis-Settur Sekondarju hemm studenta waħda
Hemm facilitator waħda li ħadet id-Diploma u ġiet imħarrġa fuq spettru wiesgħa ta' diżabilita` li jinkludi ukoll l-autism.
Hemm 17-il Kindergarten Assistant li bħal facilitators kellhom taħriġ wiesgħa f'diżabilitajiet differenti.
Hemm 19 Supply Kindergarten Assistants li mhumiex imħarrġa fl-autism.
Informat ukoll li n-numru ta' tfal li jbagħtu b'din il-kundizzjoni fl-Iskejjel tal-Knisja huma 8.
Fl-iskejjel Primarji tal-Knisja hemm 6
Fl-iskejjel Sekondarji tal-Knisja hemm 2
Ma dawn il-każi hemm tlett Facilitators bid-Diploma fl-iskejjel tal-Knisja li ġew imħarrġa fuq spettru wiesgħa ta' diżabilita`.
Hemm Kindergarten Assistant waħda li bħal facilitators kellha taħriġ wiesgħa f'diżabilitajiet differenti.
Hemm 4 Support Kindergarten Assistants li mhumiex imħarrġa fl-Autism.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar l-ilmenti msemmija fl-ittra li qed tintbagħat separatament dwar fosos u drenaġġ fi Triq Galilei fil-Kortin tal-Mellieħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-investigazzjonijiet neċessarji mid-Dipartiment tas-Saħħa kien ntbagħat avviż lis-sid tal-propjeta' biex jirrimedja l-ħsara fis-sistema tad-drenaġġ. Peress li dan ma sarx fiż-żmien stipulat, nbdew proċeduri legali kontra l-istess sid. Fl-istess ħin qed issir sorveljanza kontinwa biex jiġi żgurat li l-fossa ma titħalliex tintela b'tali mod li tista tagħti lok għall-ilmenti.