Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #12741 Sitting 226 2000-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Popolazzjoni Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet stmata l-popolazzjoni ta' Malta fil-31 ta' Diċembru, 1999? Kemm huma nisa u kemm irġiel? Kemm huma mis-16-il sena 'l fuq? Kemm huma taħt it-18-il sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant ghalissa ma tistax tinghata peress li nformazzjoni dwar twelidijiet, imwiet u suggetti simili jinghalqu fl-ahhar ta` Frar u sussegwentement tigi pubblikata mill-Ufficcju Centrali ta` l-Istatistika lejn nofs Marzu.

San Pawl il-Baħar/Għajn Tuffieħa — Triq b'għadira

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tama biex tiġi solvuta l-problema kbira li hemm fit-triq bejn San Pawl il-Baħar u Għajn Tuffieħa li parti minnha ssir għadira fonda meta tagħmel ix-xita u tkun ta' periklu kbir għal kulmin juża din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Matul ix-xhur li għaddew, diversi drabi ġiet diskussa din il-problema partikulari, bejni u l-periti tad-Dipartiment tat-Toroq. Hu ttamat li finalment instabet soluzzjoni, li tiswa eluf ta` liri, biex din il-problema tiġi solvuta.
Leg 9 PQ #12855 Sitting 226 2000-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — "Tax-Xemgħa"

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi kien hemm mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex persuni jidħlu f'raba' magħruf bħala "Tax-Xemgħa" f'limiti tal-Mellieħa u jaqilgħu kull m'hemm? X'passi ttieħdu jekk ma kienx hemm permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, ma jidher li ħareġ ebda permess fir-raba` magħruf bħala 'Tax-Xemgħa' limiti tal-Mellieħa. Minn stħarriġ li sar mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar irriżulta li l-ħamrija fuq is-sit ġiet disturbata f`livelli ta` daqs varju u tpoġġew ukoll xi tyres qodma f`xi nħawi. Mill-istess stħarriġ ma rriżultax min hu responsabbli għal dan. Sid l-art għadu mhux magħruf u l-istħarriġ għadu għaddej. Sadanittant inħareġ Stop and Enforcement Notice kontra s-sid mhux magħruf u ġiet segwita l-proċedura imposta mill-liġi. L-istħarriġ jibqa` jsir sakemm ikun magħruf il-persuna jew persuni responsabbli.
Leg 9 PQ #12856 Sitting 226 2000-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Fondazzjoni St. Michael

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-ipproċessar għall-bini ta' skola mill-Fondazzjoni St. Michael fl-inħawi tal-Balal? X'qed iżomm lill-Awtorita ta' l-Ippjanar li toħroġ il-permessi meħtieġa? Meta huma maħsuba li joħorġu l-permessi kollha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija suġġetta għal Enviornmental Impact Assessment. Dan l-istudju kien inbeda f`Awissu ta` l-1998 u l-ewwel rapport ġie mgħoddi lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent f`Settembru ta` l-1998. F`Settembru ta` l-1998, l-Awtorita` talbet aktar kjarifiki minħabba xi problemi li kien hemm u fil-fatt l-applikant issottometta pjanti ġodda fejn l-art in kwestjoni ġiet irduppjata peress li d-daqs oriġinali kien żgħir wisq biex jakkomoda skola tat-tip propost. F`Novembru ta` l-1999, l-applikant issottometta r-rapport li kien intalab f`Settembru ta` l-1998 u dan qiegħed jiġi evalwat mill-Awtorita` u mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent. Meta dan ir-rapport jiġi approvat, ikun meħtieġ li jsir public hearing u wara l-applikazzjoni tiġi determinata mill-Bord ta` l-Awtorita`. Wieħed għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Onor. Membru għall-fatt li meta din l-art ġiet allokata b`riżoluzzjoni parlamentari fl-1997 lill-applikanti, ma saret l-ebda konsultazzjoni ma` l-Awtorita` tal-Ippjanar. Terġa`, ir-riżoluzzjoni parlamentari in kwestjoni skadiet wara 3 xhur, f`Jannar 1998 u ma ġietx imġedda. Dwar dan l-aħħar punt, il-Gvern se jerġa` jipproponi riżoluzzjoni oħra li jkollha validita` ta` sena sabiex il-kuntratt jilħaq isir.
Leg 9 PQ #12857 Sitting 226 2000-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal tfal li għadhom ma bdewx jattendu skola għax għandhom bżonnijiet speċjali u qed jistennew li jingħataw l-għajnuna jew li jiġu assessjati mill-istatementing board?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm seba' studenti bi bżonnijiet speċjali li qed jiġu evalwati mill-Istatementing Board u għaldaqstant għadhom ma bdewx jattendu l-iskola. Ma dawn hemm disa' studenti oħra li mhumiex jattendu skola iżda li l-evalwazzjoni tagħhom mill-Istatementing Board ġiet iffinalizzata u ser joħroġ ir-rapport.

San Ġiljan — Triq Birkirkara - Xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm maħsub għal Triq Birkirkara, San Ġiljan, biex jiġi evitat li kull darba li tagħmel ftit xita toħloq diffikultajiet għat-traffiku u għar-residenti u s-sidien tal-ħwienet? Peress li din hija arterja prinċipali tat-traffiku, jista' jara li ssir xi ħaġa urġenti biex tittaffa din il-problema?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saret l-ewwel fażi ta` mina biex tkun tista` tieħu l-ilma tax-xita, u fil-preżent id-Diviżjoni tax-Xogħolijiet tal-Ministeru għall-Ambjent ħarġet sejħa għall-offerti għat-tħaffir tat-tieni fażi ta` din il-mina.
Leg 9 PQ #12735 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Gambling Machines

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999 kemm inqabdu makni tal-logħob - gambling machines - fi stabbilimenti ta' divertiment bħal, bars, restaurants, każini, eċċ? F'liema lokalitajiet instabu? X'passi ttieħdu kontra s-sidien ta' dawn l-istabbilimenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999 il-Pulizija qabdet 35 kaxxi tal-logħob illegali minn dawn il-lokalitajiet : Qawra, Mellieħa, Valletta, Fgura, Tarxien, Żejtun, Floriana, Qormi, Paceville, Marsaxlokk, Buġibba, Marsa, Senglea u Marsascala. Ninsab infurmat ukoll li f`dan ir-rigward, tressqu l-Qorti 26 persuna.
Leg 9 PQ #12736 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Stabbilimenti ta' divertiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul ix-xahar ta' Diċembru li għadda 1999, u fl-ewwel għaxart ijiem ta' dan ix-xahar, kemm-il persuna taħt is-16-il sena nqabdet f'xi bar u/jew postijiet ta' divertiment kontra l-liġi? F'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu kontra s-sidien ta' dawn l-istabbilimenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant ma nqabdet ebda persuna taħt is-16-il sena fil-postijiet indikati fil-Mistoqsija, matul l-1999 inqabdu 127 persuna f`dawn il-postijiet.
Leg 9 PQ #12737 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' flus li huwa dovut lil dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li fl-1999 għamlu extra duty mal-banek, tiġijiet, djar privati, eċċ.? Jista' jelenka min huma dawk il-persuni/organizzazzjonijiet li għandhom jagħtu flus ta' xogħol li sar minn membri tal-korp? Kemm hu l-ammont f'kull każ? Hemm xi għaqdiet/persuni li għadhom ma ħallsux ta' xogħol extra li sar mill-pulizija fl-1999 jew is-sena ta' qabel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għadu qed jinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #12738 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MATSEC — Eżamijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11985 u t-tweġiba tagħha, jista' issa l-Ministru jagħti l-figuri finali għal dawk l-istudenti li se joqogħdu għall-eżamijiet tas-SEC u s-suġġetti li se jiġu eżaminati fihom? Kemm hemm studenti minn skejjel tal-Knisja u privat?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' weġibt, ġejt informat li d-dettalji mitluba jkunu jistgħu jingħataw wara t-tieni ġimgħa ta' Frar 2000 meta jkunu pproċessati l-applikazzjonijiet kollha.
Leg 9 PQ #12739 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Ġużeppi Despott

Question

Peress li meta studenti li jattendu l-iskola Ġużeppi Despott (magħrufa wkoll bħala Verdala) jispiċċaw mil-lezzjonijiet kmieni wara nofsinar qed ikun hemm numru kbir minnhom li qed ikollhom jistennew it-trasport barra ħdejn triq traffikuża mingħajr superviżjoni u b'perikolu għall-istess studenti, jista'l-Ministru jara li dan ma jkomplix isir u li jkun hemm xi ħadd inkarigat biex jara li ma jsirx ġiri bl-addoċċ fit-triq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-karozzi ma jistgħux jidħlu ġewwa l-iskola u għaldaqstant it-tfal jistennewhom fid-daħla maġenb l-iskola fejn il-Kap jew l-Assistent Kap jibqgħu għassa sakemm l-aħħar tifel ikun tela' fil-karozza.
Leg 9 PQ #12668 Sitting 224 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11986 li oriġinarjament kienet saret għall-ewwel darba bħala mistoqsija parlamentari numru 11266?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti fi Skejjel Post Sekondarji sa Novembru 1999 hemm; Irġiel Nisa Total Statali 4368 2984 8352 Immexxija mill-Knisja 329 280 609 Indipendenti 88 64 152 TOTAL 4785 4328 9113

Ordni ta' Standard Nazzjonali — Żieda fil-pagi

Question

Wara l-ħruġ tal-Ordni ta' Standard Nazzjonali dwar żieda fil-pagi għall-impjegati (1999), jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif se jiżgura li l-ħaddiema part-time, li wkoll huma ntitolati għall-parti miż-żieda ta' Lm1 fil-ġimgħa, fil-fatt se jieħduha? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema part-time fl-iskejjel tal-Knisja privati u f'dawk l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin li għandhom jibbenefikaw minn din iż-żieda? Jista' jagħti l-figuri għal kull kategorija separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Membru jifli l-kontenut ta' l-Ordni ta' Standard Nazzjonali ta' l-1999 dwar Żieda fil-Paga għall-Impjegati (Avviż Legali 219/1999). Paragrafu 2 (1 u 2) jgħid: "Il-pagi ta' mpjegati "whole-time" għandhom jiżdiedu b'Lm1.00 fil-ġimgħa, u dan b'aġġustament għall-għoli tal-ħajja. Ir-rata fis-siegħa ta' mpjegati "part-time" għandha tiżdied b'wieħed minn kull erbgħin tar-rata ta' żieda speċifikata fis-subartikolu ta' qabel." Għalhekk, l-għalliema kollha "part-time", bħal kull impjegat ieħor "part-time", ser jibbenifikaw minnha, proporzjonatament. L-ispetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg ser iżuru l-iskejjel privati biex jaraw li l-liġi qed tkun osservata. Skond ir-"records" tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ hemm 975 għalliema "part-time" fl-iskejjel tal-knisja privati u dawk l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin. Il-Korporazzjoni ma żżommx "records" skond il-kategoriji mitluba mill-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #12663 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Baħrija — Servizz ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-gvern biex iwassal id-drenaġġ lid-djar kollha fir-raħal tal-Baħrija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi għar-rigward ta' dawk id-djar kollha fil-qalba tal-Baħrija li jistgħu jitqabbdu 'by gravity' mas-sistema tas-'cesspits' eżistenti, dawn qegħdin jitqabbdu kollha. Għalissa s-sistema tibqa' dik eżistenti, jiġifieri li d-drenaġġ kollu jinġabar ġewwa żewġ fosos kbar li jitbattlu perjodikament.
Leg 9 PQ #12664 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Magħtab — Miżbla

Question

Peress li kelli lmenti minn kostitwenti dwar l-irwejjaħ li dejjem qed jiżdiedu mill-miżbla tal-Magħtab, jista' jgħid x'inhuma l-pjani mmedjati tal-gvern biex jikkontrolla l-irwejjaħ li qed jdeqju lil eluf ta' nies? Kemm se titħalla tikber din il-miżbla? Kemm hu stmat li ntefa' materjal f'din il-miżbla matul l-1999? Liema kien l-aktar materjal li ntefa' fil-Magħtab?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern beda l-proċess biex jingħata kuntratt għall-makkinarju li jkisser u jagħrbel parti mill-iskart li jirriżulta mill-industrija tal-Kostruzzjoni biex ikun jista' jitgħatta aħjar l-iskart li jintradam, dak Domestiku u dak Industrijali, li huwa kaġun prinċipali ta' l-irwejjaħ. Il-pjan għall-immaniġjar ta' l-iskart, li għandu jiġi ppubblikat, se jinkludi proposti li għandhom iwasslu għall-kontroll tal-miżbla tal-Magħtab. L-ammont ta' materjal li ntefa' f'din il-miżbla matul l-1999 kien ta' 1,175,090 tunellata. L-aktar materjal li ntefa' fil-miżbla tal-Magħtab, li jlaħħaq madwar 82% tal-piż totali, kien dak l-iskart li jirriżulta mill-Industrija tal-Kostruzzjoni u li ma jikkaġunax irwejjaħ.
Leg 9 PQ #12665 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Inċidenti ma' ġenituri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11943 dwar inċidenti ma' ġenituri tat-tfal ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 5 inċidenti li jinvolvu ġenituri f'inċidenti fi skejjel. F'dawn il-każi issejjħet il-pulizija. Informat ukoll li kien hemm 2 inċidenti meta ġenitur kienet aggressiva ma' uffiċjali fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. F'każ minnhom issejjħet il-pulizija.
Leg 9 PQ #12666 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet tal-SEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas li jieħdu l-għalliema li jieħdu ħsieb l-eżamijiet tal-orali tas-SEC? Meta l-aħħar li saret reviżjoni ta' dan il-ħlas? Xi ħlas jingħata lill-invigilators u supervisors waqt l-eżamijiet u x'inhu dak li jieħdu l-persuni li jmexxu ċ-ċentru tal-gvern ta' l-eżamijiet? Meta l-aħħar saret reviżjoni ta' dan il-ħlas?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas li jieħdu l-għalliema li jagħmlu l-eżamijiet ta' l-Orali tal-MATSEC huwa ta' 60 ċenteżmu għal kull kandidat, waqt li l-ħlas li jingħata lill-invigilators u lis-supervisors għal kull sessjoni ta' l-eżamijiet tal-MATSEC huwa Lm4 għall-Invigilators u Lm6 għas-Supervisors (Head of Centre). Dawn huma r-rati oriġinali u qatt ma saret reviżjoni tagħhom. Dan il-ħlas kollu qed isir mill-Universita`. Informat ukoll li dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, dawn il-persuni jitħallsu bl-istess rata li jitħallsu l-invigilators u supervisors li jmexxu Ċentri oħra ta' l-Eżamijiet.
Leg 9 PQ #12667 Sitting 223 2000-01-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet tal-MATSEC/SEC

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija mill-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 11946, jista' l-Ministru jgħid: kif ssir il-ħatra ta' l-invigilators u supervisions waqt l-eżamijiet? Dawn ikunu kollha għalliema ta' l-iskejjel ta' l-Istat, privati jew tal-Knisja? Kif jintgħażlu dawk li jmexxu l-eżamijiet fiċ-ċentri u fil-jiem ta' l-eżamijiet? Dawn irid ikollhom xi kwalifiki speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Heads of Centres u invigilators li ġew magħżula biex imexxu l-eżamijiet tal-Matsec/SEC li saru f'Mejju 1999 ġew meħuda mid-'Data Base' li ġiet mogħddija lid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet mill-Matsec Unit kif ukoll mid-'Data Base' li kellu l-istess Dipartiment. Informat ukoll li dawk magħżula, ġejjin minn kull settur tal-ħajja. Fost dawn kien hemm pensjonanti, għalliema, impjegati, kif ukoll nisa tad-dar. Il-persuni li jmexxu l-eżamijiet fiċ-ċentri u fil-jiem ta' l-Eżamijiet jiġu magħżula fuq l-esperjenza u l-kwalitajiet ta' tmexxija li huma mitluba għal dan is-servizz. Qabel il-bidu ta' kull sessjoni huma jingħataw taħriġ dwar il-proċeduri u l-mod ta' kif imexxu l-eżamijiet. Issir ukoll evalwazzjoni ta' kif tmexxa kull ċentru ta' l-eżamijiet hekk kif jintemmu l-eżamijiet. Il-persuni magħżula m'għandhom bżonn ebda kwalifika speċjali sakemm ikunu dedikati u juru inizjattiva fis-servizz li jagħtu.
Leg 9 PQ #12364 Sitting 222 2000-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tax-Xjenza, Arti u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-konsultazzjonijiet meħtieġa ma' dawk kollha nvoluti biex jiġi żgurat suċċess fil-ftuħ ta' kulleġġ ġdid tax-xjenza, arti u teknoloġija? Min se jmexxi l-proċess tal-konsultazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kulleġġ il-ġdid sejjer ikun fih firxa wiesgħa ta' korsijiet u faċilitajiet li jeħtieġu riżorsi umani ta' kull tip u fil-livelli kollha. Hu maħsub li dawn il-korsijiet u faċilitajiet jiddaħħlu fil-kulleġġ b'mod gradwali. Il-proċess ta' konsultazzjoni fil-fatt diġa' beda ma' uħud minn fost dawk involuti u ser ikompli b'aktar intensita` fil-ġimgħat li ġejjin fil-livelli kollha. Il-proċess ta' konsultazzjonijiet jitmexxew dejjem taħt il-gwida ġenerali tal-Ministeru, u mill-uffiċjali u persuni kompetenti skond il-partikolarita` tal-qasam dettaljat li jkun qed jiġi trattat.
Leg 9 PQ #12365 Sitting 222 2000-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

St James Cavallier — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qamu x-xogħlijiet li saru fil-Kavallier ta' San Ġakbu biex jinbidel f'ċentru ta' l-arti? Jista' jagħti d-dettalji, item b'item? X'attenzjoni ttieħdet biex dawn ix-xogħlijiet jirrispettaw in-natura tal-wirt storiku u kulturali tal-bini tal-Kavallier ta' San Ġakbu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Huwa stmat li x-xogħlijiet li saru u li għad iridu jsiru fil-proġett tal-Kavallier ta' San Ġakbu jiswew Lm3,678,830. Peress li x-xogħol għadu għaddej, iċ-ċifri finali jistgħu jinbidlu. Hawn taħt hawn id-dettalji ta' kif huma maqsumin l-ispejjeż: XOGĦLIJIET LM ---------------------------------------------- ------------------ Tneħħija ta' strutturi li kienu nbnew matul iż-żmien u restawr fuq ġewwa 71,468 Xogħol strutturali (l-ewwel fażi) 462,000 Xogħol strutturali (it-tieni fażi) 431,286 Servizzi elettriċi u mekkaniċi 769,667 Soqfa tat-teatru u atrium (domes) 267,095 Struttura fit-teatru 115,374 Xogħlijiet ta' "finishes" (l-ewwel fażi) 293,733 Xogħlijiet ta' "finishes" (it-tieni fażi) 531,888 Apparat għat-teatru u ċinema 246,941 Restawr tas-sur minn barra 39,185 Aperturi ta' l-injam li jagħtu għal barra 14,121 Substation ta' l-elettriku 20,086 Xogħol ta' rħam madwar l-istatwa ta' Sir Paul Boffa u quddiem il-Bieb tal-Kavallier 5,000 Pagi tal-ħaddiema tal-gvern u spejjeż oħra 145,765 KONSULENTI ---------- Konsulent fuq id-disinn 177,350 Konsulent fuq it-teatru 49,000 Konsulent fuq ir-restawr 8,239 Konsulent fuq is-servizzi elettriċi 15,747 Konsulent fuq is-servizzi mekkaniċi 14,885 --------- TOTAL 3,678,830 --------- Ittieħdet kull attenzjoni u prekawzjoni neċessarja biex ma ssir l-ebda ħsara fil-wirt storiku arkitettoniku tal-post. Ix-xogħol kollu sar skond permessi maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u kien hemm monitoring sħiħ tax-xogħol kollu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Ix-xogħol li kien inbeda qabel Ottubru 1996, tkompla bl-istess metodu bejn dik id-data u Settembru 1998 u tkompla wkoll bl-istess metodi wara dik id-data sa kemm kien inawgurat iċ-ċentru fil-31 ta' Diċembru 1999.