Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-kummissarju tal-pulizija wara li riċentement il-kunsill lokali tal-Mellieħa għarrfu li fl-inħawi Tax-Xemgħa, fil-limiti tal-Mellieħa beda jsir żvilupp ta' korsa għat-tiġrijiet bla permessi neċessarji?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġie nvestigat mill-Pulizija. Min kien responsabbli għax-xogħol speċifikat, ġie ntraċċat u l-każ ġie referut lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar sabiex jittieħdu l-proċeduri neċessarji skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm subject co-ordinators fl-iskejjel Statali? X'inhu l-complement mitlub mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Meta se jintgħażlu? Fejn se jkunu bbażati u liema skejjel se jservu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm 96 post ta' Subject Fo-ordinator fis-settur sekondarju, u se toħroġ dalwaqt sejħa għall-applikazzjonijiet biex jinħatru 24 Subject Co-ordinator fis-Settur Primarju. Mhux possibli għal issa ngħid fejn se jkunu bbażati, iżda se jservu l-iskejjel kollha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' membri tal-korp tal-pulizija li ġew trasferiti fil-korp tal-protezzjoni ċivili? Ta' liema rank kienu? Kemm hemm nies, bl-uniformi, li ddaħħlu fil-protezzjoni ċivili mingħajr ma qabel kienu fil-pulizija? Liema huma dawk it-taqsimijiet li qabel kienu f'idejn il-pulizija li llum għaddew għall-protezzjoni ċivili? Kemm kien hemm vetturi, eċċ. li saru ta' dan il-korp ġdid?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew trasferiti għal mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mill-1997 lil hawn hu 61 : - Spettur, 4 Surġenti u 56 Kuntistabbli. Ma` dawn hemm 47 persuna oħra li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bl-uniformi u li qabel ma kienux fil-Korp tal-Pulizija. Ninsab infurmat ukoll li t-taqsimiet li għaddew mill-Pulizija għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huma dawk tal-Fire Brigade u tar-Rescue filwaqt li żewġ vetturi li kienu jintużaw mit-Taqsima tat-Tifi tan-Nar tal-Pulizija ġew mgħoddija lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Kull min ġie trasferit kien jifforma parti mill-Fire Brigade tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tad-dipartiment tas-saħħa biex jagħti kuntratt lil xi kumpannija biex tmexxi l-catering fl-isptarijiet? Liema huma dawk l-isptarijiet li hu maħsub li se jidħlu f'din l-iskema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proċess issa qiegħed fl-istadju ta' l-evalwazzjoni mill-Bord. Dan il-kuntratt se jkun ikopri l-isptarijiet pubbliċi u d-djar ta' l-anzjani f'Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li ċ-ċentru tad-Detox jitneħħa minn fejn hu u jinfetaħ f'post fejn ikun anqas possibbli li traffikanti tad-droga jħufu fl-inħawi? Saru xi proposti minn għaqdiet/individwi dwar dan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid s'issa kemm-il sid ta' vettura għażel li jkollu numru personalizzat? Mindu daħlet din is-sistema kemm daħħal il-gvern minn dawn in-numri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hawn 26,058 vettura li għandhom numri
personaliżżati li minnhom il-Gvern daħħal Lm781,740.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena finanzjarja fejn hu ppjanat li jiġu nstallati traffic lights? Jista' jindika meta hemm il-ħsieb li kull set jiġi nstallat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li matul din is-sena finanzjarja huwa ppjanat li jiġu nstallati `traffic lights` fil-lokalitajiet kif ġej:
Birkirkara - Triq il-Wied u Triq Fleur De Lys
Fgura - Triq id-Dejma
Hamrun - Triq il-Kbira
Lija - Triq in-Naxxar u Triq il-Mosta
Luqa - Triq l-Avjazzjoni
Marsaskala - Triq il-Qaliet (żewġ installazzjonijiet
separati)
Mosta - Triq il-Kostituzzjoni u Vjal
l-Indipendenza (żewġ installazzjonijiet
separati)
Naxxar - Triq tal-Labour u Vjal il-21 ta`
Settembru
Qrendi - Triq it-Tempesta
Raħal Ġdid - Triq Kordin
Tarxien - Triq San Anard
Ix-xogħol f`numru minn dawn l-installazzjonijiet diġa beda u għandu jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-proċess ta` l-istallazzjoni tat-`traffic lights` huwa `ongoing` u l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku flimkien mad-Dipartiment tat-Toroq qed jikkunsidraw l-installazzjoni ta` aktar `traffic lights` kemm f`dawn il-lokalitajiet u f`lokalitajiet oħra.
Peress li l-awtoritajiet tal-posta jinsistu li fl-indirizz jitniżżlu l-kodiċi postali u peress li mindu ħareġ l-ewwel direttorju tal-kodiċi postali ngħataw ħafna ismijiet ġodda lit-triqat, meta huwa ppjanat li joħroġ direttorju tal-kodiċi postali ieħor?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtoritajiet tal-Posta ma jinsistux li l-Kodiċi Postali titniżżel f`kull indirizz. Ta` min wieħed jiġbed l-attenzjoni iżda, li għalkemm il-posta xorta titwassal fid-destinazzjoni tagħha, in-nuqqas tal-Kodiċi jista` jikkawża xi dewmien fil-proċessar.
Bħalissa qed jitħejja Direttorju aġġornat tal-Kodiċi Postali, u hu ttamat li dan jinħareġ fi żmien mhux fil-bogħod.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li tmexxi tuck shop hijiex obbligata li tagħti rċevuta fiskali lill-istudenti li jkunu xtraw ikel u xorb? Kemm saru żjajjar minn spetturi tal-VAT fl-iskejjel matul din is-sena skolastika li bdiet f'Settembru 1999? F'liema skejjel marru? Sabu x'irregolarita' fil-ħruġ ta' rċevuti fiskali?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Avviż Legali Numru 201 ta` l-1999 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-23 ta` Novembru 1999, persuna li tagħmel provvista ta` minn canteen li jkun jinsab f`area tax-xogħol jew studju tista` tapplika bil-miktub għand id-Dipartiment tal-VAT għal awtorizzazzjoni biex tkun tista` toħroġ irċevuta fiskali waħda f`kull jum, imsejħa rċevuta ta` kuljum, li tkun tkopri l-provvista kollha magħmulin f`kull jum. Sadattant, id-Dipartiment qed jieħu ħsieb biex isiru żjajjar fit-tuck shops ta` l-iskejjel biex ikun aċċertat li dawn ir-regolamenti l-ġodda qed jiġu osservati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tas-saħħa fi skejjel matul din is-sena skolastika biex jiġi nvestigat x'ikel u xorb qed jinbiegħ lill-istudenti? F'liema skejjel saru? L-iskejjel privati u dawk tal-Knisja huma eżenti minn dawn iż-żjajjar? Matul dawn l-investigazzjonijiet kien hemm xi każi fejn instab li kien hemm xi ikel/xorb li ma kienx adattat għat-tfal?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-kwalita` u t-tip ta` ikel li jinbiegħ ġewwa l-iskejjel jaqa` taħt ir-responsabbilta` tal-Ministeru ta` l-Edukazzjoni nitlob lill-Onorevoli Interpellantjagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista'l-Ministru jgħid għaliex xi studenti fl-ewwel sena tal-Junior College (Sixth Form) ingħataw il-marka zero fl-aħħar assessment fil-lingwa Ingliża meta dawn lanqas biss kellhom għalliem regolari fit-term li għadda u saru biss bejn tnejn u tlett lezzjonijiet? X'inhi s-sitwazzjoni bħalissa f'dan is-suġġett fil-Junior College f'dak li hu nuqqas ta' għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba ċ-ċirkostanzi spjegati fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlametnari Numru 12400, kien hemm numru ta' studenti li ma ħadux il-lezzjonijiet kollha fl-Ingliż Intermediate bejn Ottubru u Diċembru. Hija prassi normali illi l-assessment jiġi bbażat fuq l-attendenza, tests u progress matul il-kors.
Bħala miżura ta' urġenza biex dawn l-istudenti jiġu assessjati, ġie deċiż li jingħata kompitu li l-korrezzjoni tiegħu saret volontarjament minn membri kollha tad-dipartiment ta' l-Ingliż.
Jidher li bi svista ma kienetx irreġistrata l-marka ta' madwar għoxrin student. Appena l-awtoritajiet tal-Kulleġġ indunaw b'din is-sitwazzjoni ittieħdu passi sabiex dan l-iżball ikun rimedjat. L-istudenti li għamlu dan il-kompitu regolarment jistgħu jserrħu moħħhom li l-marka li suppost ħadu fl-ewwel assessment sejra tidher flimkien mal-marka tat-tieni assessment li toħroġ f'April li ġej.
Informat ukoll li dawn l-istudenti jistgħu jaraw il-marka tagħhom fuq in-Notice Board tad-Dipartiment ta' l-Ingliż.
Fl-aħħarnett informat li issa li l-lecturers kollha rritornaw għax-xogħol, l-istudenti qegħdin jirċievu s-siegħat kollha kif stipulat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwar il-bini mill-ġdid ta' l-iskola Ġużeppi Despott (Verdala)? Jista' jindika f'liema stadju waslu l-preparamenti biex ix-xogħol jibda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni sejra timxi mad-Development Brief li sar mill-Periti Joseph Falzon u Joseph Spiteri. Għal dan il-għan fis-sottomissjonijiet li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għamlet għal infieq kapitali fl-iskejjel lill-Ministeru tal-Finanzi, l-iżvilupp tal-Liċeo Ġużeppi Despott ġie inkluż u skond l-allokazzjoni finanzjarja li d-Diviżjoni sejjer ikollha, ikun jista' jinbeda x-xogħol.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar it-twaqqif tas-swimming promotion unit fil-pixxina nazzjonali? Kif se titmexxa? Xi ħlasijiet se jsiru minn studenti li jużaw il-unit? Kemm hemm għalliema f'dan il-unit? X'pubbliċita' saret fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u tal-privat biex jitħajjru jibagħtu l-istudenti jitħarrġu fl-għawm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Swimming Promotions Unit reġgħet bdiet topera f'Novembru 1999. Bħalissa qed titmexxa minn kumitat maħtur mill-Gvern b'rappreżentanza tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, ta' l-ASA, tal-Pixxina, u persuni oħra involuti fl-għawm. It-taħriġ propju fil-preżent qed isir mill-coach nazzjonali ta' l-għawm u għalliema ta' l-Edukazzjoni (li tagħmel xogħol ukoll ta' kordinatur) maħtura mid-Dipariment ta' l-Edukazzjoni. Il-ħlas mill-istudenti baqa' dak ta' 30c li titħallas lill-Pixxina.
Informat ukoll li saret kampanja pubbliċitarja fl-iskejjel kollha ta' l-istat, tal-knisja, u dawk privati permezz ta' ċirkulari.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999 kemm saru ħarbiet mill-: (1) ħabs; (2) minn persuni li jkunu l-ħabs (ikkundannati jew le) u jkunu nħarġu mill-ħabs biex imorru l-qorti jew għal xi kura; u (3) minn post ieħor - bħal rikoverati l-isptar - iżda għadhom taħt il-kontroll tad-direttur tal-ħabs?
Kemm inqabdu? Meta saret kull ħarba? Min kienu l-persuni? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Fuq liema akkuża kienu l-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-unika ħarba ta` priġunieri li seħħet fl-1999 kienet ta` priġunier wieħed li ħarab meta nħareġ mill-ħabs għal kura fid-9 ta` Awissu u li s`issa għadu ma nstabx.
Dan il-priġunier hu Yousef Hisham Azzabi ta` nazzjonalita` Libjana u kien taħt arrest u akkużat illi importa u kellu fil-pussess tiegħu r-raża tal-Cannabis.
Fl-aħħar għaxar snin, kemm kien hemm priġunieri nisa li welldu tarbija waqt li kienu qed jinżammu l-ħabs?
F'liema sena? F'kull każ kemm damet il-ħabs wara li welldu? X'ġara mit-trabi f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġej :
Sena Kemm damet wara li welldet X`ġara mit-tarbija
---- -------------------------- ------------------
1993 6 xhur Iddaħħlet f`istitut
4 xhur wara t-twelid
1997 10 xhur Ġiet fostered xahrejn
wara t-twelid
1999 27 jum Inżammet minn ommha
Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed ikollha tistenna dan iż-żmien kollu l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex tiġi operata fl-għaksa tagħha u biex issirilha ż-żarbuna meħtieġa biex timxi aħjar milli qiegħda timxi?
Meta se tiġi operata din il-persuna minħabba li l-kondizzjoni li tinsab fiha qed toħolqilha ħafna uġiegħ u problemi differenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Riċentement inġibditli l-attenzjoni mill-Legal Advisor tad-Diviżjoni li informazzjoni tingħata biss jekk il-persuna li dwarha qed issir id-domanda parlamentari tagħti l-kunsens espress tagħha bil-miktub. Il-kunsens irid jispeċifika liema informazzjoni għandha tingħata. Tali kunsens għandu jiġi mgħoddi lid-Diviżjoni tas-Saħħa mad-domanda.
Jista' l-Ministru jgħid x'policy teżisti, dikjarata jew mhix, dwar x'jiġri lill-priġuniera mara li jkollha tarbija waqt li tkun qed tinżamm il-ħabs jew tkun qed tiskonta s-sentenza tagħha?
X'għajnuna tingħata? Fejn tinżamm? X'jiġri mit-tarbija? Fejn tinżamm it-tarbija meta tibda tikber f'tifel/tifla?
Response (BORG, TONIO)
Regolament 38 tar-Regolamenti dwar il-Ħabs ta` l-1995 jgħid : -
(1) Fil-każ ta` priġunieri nisa tqal, għandhom isiru arranġamenti għal kura ta` qabel il-wild u għat-trasferiment tagħhom fi sptar ghaż-żamma tagħhom u għall-ħlas tat-tarbija.
(2) It-tarbija ta` priġunier mara tista tiġi` milqugħa u miżmuma fil-ħabs biex tieħu ħsiebha l-imsemmija priġunier sa meta t-tarbija jkollha sena. Għandhom isiru arranġamenti għall-indukrar u s-sigurezza kif imiss tat-tarbija miżmuma fil-ħabs kulmeta t-tarbija ma tkunx taħt il-ħarsien ta` l-omm.
(3) Ebda tarbija ta` eta` ta` aktar minn sena ma għandha tinżamm f`ħabs kemm-il darba d-Direttur ma jkunx sodisfatt li jkun hemm raġunijiet speċjali li jiġġustifikaw perijodu itwal.
(4) Jekk tarbija titwieled fil-ħabs il-fatt li t-tarbija tkun twieldet hemmhekk ma għandux jissemma` fl-att tat-twelid u għandu jissemma` biss l-isem tal-lokalita` li fiha jkun il-ħabs.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir spazju riżervat quddiem id-dar tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li juża s-siġġu tar-roti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ħareġ il-permess tiegħu biex isir ir-Reserved Parking quddiem ir-residenza tal-persuna konċernata fit-18 ta' Jannar 2000. Il-Unit għall-Ambjent Nadif tal-Ministeru ta' l-Ambjent qed jieħu ħsieb li jimplimenta din id-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ilmenti li ressqu l-istudenti ta' l-iSkola Nawtika fl-ittra li kitbulu bid-data ta' l-14 ta' Jannar, 2000 minħabba nuqqasijiet serji li qed iħallulhom effetti ħżiena ħafna fuq il-kwalita' ta' l-edukazzjoni li jingħataw?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti, wara li rċieva l-ittra ta' l-14 ta' Jannar 2000 dwar l-Iskola Nawtika, informani li mhix l-ewwel darba li l-iskola ressqet studenti għaċ-Ċertifikat tal-Kompetenza Class 3 u dejjem kellha suċċess. L-għalliem tan-Navigazzjoni hu Master Mariner b'ħafna esperjenza. L-istudenti privati li jissemmew fl-ittra huma Fizzjali tas-Sea Malta, Gozo Channel u Sea Service u Port Pilots. Dawn l-uffiċjali kellhom jattendu l-kors biex ikunu konformi mar-regolamenti. Il-lezzjonijiet tal-Communication li tilfu l-istudenti ta' l-Iskola Nawtika kienu diġa' ngħataw żejda fl-ewwel ħmistax ta' Ottubru. Il-lezzjonijiet tas-Signals kienu ngħataw lil għalliem ieħor, iżda l-istudenti ma' attendewx. Normalment iċ-Charts għar-reviżjoni jinxtraw mill-istudenti. Billi l-għalliem ta' dan is-suġġett jippreparahom ukoll għall-oral, hu beda s-suġġett sakemm waslu ċ-Charts. Il-lezzjonijiet ta' Stability u Operational Safety saru matul Otubru kollu u komplew fis-7 ta' Diċembru 1999. F'Novembru l-għalliem kien imsiefer minħabba raġunijiet personali. Żdiedu l-lezzjonijiet fil-ġimgħa biex l-istudenti jġibu l-lezzjonijiet li tilfu. Il-librerija se tinfetaħ f'ħinijiet regolari.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex jitneħħa l-perikolu gravi għar-residenti li joqogħdu f'appartamenti fi blokki tal-gvern fl-Imtarfa, per eżempju, Block G u Block R, Binja Buqana, ħalli ma jilħqux jisfrondaw xi soqfa u jmutu n-nies qabel ma jittieħdu l-passi meħtieġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Risposta fuq dan is-suġġett diġa ngħatat fit-Tweġiba għall-PQ 1943 datata 30 ta' Novembru 1998.