Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni l-kumpless sportiv li se jsir fil-Kottonera se jkollu ground tal-football għal 5-aside biss?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġett tal-Kumpless Sportiv fil-Kottonera jaħseb, fost faċilitajiet oħra, għall-bini ta' football ground 5-a-side skond rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ad hoc li kien twaqqaf sabiex jevalwa l-ħtiġijiet ta' Ċentri Sportivi Reġjonali, kif ukoll sussegwentement fuq pjanti mfassla b'konsultazzjoni ma' entitajiet kompetenti fil-qasam ta' l-isport nazzjonali.
L-ewwel fażi tal-proġett ġie konkluż bl-approvazzjoni tad-disinn u sottomissjoni ta' applikazzjoni ta' żvilupp lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min mill-uffiċjali għolja tas-servizz pubbliku li jaqgħu taħtu (mil-livell ta' direttur sa dak ta' segretarji permanenti) għandu xi xogħol/ħatra li qed jitħallas għalih/a? Fiex jikkonsisti dan ix-xogħol, din il-ħatra? F'kull każ x'inhu l-ħlas?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li l-board of studies għat-teknoloġija bagħat fit-18 ta' Ġunju, 1997? Liema membri tal-bord iffirmaw dan ir-rapport? Min ma ffirmaħx?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-rapport mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mindu twaqqaf il-bord li qed jieħu ħsieb il-maintenance grants ta' l-istudenti post-sekondarji u teżjarji kemm-il darba ltaqa'?
Kemm iddeċieda dwar każijiet li kellu quddiemu b'talbiet minn studenti għal xi forma jew oħra ta' għajnuna? B'liema ammont ta' flus?
Kemm għandu applikazzjonijiet pendenti quddiemu minn studenti?
Meta qed jaħseb li jkun ikkonsidra l-applikazzjonijiet kollha pendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' għalliema li bħalissa qegħdin jaħdmu f'xi dipartiment/uffiċċju governattiv u mhux qed jagħmlu x-xogħol tagħhom ta' għalliema?
F'liema dipartimenti qegħdin? X'xogħol qegħdin jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' Għalliema li bħal issa qegħdin jaħdmu f'xi Dipartiment/Uffiċċju governattiv u mhux qed jagħmlu x-xogħol tagħhom ta' Għalliema hu kif ġej:
Ministry of Foreign Affairs 1 Kap ta' Skola
Malta University Services Ltd 1 Kap ta' Skola
Ministry of Tourism 1 Kap ta' Skola
Public Library 1 Asst Kap ta' Skola
u 5 għalliema
Ministry of Health 1 Asst Kap ta' Skola
Ministry of Transport 1 Asst Kap ta' Skola
Ministry for Gozo 1 Għalliem
National Comm. for Persons with
Disability 1 Għalliem
Institute of Tourism 1 Għalliem
European Union Directorate 1 Għalliem
Department of Agriculture/Gozo Civil
Abbatoir 1 Għalliem
Museums Department 1 Għalliem
Minsitry of Public Works 1 Għalliem u
1 P/T Instructor
Dipartment of Health (Għadira Nature
Reserve) 1 Għalliem
Society of Arts, Manufacture and 1 Għalliem u
Commerce 1 Instructress
Minsitry of Home Affairs 1 Għalliem
Prisons Department 2 Għalliema
Santu Spirtu National Archives 1 Għalliem
Education Division 1 Għalliem
Secondary Schools 1 Għalliem u
1 Instructress
Primary Schools 2 Għalliema
Informat ukoll li barra minn hekk hemm sitt Għalliema fil-Multimedia Education and Broadcasting Centre li qed jagħmlu xogħol marbut mat-tagħlim u xandir edukattiv u jaħdmu office hours bħala Teacher Producers.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12661, ma jaħsibx il-Ministru li tliet aquatic facility operators (deck hands) huma ftit biex ikopru x-xogħol neċessarju ma' l-għawwiema li jużaw il-pixxina nazzjonali? Meta se jiġu mpjegati oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord tal-Pixxina huwa konxju tal-fatt inqanqal mill-Onor. Membru u qiegħed jikkunsidra kif jista' jżid in-numru ta' dawn l-impjegati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li l-kumitat għar-riabilitazzjoni ta' l-Imdina se jwettaq matul din is-sena finanzjarja? Kemm se jsir infiq fuq kull proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina, bħall-kumitati l-oħrajn, għadu mhux f'pożizzjoni li jqassam il-vot tiegħu peress li għad irid jiġi infurmat dwar il-pagamenti li ġew ipproċessati fis-sena finanzjarja li għaddiet. Il-programm ta' ħidma jipprevedi l-preparazzjoni ta' conservation u master plan, il-bidu ta' l-upgrading tas-servizzi biex jitpoġġew taħt l-art bi preparazzjoni għall-programm ta' pavimentazzjoni, jibda l-programm ta' tarmac barra s-swar, jibda r-restawr tal-Main Gate, jipprepara dak kollu neċessarju lejn soluzzjoni tal-problemi ta' Vilhena Palace, jibda s-sistema ta' dawl tas-swar, jibda r-restawr tal-Banca Guratale, jibda l-proġett ta' sistema ta' dawl intern, jibda jopera l-Historic Buildings Subsidy Schemes u jibda l-upgrading tal-foss.
Peress li numru ta' toroq fil-belt ta' l-Imdina huma fi stat ħażin, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xogħol ta' manutenzjoni fuqhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Ministeru għall-Ambjent m'ilux waqqaf il-Kumitat għar-rijabilitazzjoni ta' l-Imdina li fih hemm ukoll rappreżentanza mill-Kunsill Lokali. Dan diġa beda jħares lejn ix-xogħol li hemm bżonn isir fit-toroq tal-lokal.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika dwar ir-rata ta' assenteiżmu ta' l-iskejjel sekondarji tas-subien u bniet ta' Malta u Għawdex, skola bi skola, minn Marzu 1999 sa l-aħħar tas-sena skolastika 1998-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
l-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jilqa' t-talba li għamillu l-Maltese Community Council of NSW Inc. permezz ta' ittra bid-data tat-22 ta' Settembru, 1999 biex jingħataw għajnuna ta' kotba, dizzjunarji u materjal edukattiv ieħor li huma indispensabbli għalihom għal programmi edukattivi li għandhom biex ixerrdu t-tagħlim u l-kultura Maltija?
Meta se jilqa' din it-talba? X'għajnuna se tintbagħat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Maltese Community Council of NSW Inc. ingħatat kopji tal-kotba kollha tal-Malti li qed jintużaw fil-preżent fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-Istat. Barra minn hekk, ġew mogħtija wkoll kopji ta' cassettes li jgħinu sabiex jiġi mgħallem il-Malti mitkellem u letteratura dwar il-kultura Maltija.
Ta' min wieħed isemmi li l-Gvern tant ħa bis-serjeta` l-kawża ta' l-emigranti Maltin li waqqaf Roots Programme biex tiġi mħarsa l-kultura Maltija fost il-Maltin emigranti tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni. Permezz tar-Roots Programme ġie imwaqqfa website, ġiet ikkuntattjata l-Community Language School fi NSW biex tintalab direzzjoni dwar il-livell ta' l-istudenti li jistgħu jiġu ndirizzati permezz ta' mezzi ta' tagħlim diġitali u qed jiġi mħejji video feature dwar il-karattru modern urban Malti. Barra minn dan, qed jiġi studjat ukoll kif jistgħu jiġu mgħallma l-Malti u l-kultura Maltija minn Malta permezz ta' long distance learning.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jispiċċaw tfal mill-iskola wara li jkunu temmew it-tagħlim tagħhom fil-livell sekondarju?
Jeżistu figuri dwar kemm se jispiċċaw minn skejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk privati dejjem matul din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li huwa stmat li f'din is-sena skolastika se jispiċaw:
Skejjel ta' l-Istat:
1,414 student fl-iskejjel Sekondarji
1,846 student fil-Junior Lyceums
615 student fit-Trade Schools
Skejjel tal-Knisja:
1,332 student
Skejjel Privati:
286 student.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li se jirtiraw għalliema matul din is-sena skolastika minħabba ż-żmien?
Kemm irtiraw diġa'?
F'liema livelli qegħdin jgħallmu/kienu jgħallmu?
X'suġġetti kienu/qegħdin jgħallmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' Għalliema li se jirtiraw matul din is-sena skolastika minħabba ż-żmien hu ta' 42. Minnhom diġa' irtiraw 16.
Dawn huma mqassmin kif ġej:
SKEJJEL PRIMARJI - 8 għalliema
SKEJJEL SEKONDARJI
Suġġett Numru ta' Għalliema
Matematika 6
Franċiż 1
Taljan 1
Ingliż 2
Malti 2
Ġermaniż 1
Graphical Comm. 1
Craft 1
Needlework 1
Studji Soċjali 1
Ġografija 1
Reliġjon 1
PSE 2
In charge of class 2
Xogħol ta' Stores Office 1
SKEJJEL TA' SNAJJA
Matematika 1
SKEJJEL SPEĊJALI 3 (waħda minnhom diġa' irtirat)
DIPARTIMENT TA' L-ISTUDJI OGĦLA U EDUKAZZJONI GĦALL-ADULTI
Edukazzjoni Fiżika 1 (diġa' irtirat)
Accounts 1
Ġermaniż 1
Marketing 1
Ingliż 1
Mużika 1
Jista' l-Ministru jgħid fuq medda ta' ħames (5) snin kemm hu maħsub li se jkun hemm bżonn għalliema għall-iskejjel ta' l-Istat?
Skond il-pjani tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, kemm se jkun hemm bżonn b'livell primarju, sekondarju eċċ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba ċirkustanzi u fatturi varjabbli mhux possibli li jsiru xi "forecasts" preċiżi ta' kemm ser ikun il-bżonn ta' għalliema b'mod ġenerali u b'mod partikulari (ie. settur settur u suġġett suġġett). dawn il-fatturi varjabbli jinkludu:
a) promozzjonijiet ta' għalliema u uffiċjali oħra. Id-Diviżjoni ma tkunx f'pożizzjoni li tgħid minn qabel min ser jieħu promozzjoni u, allura, jħalli vaganza u, wkoll, min ser jilħaq flok min ħa l-promozzjoni.
b) irtirar kmieni speċjalment "boarding out". Barra n-numru li b'xi mod tista' tasal għalih b'mod ġenerali jekk tħares lejn it-trend fl-aħħar snin, hemm ukoll min ser jirtira. Hu diffiċli li tippronostika kemm u min ser jiġi "boarded out".
c) Maternity/Paternity u/jew pregnancy leave. Hawn ukoll mhux faċli tgħid min u mil-liema setturi jew suġġetti ser jiġu t-talbiex għal dan il-leave.
d) Scholarships - Bħal fil-każijiet ta' qabel, mhux faċli tgħid min u mil-liema suġġetti jew setturi.
e) Għażla ta' suġġetti mill-istudenti, prinċipalment fis-settur sekondarju u post-sekondarju. Billi n-numru ta' studenti fl-"optional subjects" u fis-settur post-sekondarju jinbidel kull sena, dan ukoll hu fattur varjabbli.
f) Riżenji ta' għalliema. Hawn ukoll mhux in-numru jgħodd, iżda mil-liema settur jew suġġett ġej.
Madanakollu hemm fatturi oħra li huma prevedibbli (pe l-irtirar ta' għalliema kull sena għal ħames snin li ġejjin) u dawn jagħtu indikazzjoni tajba (iżda mhix preċiża) tal-ħtiġijiet tad-Diviżjoni.
Fil-ħames snin li ġejjin bil-provvista ta' studenti tal-B.Ed u PGCE, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ser ikollha għalliema biżżejjed għal ħtiġijiet tagħha. Naturalment jibqgħu ċerti oqsma li ser jibqgħu jħossu xi nuqqas ta' għalliema kwalifikati bħal pe. Computer Science, Fiżika, Graphical Communication u xi suġġetti fil-qasam post-sekondarju.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-Istat li matul din is-sena finanzjarja se jsirilhom xogħol ta' manutenzjoni?
Liema xogħol se jsir f'kull skola? Kemm se jiswa f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-deċiżjoni finali dwar ix-xogħlijiet li għad iridu jsiru din is-sena ser jittieħdu fi żmien qasir.
Peress li mindu l-Ministru wieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12739 dwar tfal mingħajr superviżjoni wara li jispiċċaw mill-iskola Ġużeppi Despott, għaddejt l-informazzjoni lil xi ġenituri li qaluli li xorta m'hemmx superviżjoni fuq il-post minn xi għalliem u t-tfal qed jiġru bejn il-buses u fit-triq, jista' l-Ministru jgħid jekk is-surmast u/jew l-assistant tiegħu jkunux fil-post jew fl-uffiċċju tagħhom?
Jaf il-Minsitru li aktar minn darba kienet se ssir traġedja għaliex din it-triq hija traffikuża ħafna u b'hekk hemm bżonn ta' kontroll strett fuq l-imġieba tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta kien ikkuntattjat il-Kap ta' l-Iskola ikkonferma t-tagħrif mogħti li jew hu personalment jew xi wieħed mill-Assistenti Kapijiet ikun preżenti sabiex jissorveljaw l-istudenti sakemm ikun rikeb l-aħħar wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-liġi ta' l-edukazzjoni tispeċifikax li għandu jkun hemm kunsilli skolastiċi - bl-istess forma ta' dawk l-iskejjel statali - fl-iskejjel tal-knisja u dawk privati?
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-iskejjel elenkati hawn taħt hemmx kunsilli skolastiċi li saru b'elezzjoni b'rappreżentanza ta' ġenituri, għalliema u studenti (fejn jkun il-każ): (i) il-kulleġġ ta' San Alwiġi; (ii) il-kulleġġ De La Salle; (iii) il-kulleġġ St.Edward's; (iv) il-kulleġġ San Albert il-Kbir; (v) il-kulleġġ San Elija; (vi) l-iskola San Anton; (vii) l-iskola San Martin; u (viii) l-iskola St.Michael?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-liġi ta' l-Edukazzjoni (Att Nru XXIV ta' l-1988) tirriafferema l-awtonomija ta' l-iskejjel privati. Il-liġi ta' l-Edukazzjoni ma tobbliga lil ebda skola privata li jkollha Kunsill Skolastiku kif hemm speċifikat għall-iskejjel statali. Iżda, f'ħafna mill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti hemm xi forma ta' Parent - Teacher Association. Hija l-iskola stess li tippromwovi xi forma jew oħra ta' Kunsill ta' l-Iskola. Iżda l-liġi ta' l-Edukazzjoni tħeġġeġ lill-iskejjel privati biex huma wkoll jimxu fuq il-mudell ta' Kunsill Skolastiku li hemm fl-iskejjel ta' l-Istat.
Fil-fatt Artiklu 25 jgħid li "kull min japplika u jingħata liċenzja sabiex jiftaħ skola skond id-dispożizzjonijiet ta' l-artiklu 6 ta' dan l-Att għandu jagħmel kull sforz sabiex, mingħajr obbligu legali, jagħmel tiegħu sistema ta' tmexxija minn Kunsill ta' Skola kif maħsub f'din it-Taqsima ta' dan l-Att".
Fl-aħħar nett informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ,m'għandiex informazzjoni dwar Kunsilli Skolastiċi fl-iskejjel elenkati fil-Mistoqsija Parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet/kumitati differenti jaqgħu taħt il-Ministeru li għandhom x'jaqsmu ma'l-oqsma tal-libreriji u arkivji? Min huma l-membri ta' dawn il-korpi? Meta ġew maħtura l-aħħar u b'liema terminu ta' żmien? meta se jinħatru dawk għall-perjodu kurrenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitati/Bordijiet differenti li jaqgħu taħt il-Ministeru u li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma tal-Libreriji u Arkivju huma:
1. MALTA BOOK FAIR ORGANISING COMMITTEE - maħtur f'Awissu
1999 b'terminu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2000.
Dan il-Kumitat hu ffurmat minn: is-Sur Anthony Mangion, Chairman - is-Sur Philip Borġ, Segretarju - u s-sinjuri Horace Portelli, Ġorġ Borġ, Hazel Sultana, Vicky Vella, Catherine Vella, Joe Camilleri, Tessa Baluci, Paul Mizzi u Lawrence Zerafa bħala membri.
2. PUBLIC LIBRARIES ADVISORY COMMITTEE - maħtur fil-21 ta'
Mejju 1998 għal perjodu li ntemm fil-31 ta' Diċembru 1998.
Dan il-Kumitat kien kompost minn: is-Sur Anthony Mangion, Chairman, - is-Sur Joseph R. Grima, Viċi Chairman, - is-Sur Joseph Boffa, Segretarju - u s-Sinjuri Victor Fenech, Joseph Zerafa, Paul Xuereb (Dr), Lilian Sciberras, Tessa Baluci, Vicky Vella u Joe Debattista bħala membri.
Dan il-Kumitat ma reġax ġie kostitwit.
3. NATIONAL ARCHIVES CONSULTATIVE COMMITTEE - maħtur fl-1 ta'
April 1998 għal perjodu li ntemm fil-31 ta' Diċembru 1998.
Dan il-Kumitat kien kompost minn: Dr Albert Ganado, Chairman - is-Sur Joe Boffa, Viċi Chairman, - is-Sur William Zammit, Segretarju - u s-Sinjuri Mons Fortunato Mizzi, Hella Jean Bartolo, Rev. Ġwann Azzopardi, Maġġur Albert Abela, Prof. Stanley Fiorini, Dr Joseph Bezzina, Charles Galea Scannura, Joe Attard, Dr John Chircop, Joseph Caruana, Stephen Gegiorgio u Maroma Camilleri bħala membri.
Dan il-Kumitat għadu ma reġax ġie kostitwit.
4. ACTION COMMITTEE LIBRARY MANAGEMENT - maħtur f'April 1997.
Dan il-Kumitat kien kompost minn: Dr Paul Xurerb, Chairman - is-Sur Philip Borġ, Segretarju, u Dr Albert Ganado, Mons. Dun Ġwann Azzopardi, Dr John Chircop, is-Sinjorina Hella Jean Bartolo u s-Sur William Żammit bħala membri.
Dan il-Kumitat ma baqax jiffunzjona.
Ser jittieħdu l-passi meħteiġa biex fil-ġimgħat li ġejjin jiġu nominati l-kumitati li hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax li ssir reviżjoni u aġġornament tal-liġi tad-depożitu legali u ta'l-arkivji nazzjonali bil-għan li jiġi salvagwardat aħjar il-wirt dokumentarji nazzjonali?