Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14318 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq f'mużewijiet u f'siti storiċi, każ b'każ u post b'post u f'kull każ xi nsteraq, fil-perijodu bejn l-1 ta' Jannar, 1999 u t-30 ta' Jannar, 2000? X'passi ttieħdu f'kull każ u x'riżultati taw s'issa dawn il-passi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #14268 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Matsec — Eżamijiet

Question

Peress li l-Ministru talabini npoġġi l-mistoqsija parlamentari numru 12738 dwar applikazzjonijiet ta' l-istudenti għall-eżamijiet tas-SEC, wara l-15 ta' Frar, jista' issa jwieġeb din il-mistoqsija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' kandidati li ser jersqu għall-eżami tas-Secondary Education Certificate għas-Sessjoni ta' Mejju 2000 huwa hekk: Numru ta' Applikanti Malta 7232 Għawdex 730 TOTAL 7962 Il-lista ta' suġġetti li ser jersqu għalihom f'din is-sezzjoni kif ukoll l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #14269 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħafna konsumaturi qed jilmentaw minn żieda kbira li sabu fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal perijodu bejn Novembru u Marzu 1999? Dan jista' jkun attribut għaż-żieda li ġiet imposta fil-budget ippreżentat fil-Parlament f'Novembru, 1998 Kemm kien hemm ilmenti tal-konsumaturi mindu ħarġu dawn il-kontijiet għall-perijodu msemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jinghad li t-tariffi li fuqhom inhadmu l-kontijiet tad-dawl u ta` l-ilma ghall-perjodu bejn Novembru u Marzu 1999 huma dawk kif imhabbra mill-Gvern prezenti f`Novembru, 1998. Ghaldaqstant ma kien hemm ebda bidla ulterjuri fit-tariffi hlief ghal dawk li jirrigwarda xi rebates. Ta` min ifakkar li t-tariffi kif riveduti mill-amministrazzjoni prezenti huma maghmula b`mod li jirriflettu l-livell ta` konsum u ghalhekk zieda fil-kont tirrifletti zieda fil-konsum. Meta jaghmel paragun, il-konsumatur ghandu jqabbel in-numru ta` units ikkunsmati u mhux il-kont. Huwa fatt li l-istagun tax-xitwa bejn tmiem l-1998 u l-bidu ta` l-1999 kien wiehed aktar kiesah minn dawk ta` qabel u ghalhekk kien logiku li l-konsum ta` l-elettriku jizdied anke jekk mhux necessarjament zdied l-apparat li jiggenera s-shana. Fl-ahhar ta` min ifakkar li jekk hemm xi hadd li m`ghandux jitkellem dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma huwa l-Partit Laburista. L-Onorevoli Interpellant jaf tajjeb bil-mizuri anti-socjali li l-Amministrazzjoni Laburista, li taghha kien Ministru, kienet hadet dwar din il-materja. Kellu jkun Gvern Nazzjonalista biex titnehha din l-ingustizzja.
Leg 9 PQ #14270 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bormla — Ċentru sportiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jibda x-xogħol fuq il-bini taċ-ċentru sportiv quddiem il-Kulleġġ De La Salle, hux se titmiss l-iskola Ġużeppi Despott (Verdala) jew xi faċilitajiet tagħha? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tweġiba hija fin-negattiv. Madanakollu, hemm il-ħsieb li fl-istadju tal-bini tal-Kumpless Sportiv ta' Cottonera tittieħed l-inizjattiva sabiex isir xogħol ta' riabilitazzjoni fil-pitch tal-football ta' l-iskola Ġużeppi Despott (Verdala).
Leg 9 PQ #14271 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Mtaħleb — SATU

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies miżmuma bħalissa fis-SATU fl-Imtaħleb? Kif jintgħażlu n-nies biex imorru f'dan iċ-ċentru? Barranin jikkwalifikaw ukoll biex jattendu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent in-numru ta` residenti ġewwa l-unit tas-SATU hu ta` 9. Ninsab infurmat ukoll li, bħala regola ġenerali, jikkwalifikaw li jagħmlu programm ta` riabilitazzjoni dawk il-priġunieri sentenzjati li għandhom problema tad-droga u/jew alkoħol li jkun għad fadlilhom iżjed minn 6 xhur u mhux aktar minn sentejn x`jiskontaw mis-sentenza. Dawk li volontarjament ikunu jridu jagħmlu dan il-programm ta` riabilitazzjoni jridu jagħmlu talba formali għal dan il-għan lid-Direttur tas-Servizzi Korrettivi. It-talba titressaq quddiem il-Bord li jirrikkomanda jekk it-talba għandiex tintlaqa u liema programm għandu jiġi segwit. Il-priġunieri li ma jikkwalifikawx għal dawn il-programmi huma dawk : - - li jkunu miżmuma taħt l-Att dwar l-Immigrazzjoni; - li jkunu suġġetti għal provedimenti ta` estradizzjoni; - ta` nazzjonalita` barranija li jkunu ser jiġu deportati malli jiskontaw is-sentenza tagħhom; - li jkunu meqjusa li jkunu morda mentalment jew li jkunu qed ibatu minn diżordni mentali; - li jkunu f`diviżjonijiet ta` sigurta` massima; - li jkollhom sentenza għal għomorhom; - li jirrifjutaw li jagħmlu t-test għad-droga jew li jirriżulta li jkunu pożittivi għaliha fl-aħħar sitt xhur; - li s-sentenza kurrenti tagħhom jew każ pendenti tagħhom quddiem il-Qorti huma relatati ma` offiża gravi.
Leg 9 PQ #14311 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Ingliż - Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti barranin li s-sena li għaddiet (1999) attendew xi kors biex jitgħallmu l-Ingliż? Jista' jelenka l-iskejjel u n-numru ta' studenti li attendew f'kull skola? Jista' jagħti dettalji dwar il-pajjiżi li ġew minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #14312 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Kliniċi — Tipjip

Question

Matul l-1999, kemm kienu dawk il-persuni li użaw il-kliniċi biex jieqfu mit-tipjip għall-ewwel darba? Kemm minnhom fil-fatt komplew il-kors sa l-aħħar? Meta fil-fatt infetħu dawn il-kliniċi? Kemm hu stmat li marru nies biex jippruvaw jieqfu mit-tipjip minn dak iż-żmien? Kemm fil-fatt waqfu għal kollox?

Response (DEGUARA, LOUIS)

1. Fl-1999 kien hemm 114 persuna li applikaw biex jattendu għall-kliniċi li joffru servizz għal min jixtieq jieqaf ipejjep. 2. Iċ-ċifra ta' kemm fil-fatt komplew il-kors sa l-aħħar fiċ-Ċentri tas-saħħa, ma tinżammx. Hemm min żamm kuntatt bit-telefon mal-facilitator kif ukoll ġew id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa għal għajnuna ndividwali. 3. Il-kliniċi fl-1999 inżammu hekk:- April Fiċ-Ċentru tas-Saħħa Paola Mejju Fiċ-Ċentru tas-Saħħa Paola Lulju Fiċ-Ċentru tas-Saħħa Paola Ġunju Fiċ-Ċentru tas-Saħħa Floriana Ottubru Fiċ-Ċentru tas-Saħħa Gżira 4. Il-Kliniċi bdew oriġinarjament fl-1991. M'hemmx statistika miġbura kemm hu stmat li attendew niex minn 1991 sa 1998 jew kemm fil-fatt waqfu mit-tipjip.

Pembroke — Misraħ il-Fortizza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn Settembru 1999 'l hawn biex issir it-triq u dak kollu meħtieġ f'Misraħ il-Fortizza f'Pembroke?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kien hemm kuntatti bejn il-Kunsill Lokali, il-Maltacom u d-Dipartiment tat-Toroq dwar ix-xogħol ta` asfalt u ċaqliq ta` `cables` li hemm bżonn isiru fiż-żona. Jien infurmat ukoll li ser tiġi ppubblikata sejħa għal offerti għal biex dan ix-xogħol ikun jista` jitwettaq wara li d-diffikultajiet li kien fadal ġew solvuti.
Leg 9 PQ #14110 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Operazzjonijiet

Question

Peress li jien informat li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ilu s-snin jistenna li jiġi operat, jista' l-Ministru jara li dan jiġi nfurmat meta se ssirlu l-operazzjoni meħtieġa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta` natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall mistoqsija numru 13567 f`seduta 235.

Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ġie nformat verbalment li għandu jagħti Lm4,000 lid-dipartiment tas-sigurta' soċjali? Jista' jiġi informat bil-miktub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninfroma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Leg 9 PQ #14112 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Birzebbuga - Primarja

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li t-tfal ta' l-iskola primarja B ta' Birżebbuġa ilhom ġimgħa ma jingħataw ħalib? X'inhuma r-raġunijiet? Il-kunsill skolastiku din is-sena meta ngħata rendikont kif intnefqu l-flus mogħtija lill-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul il-ġranet ta' l-eżamijiet kien qed jinħela ħafna ħalib peress li t-tfal ma kienux qed jixorbuh. Minflok tibgħat numru ta' pakketti ta' ħalib fil-klassijiet li kien qed jinħela l-amministrazzjoni ta' l-iskola bdiet tagħti l-ħalib lil kull min jitolbu. Informat li r-rendikond ta' kif intefqu l-flus mogħtija lill-iskola għall-użu tal-Kunsill Skolastiku ingħata fil-laqgħa tal-Kunsill ta' Frar.
Leg 9 PQ #14113 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Santa Maria Goretti

Question

Mingħajr indħil fit-tmexxija ta' l-iskola, jista' l-Ministru jara li jiġi rakkmandat lil min qed imexxi l-iskola Santa Maria Goretti ta' Ħal Tarxien biex l-istudenta li isimha qed jintbagħat separatmanet titħalla tilbes ġakketta li taqbel ma' l-uniformi ta' l -iskola għax mingħajrha tħoss il-kesħa? X'passi ttieħdu fl-istess skola biex bniet lebsin mhux xieraq jew kif suppost jibdew jiġu libsa kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola Santa Maria Goretti ta' Ħal Tarxien għandha 'policy' li l-istudenti kollha jmorru l-iskola bl-uniformi li tikkonsisti f'dublett skoċċiż, qmis griża u ġakketta tip blazer ta' kulur ħadrani fil-blu. L-amministrazzjoni ta' l-iskola tinsisti li kull studenta tilbes l-uniformi ta' l-iskola. Informat ukoll li jirriżultawx rapporti li kien hemm xi bniet lebsin mhux xieraq.
Leg 9 PQ #14267 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li xi għalliema jibqgħu fl-iskola sal-5.00 p.m. biex jikkoreġu l-pitazzi eċċ u ta' dan jitħallsu somma flus fix-xahar? Huwa minnu li l-idea hija li dan il-proġett isir bħala prova fil-Junior Lyceum tal-bniet taż-Żejtun?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li la ħadd talab xi permess u lanqas ħadd ma għamel xi proposta bħal dik imsemmija fil-Mistoqsija la fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u lanqas fl-iskola msemmija.
Leg 9 PQ #13934 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Dilettanti taż-żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ħsieb għandu l-gvern biex jipprovdi spazju għad-dilettanti taż-żwiemel biex dawn bi ftit organizzazzjoni jkunu jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom mingħajr periklu? Jaf il-ministru li bħalissa dan qed isir fi triq pubblika nhar ta' Ħadd filgħodu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm il-ħsieb li l-quddiem id-dilettanti taż-żwiemel jingħataw faċilitajiet ta' spazju fil-korsa l-qadima taż-żwiemel fil-Kumpless tal-Marsa sabiex jipprattikaw l-isport tagħhom mingħajr periklu.
Leg 9 PQ #13935 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Akkademja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-korsijiet li bħalissa qed isiru fl-akkademja tal-pulizija? Kemm hemm parteċipanti f'kull kors? Kull kemm żmien isiru korsijiet oħra għal dawk li jkunu attendew kors meta jkunu daħlu fil-korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-Akkademja għal Ġustizzja Kriminali bħalissa jinsab għaddej kors għar-rekluti ġodda li għalih qed jattendu 76 persuna. Dan il-kors beda fl-4 ta` Ottubru 1999, u hu mistenni li jispiċċa fl-24 ta` Marzu 2000. Fuq bażi regolari jsiru korsijiet ta` ġimgħa l-wieħed lill-Membri tal-Korp tal-Pulizija f`taħriġ ta` sparar b`armi żgħar. Mill-bidu ta` din is-sena nżammu erba` minn dawn il-korsijiet li għalihom attendew 26 membru tal-Korp. Ninsab infurmat ukoll li b`koordinazzjoni mall-Human Resources Branch tal-Pulizija, f`Ottubru 1999, fl-Akkademja inbdew korsijiet f`diversi suġġetti li jwasslu għal eżamijiet sal-Livell Ordinarju u li ser jintemmu f`Mejju/Ġunju ta` l-2000. Is-suġġetti u l-attendenza minn membri tal-Korp għal dawn il-korsijiet hu kif jidher hawn taħt : Suġġett Attendenza ------- ---------- Ingliż 12 Malti 7 Matematika 5 Studju Soċjali 12 Computer Studies 12 Soċjoloġija 4 Ninsab infurmat ukoll li barra minn dak mistenni hawn fuq, huwa ppjanat li minn April li ġej ser jibdew isiru In-Service Refresher Courses għas-surġenti u l-kuntistabbli. Huwa ppjanat li dawn il-korsijiet ta` ħmistax-il ġurnata kull wieħed isiru fuq bażi permanenti matul is-sena. F`dawn il-korsijiet jiġi mgħallma dawn is-suġġetti : - Criminal Law, Police Regulations, Traffic Law and Regulations, Drug Awareness, Scene of Crime, Discipline/Motivation, Police Ethics, Customer Care, Domestic Violence, Communications u Computer Awareness.
Leg 9 PQ #13936 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' membri tal-korp tal-pulizija li għadhom iservu minkejja li għalqu l-25 sena servizz? Jista' jgħid ta' liema rank huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 125 membru tal-Korp tal-Pulizija li għalqu l-25 sena servizz. Dawn huma mqassma hekk - Kummissarju 1; Deputat Kummissarju 1; Assistenti Kummissarju 2; Supretendenti 2; Spetturi 12; Surġenti Maġġuri 3; Surġenti 27 u Kuntistabbli 75.
Leg 9 PQ #13937 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ex-membri li reġgħu daħlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru, 1998 sal-lum kemm kien hemm talbiet biex persuni jittieħdu lura fil-korp tal-pulizija? Ta' liema rank huma? Kemm ġew aċċettati? Kemm kienu ilhom barra mill-korp kull wieħed li reġa' applika biex jidħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onorevoli Interpellant, kien hemm 30 persuna li għamlu talba sabiex jerġgħu jidħlu lura fil-Korp tal-Pulizija. Qabel ma telqu mill-Korp kienu jokkupaw dawn il-karigi - Supretendent 1; Spetturi 2; Surġenti 2; Kuntistabbli 25. Ninsab infurmat ukoll li ħadd minnhom ma ddaħħal lura fil-Korp.
Leg 9 PQ #13938 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Modernizzar

Question

Matul din is-sena finanzjarja kemm hu maħsub li se jintnefaq biex il-korp tal-pulizija jiġi modernizzat b'użu ta' apparat ġdid biex tiġġieled il-kriminalita', nuqqasijiet mis-sewwieqa tat-traffiku eċċ? X'tagħmir se jinxtara? Minn fejn? X'infiq se jsir f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-nefqa komplessiva taħt il-Vot Kapitali tal-Pulizija biex jitjiebu il-faċilitajiet li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-diversi Taqsimiet tal-Korp mistennija tlaħħaq Lm500,000, żieda ta` 40% minn dak provdut fil-budget għas-sena 1998. Din in-nefqa tkopri t-tkomplija tax-xogħol fuq il-bini tal-kumpless li qed jittella fil-bitħa tas-CID u li, barra Lock-Up ġdid, se jkun jinkludi ukoll Laboratorji Forensiċi moderni u kwartieri attrezzati kif jixraq għat-Taqsimiet tas-CID, Drogi, Frodi u Vizzji. Mistennija jinxtraw ukoll numru ta` muturi biex tkompli tissaħħaħ it-Taqsima tat-Traffic, kif ukoll muturi żgħar u karozzi biex jaqdu l-ħtiġijiet ta` trasport ġenerali tal-Korp. Barra minn hekk, fis-sena 2000 għandu jinxtara u jibda jintuża tagħmir li jikkontrolla s-sewqan eċċessiv permezz hekk imsejjaħ speed cameras. Filwaqt li mistenni jsir ix-xiri u stallazzjoni tal-apparat li jintuża għall-identifikar ta` marki tas-swaba - l-AFIS. Finalment għandhom jinxtraw ukoll numru ta` bullet proof vests biex tiġi assigurata protezzjoni aħjar għal membri tal-Korp li jagħmlu xogħol b`element akbar ta` riskju. Dan ix-xiri u dawn ix-xogħlijiet kollha mistennija jsiru permezz ta` kuntratti wara ħruġ ta` sejħiet għall-offerti skond il-proċeduri stabbiliti.

Detox Centre

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13248 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa dwar iċ-Ċentru Detox u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jgħid il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ċ-ċentru tad-Detox jitneħħa minn fejn hu u jinfetaħ f'post fejn ikun anqas possibbli li traffikanti tad-droga jħufu fl-inħawi? Saru xi proposti minn għaqdiet/individwi dwar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninstab infurmat li qed isiru tentattivi biex l-ispazju preżentament allokat għad-Detox, jikber. Dan minħabba iż-żieda fid-domanda għas-servizzi offruti minn dan iċ-Ċentru. Il-problema tat-traffikanti tad-droga li jħufu fl-inħawi, hija problema aktar kumplessa. Ġa saru diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet konċernati u qed isiru rondi regolari mill-pulizija. Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru, li dawk in-nies li jinqabdu jittraffikaw barra ċ-Ċentru tad-Detox u li jkunu wkoll qed jieħdu xi servizz minn dan iċ-Ċentru, jiġu sospiżi minnufih.
Leg 9 PQ #13929 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Impjegati

Question

Jista'l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12737 dwar flus dovuti għall-extra duty tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

B`referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12737 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar ħlasijiet dovuti lill-Pulizija minn banek, kumpaniji, individwi, etc. għal xogħol extra duty li sar minn membri tal-Korp.