Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14528 Sitting 260 2000-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Education welfare section — Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 1999 kemm kien hemm żgħażagħ taħt is-16-il sena li ngħataw għajnuna mill-education welfare section wara li tressqu l-qorti akkużati bi ksur tal-liġi? Kemm kien hemm minn dawn iż-żgħażagħ li ngħataw għajnuna mill-guidance and counselling unit?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena 1999, kien hemm 60 żgħażugħ taħt is-16-il sena li ngħataw għajnuna mis-Social Workers ta' l-Education Welfare Section, wara li dawn iż-żgħażagħ tressqu il-Juvenile Court, akkużati bi ksur tal-liġi. Informat ukoll li mill-Guidance and Counselling Unit, Cousellor jattendi l-Juvenile Court regolarment, u minn hemm isir jaf l-iskola fejn jattendi (billi fiċ-ċitazzjoni jkun hemm biss l-indirizz tad-dar). Meta jkunu każi serji, il-Counsellor jikkuntattja l-Counsellor/s in-charge mill-iskola verbalment u dan/dawn jagħtu l-għajnuna meħtieġa f'follow-up. Ma tinżammx statistika tal-kuntatti li jsiru, jew kemm idumu jsiru.
Leg 9 PQ #14529 Sitting 260 2000-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Ħaddiem

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul ix-xahar ta' Frar, 2000 kemm-il darba l-ħaddiem, li ismu qed jintbagħat separatament u li hu sewwieq ta' l-ambulanzi, iddaħħal jagħmel xogħol overtime ta' żebbiegħ fl-Isptar San Luqa? Għaliex dan ix-xogħol jingħata lilu meta hemm ħaddiema oħra jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Matul ix-xahar ta` Frar l-impjegat imsemmi ddaħħal jagħmel xogħol overtime ta` żebbiegħ sitt darbiet fl-uffiċċju tal-Manager tat-trasport u mhux fl-Isptar San Luqa. Dan ix-xogħol ingħata lil dan l-impjegat għaliex il-ħaddiema tal-Maintenance Section kienu mpenjati fuq il-proġetti l-oħra li għaddejin fl-Isptar.
Leg 9 PQ #14534 Sitting 260 2000-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istitut għall-istudji turistiċi għadu ma xandarx ir-riżultati ta' l-eżamijiet u qed iżomm lill-istudenti f'ansjeta' bla bżonn?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li r-riżultati ta' l-eżamijiet ġew pubblikati fit-28 ta' Frar 2000, cioe' jumejn qabel ma tressqet il-mistoqsija tal-Onor. Interpellant u fiż-żmien li normalment jittieħed biex jiġu proċessati r-riżultati.

Kunsilli lokali — Local wardens

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sens jagħmel għal local wardens li jieħdu passi kontra persuni li joħorġu l-iskart fil-boroż malli joħorġu għax-xogħol kmieni filgħodu u mhux tard filgħodu meta jgħaddi t-trakk tal-ġbir ta' l-iskart? X'jistgħu jagħmlu l-koppji li jaħdmu t-tnejn jekk ta' l-iskart jgħaddi wara li joħorġu għax-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Gwardjani Lokali huma fid-dmir li jinfurzaw dawk ir-regolamenti kollha li ġew delegati lilhom permezz ta` l-Avviż Legali Nru. 32`2000, irrispettivament taċ-ċirkustanzi ta` kull individwu.

Rabat/Imtarfa/Baħrija — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li se jingħataw it-tarmac fir-Rabat, l-Imtarfa u l-Baħrija matul din is-sena finanzjarja u li responsabbli għalihom huwa l-gvern ċentrali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa qed isir xogħol fit-triq ta` l-Imtarfa fil-karreggjata li sejra lejn il-Belt u ser joħorġu sejħiet għal offerti għal xogħol simili fil-karreggjata li tagħti lejn Buzugrilla. Xogħolijiet oħra jsiru skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment.

Sliema — Triq Sant'Antnin - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-istat ħażin ta' Triq Sant'Antnin f'Tas-Sliema minfejn jgħaddu mijiet ta' studenti barranin li jiġu jistudjaw l-Ingliż f'Malta? Jaf il-Ministru li r-residenti ta' din it-triq ilhom żmien twil jitolbu li ssir xi ħaġa biex tiġi rranġata u ma tibqax perikoluża għar-residenti u t-traffiku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Kunsill lokali ta` tas-Sliema qed iwettaq xogħolijiet ta` `resurfacing` f`din it-triq, u x-xogħol hu maħsub li jitlesta sa l-aħħar ta` Marzu 2000.
Leg 9 PQ #14513 Sitting 259 2000-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

San Pawl il-Baħar — Triq San Ġorġ - Razzett

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-permessi kollha meħtieġa r-razzett li hemm fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jippreżenta "site plan" b'indikazzjoni fejn jinsab l-imsemmi razzett ħalli b'hekk tkun tista' tingħata l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #14515 Sitting 259 2000-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Razzett f'San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi għandu biex jopera r-razzett li hemm fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar? Il-bini tiegħu huwa kollu kopert bil-permessi meħtieġa? Jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet meħtieġa biex jiġi vverifikat liema hu bil-permess u liema mhux?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hu kopert bil-permess PB 3179/86/36/85 maħruġ fl-14 ta` Diċembru, 1984. Ninsab infurmat ukoll li minn stħarriġ li sar, irriżulta li fuq l-istess sit sar żvilupp ta` stores u faċilitajiet oħra konnessi mat-trobbija ta` l-annimali li għalih saret applikazzjoni PA 4845/97 liema applikazzjoni ġiet rifjutata. Fil-frattemp inħarġet Enforcement Notice Ref. ECF 859/99 liema notice ġiet appellata. Dan l-appell għadu pendenti quddiem il-Bord ta` l-Appell.

Tal-Balal — Traffic management

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex ikun hemm forom idoneji ta' traffic management (per eżempju, traffic lights) f'salib it-toroq magħruf bħala ta' ħdejn il-Vibes fl-inħawi Tal-Balal peress li qed tintuża ħafna u qed ikun hemm perikli kbar minn karozzi ġejjin min direzzjonijiet opposti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Aktar minn darba, matul ix-xhur li għaddew inkikajt li din il-`junction` hi waħda li għandha tiġi irranġata. Fil-fatt diġa` saru `traffic counts` u l-informazzjoni qed tiġi analizzata biex jiġi deċiż id-disinn għal din il-`junction`. Dan hu mportanti billi l-forma ta` kull `junction` tiddependi mit-traffiku li jgħaddi minn inħawi partikulari.
Leg 9 PQ #14525 Sitting 259 2000-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Assoċjazzjoni ta' min iħaddem

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex ma jibqax jiġri dak li qal il-President ta' l-Assoċjazzjoni ta' min iħaddemn dan l-aħħar li hemm investiment li qed jitlaq minn Malta u jmur fl-Ewropa ta' Lvant għax huwa post aktar favorit u kompetittiv għall-industrija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Din il-mistoqsija fiha żewġ aspetti ewlenin. Teżisti attivita industrijali, prinċipalment fil-qasam ta` ċertu tipi ta` tessuti, fejn ix-xogħol ta` l-idejn huwa kbir u l-opportunita għal żieda fil-produttivita` hija limitata ħafna. Din it-tip ta` attivita għandha t-tendenza li tiċċaqlaq lejn pajjiżi fejn il-pagi għadhom baxxi. Wieħed jista` jagħmel ftit li xejn biex iwaqqaf dan iċ-ċaqlieq. F`din l-eventwalita`, l-politika tal-Gvern għandha tkun waħda li tiffavorixxi l-ħolqien ta` impjiegi alternattivi f`oqsma oħra ta` l-ekonomija. Huwa ħafna aktar preokkupanti r-riskju li tip ieħor ta` investiment, din id-darba f`oqsma oħra tal-manifattura fejn il-valur miżjud huwa ħafna iktar għoli, jista` ukoll jitbiegħed minn Malta u jaqbad it-triq tal-pajjiżi tal-lvant bħar-Repubblika Ċeka u l-Ungerija. Dawn il-pajjiżi llum għandhom attrazzjoni partikolari għaliex bħala kandidati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea, mhux biss joffru lill-investitur aċċess għas-swieq tagħhom, iżda wkoll għal dak ta` l-Unjoni Ewropea. F`dan ir-rigward, il-politika tal-Gvern hija waħda ċara ħafna marbuta ma` l-objettiv tas-sħubija ta` pajjiżna fl-Unjoni Ewropea fl-iqsar żmien possibbli. Malta ma għandha ebda alternattiva oħra jekk trid tibqa` ta` attrazzjoni għall-investiment barrani.
Leg 9 PQ #14463 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — ID Cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' ID cards irrapportati nieqsa lill-pulizija matul l-1999 u sa l-20 ta' Frar ta' din is-sena? Kemm minnhom instabu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1 ta` Jannar, 1999, sa l-20 ta` Frar, 2000, ġew irrapurtati lill-Pulizija 1,856 karta ta` l-identita` mitlufa, filwaqt li fl-istess perijodu ġew irrapurtati lill-Pulizija 35 karti ta` l-identita` misjuba.
Leg 9 PQ #14489 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema barranin

Question

Jista' issa l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba fil-mistoqsija parlamentari tiegħi nru.13925 ċioe' dwar għalliema barranin li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja, s-suġġetti tagħhom u d-dettalji dwar il-permess li jaħdmu Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #14490 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Pescatore

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-ewwel ta' Jannar, 2000 sa l-aħħar ta' Frar, 2000 f'liema dati, f'liema ħinijiet (ftuħ u għeluq) u għal liema attivitajiet kellu l-permessi meħtieġa l-Pescatore li jinsab f'San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat il-liċenzji tal-Pulizija relevanti għall-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant kienu dawk li jien tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12266.
Leg 9 PQ #14491 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja — Ftehim

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar minn Settembru 1999 sa Frar, 2000, kemm ingħatat għajnuna finanzjarja lill-iskejjel tal-Knisja skond il-ftehim bejn Stat u Knisja? Kien hemm xi żieda fuq dak li kien jingħata qabel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-iskejjel tal-Knisja minn Settembru 1999 sa Frar 2000 skond il-ftehim bejn Stat u Knisja kien hekk: Settembru 1999 - Lm 557,083 Ottubru 1999 - Lm 557,083 Novembru 1999 - Lm 680,827 Diċembru 1999 - Lm 541,820 Jannar 2000 - Lm 590,000 Frar 2000 - Lm 590,000 TOTAL Lm3,516,813 Informat ukoll li din is-somma fiha żieda ta' Lm184,621 fuq l-istess perjodu ta' sena qabel.
Leg 9 PQ #14492 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Raba'

Question

Wara d-diskors tal-Ministru tal-biedja f'dawn l-aħħar jiem li eluf ta' tmiem ta' raba' se jingħata għall-bini mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u fejn qabel kien hemm projbizzjoni dwar dan, jista' l-Ministru jelenka fejn hu dan ir-raba', kemm hu kbir f'kull każ u min hu s-sid?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14449.
Leg 9 PQ #14493 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Żweġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru żweġijiet matul l-ewwel xahrejn ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu żweġijiet ċivili biss? Kemm saru żweġijiet fejn wieħed/waħda mill-koppji kien/kienet barranija? Kemm saru żweġijiet f'Malta bejn koppji barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar żweġijiet bejn l-1 ta` Jannar, 2000, u d-29 ta` Frar, 2000, hu kif ġej : - Malta Għawdex ----- ------- Total ta` żweġijiet 132 8 Żweġijiet ċivili (mit-total) 53 3 Żweġijiet (parti waħda barranija) 31 xejn Żweġijiet (iż-żewġ partijiet barranin) 14 xejn
Leg 9 PQ #14457 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut Tekniku Mikiel Ang Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-korsijiet li qed isiru bħalissa wara l-ħin fl-Istitut Tekniku Mikiel Ang Sapiano f'Raħal Ġdid? Min huma l-għalliema f'kull każ? Kemm hu l-ħlas tagħhom għal kull sessjoni? Kemm-il student qed jattendi kull kors? Matul din is-sena skolastika kemm-il sessjoni tħassret u x'kienet ir-raġuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas ta' l-għalliema hu ta' Lm3.96,8 fis-siegħa. Il-lista ta' korsijiet ta' fil-għaxija hi ndikata fl-iskeda li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat ukoll li l-lezzjonijiet ma sarux darbtejn peress li ma kienx hemm provista ta' l-elettriku fl-iskola.

Detox centre

Question

Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid matul Jannar u Frar ta' din is-sena kemm-il persuna wżat iċ-ċentru tad-detox għall-kura mill-abbuż tad-droga? Kemm marru f'dan iċ-ċentru għall-ewwel darba? Kemm kien hemm nies ta' nazzjonalista' barranija? Kemm kien l-akbar u l-iżgħar fl-eta' li wżaw dan iċ-ċentru f'dawn ix-xahrejn? Kemm kien l-akbar u l-iżgħar li wżaw dan iċ-ċentru l-ewwel darba fl-istess żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul Jannar, 2000: - 528 persuna wżaw iċ-Ċentru tad-Detox għall-kura mill-abbuż tad-droga; - Minn dawn, 22 marru għall-ewwel darba; - 54 persuna li attendew, kienu ta' Nazzjonalita' barranija; - F'Jannar, l-akbar persuna fl-eta' li għamlet użu minn dan iċ-Ċentru, għandha 58 sena; - Filwaqt li l-iżgħar għandha 17-il sena; - Minn dawk li attendew għall-ewwel darba f'Jannar, l-ikbar persuna għandha 56 sena; - Filwaqt li l-iżgħar għandha 17-il sena. L-informazzjoni mitluba fuq ix-xahar ta' Frar, għadha mhijiex iffinaliżżata.

Detox centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nisa li wżaw iċ-ċentru Detox matul Jannar u Frar ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu taħt it-18-il sena? Kemm kellha żmien l-iżgħar waħda? Kemm attendew id-Detox centre għall-ewwel darba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul Jannar, 2000: - In-numru ta' nisa li wżaw iċ-Ċentru tad-Detox kien ta' 64; - Mara waħda kienet taħt it-tmintax-il sena; - L-iżgħar persuna għandha 17-il sena; - Mara waħda wżat dan iċ-Ċentru għall-ewwel darba fix-xahar ta' Jannar. L-informazzjoni mitluba fuq ix-xahar ta' Frar, għadha mhijiex iffinaliżżata.
Leg 9 PQ #14460 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies jittraffikaw id-droga u b'pussess ta' droga fl-inħawi taċ-Ċentru tad-Detox matul l-1999 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar, 1999, u d-29 ta` Frar, 2000, inqabdu 3 persuni jittraffikaw u 5 persuni b`pussess ta` droga fil-lokalita` li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.