Jista' l-Ministru jgħid f'liema mis-siti storiċi u ta' valur arkeoloġiku li jinsabu fl-Imġarr ta' Malta u fl-inħawi ta' madwar se jittieħdu inizjattivi ta' riabilitazzjoni mid-Dipartiment tal-Mużewijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-waqt li fl-inħawi ta' l-Imġarr Malta hemm diversi siti ta' importanza, fosthom it-tempji megalitiċi ta' Ħaġrat u Skorba, fil-preżent qegħda tingħata prijorita` għola lill-konservazzjoni tas-siti megalitiċi li għandhom problemi ta' konservazzjoni serji. Peress li t-tempji ta' Ħaġrat u ta' Skorba huma fi stat stabbli ħafna, ma hemmx pjanijiet għal interventi fuq dawn is-siti fil-futur immedjat.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema siti storiċi ta' wirt kulturali li jinsabu fl-inħawi tar-Rabat ta' Malta se jittieħdu inzijattivi ta' riabilitazzjoni mid-Dipartiment tal-Mużewijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-katakombi tad-Dejr kien ġie mfassal pjan sabiex is-sit jiġi protett u preżentat lill-pubbliku, waqt li jinħoloq ġnien żgħir biex ikompli jtejjeb l-ambjent tas-sit. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett kellhom jiġu sospiżi meta sar mandat bil-Qorti minn wieħed mill-ġirien, li fetaħ ukoll kawża. Għall-dawn l-aħħar tlett snin u nofs, ix-xogħlijiet kellhom jibqgħu sospiżi, u d-Dipartiment tal-Mużewijiet għadu qiegħed jistenna li tinqata' din il-kawża sabiex ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jkomplu.
Rigward il-Mużew ta' l-Antikitajiet Rumani, huwa porġettat li wara li jinħolqu s-swali ġodda fis-sular ta' fuq tal-Mużew ta' l-Arkejoloġija fil-Belt, jibda jitfassal pjan sabiex dan il-mużew ukoll jiġġedded b'mod aktar xieraq u interessanti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ittra mibgħuta lilu - kopja tagħha qed tintbagħat separatament - mill-ġenituri ta' tfal li jattendu l-iskola primarja tal-Pieta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li intbagħtet għalliema supply wara jiem li l-għalliema tal-klassi kienet nieqsa. Din ġiet irtirata mill-iskola wara numru ta' ġranet li l-għalliema tal-klassi reġgħet bdiet tattendi regolarment.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed tistenna l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex toħroġ iċ-ċertfikati meħtieġa biex ir-razzett (dokumenti qed jintbagħtu separatament) ikun jista' jikseb is-servizzi ta' l-ilma u d-dawl?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara li ġie kkonfermat li s-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jidher fuq is-survey sheet ta` qabel in-1968, b`konformita` ma` ċirkolari PA 2/99 subsinciz 3, jinħtieġ li ssir spezzjoni oħra biex jiġi żgurat li m`hemmx żvilupp illegali fuq is-sit. Jekk jirriżulta li ma hemmx żvilupp illegali fuq is-sit, allura fi żmien qasir jinħareġ iċ-ċertifikat mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex tiġi rikonoxxuta r-realta' ta' pajjiżna fejn ulied ommijiet Ingliżi li jitkellmu bl-Ingliż jitilgħu bl-Ingliż bħala l-ilsien tagħhom u qed isibu ruħhom fi żvantaġġ li fl-iskejjel primarji jkollhom jagħmlu r-Reliġjon u l-istudji soċjali bil-Malti?
Kif se nirrikonoxxu bis-serjeta' din ir-realta' fil-linja ġdida edukattiva tal-kurrikulu l-ġdid li jirrikonoxxi l-kultura ta' l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru jaf li fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali, l-politika ta' Bilingwiżmu għall-Primarji tirrakkomanda li l-għalliema jgħallmu l-Ingliż, il-Matematika, x-Xjenza u t-Teknoloġija bl-Ingliż. Hawn, it-tfal li jitilgħu bl-Ingliż bħala l-lingwa tagħhom ikunu vantaġġjati.
Min-naħa l-oħra, suġġetti bħar-Reliġjon u Studju Soċjali jsiru bil-Malti iżda l-bżonn ta' code-switching f'dan il-livell huwa rikonoxxut u jista' jaħdem, mhux biss biex jgħin lit-tfal li jsibu l-Ingliż tqil iżda wkoll lil dawk li jbatu fil-Malti.
Jista' l-Ministru jgħid x'sehem kellu l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, fit-tmexxija ta' l-eżamijiet li saru fil-Gozo Centre (Universita') fit-28 u fid-29 ta' Jannar, 2000 peress li kellu l-bintu tagħmel dawn l-eżamijiet? Xieraq li jkun imdaħħal f'dawn l-eżamijiet meta għandu interess familjari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna indikata ma kienet involuta b'ebda mod fit-tmexxija u s-superviżjoni ta' l-eżamijiet in kwistjoni.
Informat ukoll li l-amministrazzjoni ta' invigilation ta' dawn l-eżamijiet fid-dati msemmija saru mill-Uffiċjal inkarigat mill-amministrazzjoni tal-fakulta` ta' Ekonomija, Management u Accountancy li telgħet apposta minn Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibbiltajiet hemm li jinstab sit alternattiv għall-pompa tal-petrol li hemm applikazzjoni għaliha n-naħa ta' wara tal-ground tal-Mellieħa, post li hemm bżonn jinżamm biex jiġu żviluppati faċilitajiet sportivi oħra?
Response (BORG, TONIO)
Is-siti fejn jiġu proposti żviluppi partikolari normalment jiġu identifikati mill-applikanti nfushom. Fil-każ ta` proġetti li jkunu suġġetti għal Environmental Impact Assessment, il-konsiderazzjoni ta` siti alternattivi hija normalment parti integrali mill-proċess.
Fil-każ tal-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u d-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent talbu li jsir Environmental Planning Statement (EPS) u dan kien jinkludi analiżi ta` siti diversi, dejjem fl-isfond ta` l-policies viġenti tal-Pjan ta` Struttura. L-EPS ikkonkluda li s-sit li fuqu hemm l-applikazzjoni issa joffri diversi vantaġġi u jnaqqas ir-riskji li setgħa kien hemm fil-każ ta` siti oħrajn.
Madankollu, jekk l-applikant jixtieq jikkunsidra siti oħrajn, dan jista` jagħmlu dment li fl-isfond tal-policies tal-Pjan ta` Struttura terġa` ssir analiżi ta` l-impatt ambjentali.
Jikkonsidra l-Ministru li jagħti kontribut finanzjarju mill-fondi pubbliċi lill-Paroċċa tal-Mellieħa li qed tonfoq eluf ta' liri biex tirrestawra u jippriserva l-bini tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-limiti ta' l-Estimi li ġew notati mill-Parlament għal din is-sena mhux possibbli li din it-talba għal kontribut finanzjarju tiġi konsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ fl-iskema ta' taħriġ ESTS li m'għandhomx sponsor u qed jattendu jumejn skola biss fil-ġimgħa? F'liema oqsma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' żgħażagħ fl-iskema ta' taħriġ ESTS li m'għandhomx sponsor u li qegħdin jattendu jumejn skola biss fil-ġimgħa, huwa 11. Dawn l-istudenti qegħdin jistudjaw:
Motor Vehicle - 1
Electronic servicing - 4
Mechanical fitter - 2
Graphic Design - 2
Ġojjelliera - 2
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ġew organizzati mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ktieb għas-sena 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iSchool Library Services tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, biex jiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ktieb, f'Ottubru 1999 nieda kompetizzjoni dwar il-Kotba fost l-istudenti ta' l-iskejjel primarji u sekondarji kollha. Il-premjijiet ta' din il-kompetizzjoni tqassmu f'Jum il-Ktieb li kien ċelebrat nhar il-Ġimgħa, 10 ta' Marzu 2000.
Inizjattiva oħra kienet li fl-iskejjel kollha f'Jum il-Ktieb ġiet rakkommandata "Nofs Siegħa ta' Qari" li matulha, kull min kien fl-iskola bejn l-10.00 u l-10.30 a.m., mill-Kap ta' l-Iskola, l-għalliema, l-istudenti u s-support staff kollu inkluż il-purtinara kienu mħeġġa jieqfu milli kienu qed jagħmlu u jaqbdu ktieb u joqgħodu jaqrawh.
Il-Ministeru ħa wkoll din l-okkażjoni biex ħabbar it-twaqqif tal-Kunisll Nazzjonali tal-Ktieb bl-iskop li d-diversi inizjattvi li jittieħdu biex jippromwovu l-kiteb, jinġabru taħt umbrella waħda u allura jħallu riżultati aħjar.
F'din l-okkażjoni wkoll saret preżentazzjoni mill-Maltacom lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex tmur b'risq it-"Talking Book Service" tad-Dipartiment tal-Libreriji Pubbliċi u Arkivji. Din il-preżentazzjoni saret wara talba tat-Taqsima tat-"Talking Book Service" biex il-Maltacom tisponsorja "casettes" għal dan il-proġett u wara li l-Korporazzjoni aċċettat din it-talba, kien deċiż li l-preżentazzjoni ssir propju f'Jum il-Ktieb.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika s'issa kemm l-inizjattiva ttieħdet mill-kumitat favur imġieba tajba fl-iskejjel dwar bullying?
F'liema skejjel ittieħdu dawn l-inizjattivi? Meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol mogħti lil dan il-Kumitat Dwar il-Bullying fl-Iskejjel kien li jfassal politika nazzjonali dwar dan is-suġġett. Dan ix-xogħol għamlu, u l-Abbozz ta' Politika Nazzjonali dwar l-Imġieba Tajba fl-Iskejjel (din hija l-politika dwar il-Bullying) li fassal il-Kumitat, ġie adottat mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni f'Ottubru 1999. Il-policy waslet sabiex tiġi ppublikata flimkien ma' dokumenti analogi oħra dwar il-protezzjoni tat-tfal fl-iskejjel.
Il-Kumitat għen ukoll lid-Diviżjoni sabiex jiġi magħmul Kit għat-tfal u għall-għalliema dwar il-Bullying fl-Iskejjel. Il-parti ta' l-Għalliema ta' dan il-Kit (ktejjeb, CD u materjali oħra) ġie stampat u issa qed jiġi mqassam.
L-ammont, in-natura, u wħud mill-effetti tal-każijiet ta' bullying qegħdin jiġu analizzati mill-Universita`. Il-Kumitat iltaqa' ma' l-istaff u l-ġenituri ta' ħames skejjel u ffaċilita riċerka f'dawn l-iskejjel li qed issir mid-Dipartiment tal-Psikoloġija ta' l-Universita`. Dan sar sabiex titwitta t-triq lejn il-proġett pilota dwar l-Ibbulijar, u sabiex jispjega l-impenn tal-Ministeru kontra l-Bullying, u sabiex jiddiskuti metodu ta' kontroll fuq l-Ibbulijar li kellu suċċess internazzjonali imsejjah in-No Blame Approach.
Ma kienx ix-xogħol tal-Kumitat li jmexxi inizjattivi fl-iskejjel. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħatret żewġ għalliema biex jagħtu attenzjoni lill-problema ta' l-Ibbulijar fl-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju biex jiġi stabbilit x'inhu l-poverty line fis-soċjeta' tagħna? Jekk sar dan l-istudju, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qatt ma sar studju speċifiku dwar il-poverty line fis-soċjeta` tagħna għalkemm il-livell tal-paga minima u ċ-ċifra li fuqha tinħadem iż-żieda għal għoli tal-ħajja huma indikazjoni.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999 kemm kien hemm kontravenzjonijiet irrapportati mill-pulizija dwar ħruġ ta' duħħan: (a) mill-vetturi f'Malta; u (b) mill-vetturi f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999, il-Pulizija irrapurtaw 325 il-kontravenzjoni dwar ħruġ ta` duħħan minn vetturi u dawn kienu kollha każijiet li saru f`Malta.
Tista' l-Ministru tgħid x'ħinijiet qed jaħdem l-Administrative Officer fil-Gozo Centre ta' l-Universita'? Xi grad għandha din il-persuna fis-servizz ċivili? Kemm tħallset kull xahar f'allowances jew overtime minn Jannar 1999 sa Frar 2000? Fi x'ħin qiegħed isir dan l-overtime u min japprovah? X'arranġamenti hemm biex din il-persuna titlaq regolarment minn fuq ix-xogħol għal kors tal-MBA fl-Universita' ta' Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-uffiċċjal li qed jirreferi għalih l-onor interpellant jaħdem ġimgħa ta' erbgħin siegħa fuq ħamest ijiem. Il-grad ta' dan l-uffiċċjal huwa Senior Medical Laboratory Technologist fi Skala 10. Ma sarlu l-ebda ħlas ta' allowance jew overtime minn Jannar 1999 'l hawn. In-nuqqas ta' ħin minn fuq ix-xogħol biex isegwi kors part-time ta' l-MBA ipatti għalih b'ħinijiet żejda li ħadem.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ittra - ilment li rċeviet id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fit-2 ta' Frar, 2000 mingħand grupp ta' ġenituri li għandhom lill-uliedhom fir-raba' sena ta' l-iskola Dun Ġorġ Preca, fil-Ħamrun?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tifla li għaliha irreferew il-ġenituri fl-ittra tagħhom, ingħatat facilitator (partial help). Sadanittant il-każ tagħha qed ikompli jiġi investigat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tintlaqa' t-talba ta' persuna minn Pembroke li, id-dettalji qed jintbagħtu separatament, li titħallas allowance għall-kwalifika ta' state registered nurse meta tagħmel xogħol dwar ħarsien ta' saħħa fl-iskola primarja ta' Pembroke?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru l-materja hi regolata mill-ftehim mal-Unjons.
Informat li l-persuna indikata ġiet appuntata Kindergarten Assistant (Special Schools) b'effett mit-23 ta' Lulju 1998 u qed tirċievi allowance ta' Lm120 fis-sena għas-servizz li tagħti fis-Settur ta' l-iSpecial Education u dan kif jipprovdi l-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT dwar il-Gradi tal-Facilitators u Kindergarten Assistants.
L-istess ftehim jipprovdi wkoll allowances għal dawk il-kwalifiki relevanti li l-Facilitators jew Kindergarten Assistants jista' jkollhom u dan bl-istess rata u taħt l-istess kundizzjonijiet kif provdut fil-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT dwar l-Education Class u li ġie ffirmat fil-25 ta' Awissu 1994.
Informat ukoll li ċ-ċertifikat ippreżentat minn din il-persuna ma ġiex meqjus bħala li jikkwalifikaha għal xi qualification allowance kif stipulat fil-ftehim.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar min-naħa tal-Ministeru biex jitħaffef ix-xogħol li kien qed isir fil-ground ta' quddiem l-iskola primarja ta' Bormla biex it-tfal ikollhom fejn joħorġu jilgħabu?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13898, qed nintervjeni mad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex jitħaffef ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 1998-1999 kemm kien hemm studenti li qatt ma attendew l-iskola, minkejja li huma obbligati jagħmlu dan? X'inhuma l-etajiet ta' dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar mill-Iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.