Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14841 Sitting 270 2000-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Prodotti ta' l-ikel — Data ta' skadenza

Question

Fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena kemm inqabdu ħwienet li kienu qed jbiegħu affarijiet ta' l-ikel, ħelu u materjal ieħor li kien skadut jew kienet għaddiet il-best by date? Xi prodotti kienu? X'sar minnhom? F'liema inħawi nqabdu? X'passi ttieħdu? Kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tad-dipartment għal dan il-għan?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jaghmel din il-mistoqsija lill-Ministru tas-Sahha.
Leg 9 PQ #14842 Sitting 270 2000-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għassa tal-Belt - Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex m'hemmx post fejn jiġu pparkjati l-vetturi tal-pulizija ta' l-għassa l-ġdida tal-Belt Valletta? Peress li s'issa postijiet biex jipparkjaw vetturi ta' banek u ta' riċevitur tal-lottu, iżda l-vettura tal-pulizija aktar iva milli le, qed tkun ipparkjata b'mod illegali, jista' jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li dan l-aħħar ġiet irranġata d-'drive in' mal-ġenb ta` l-Għassa tal-Belt u għaldaqstant issa l-vetturi tal-Pulizija qed jiġu pparkjati fl-imsemmija 'drive in'. Ninsab infurmat ukoll li karozza waħda, li tkun qed tintuża kontinwament, titħalla barra ipparkjata b`mod regolari quddiem l-Għassa u dan biex jiġi evitat li din tinsaq ta` spiss minn fuq il-bankina biex tidħol u toħroġ minn l-imsemmija 'drive in'.
Leg 9 PQ #14843 Sitting 270 2000-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Stadium Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jsirx kontroll fuq kif jiġu pparkjati l-vetturi li s-sidien tagħhom jkunu fl-Istadium Nazzjonali jew fis-Centenary Stadium? Ma jaqbilx li kieku isir kontroll ma jkunx hemm bżonn li għal diversi drabi jkollhom jissejħu fuq il-PA system numri ta' vetturi li jkunu qed jimblukkaw lil ħaddieħor kif ġara nhar is-Sibt li għadda? Għaliex ma jkunx hemm pulizija li jkunu apposta biex jaraw li jsir parking sew fl-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ix-xogħol tal-Pulizija li jiġu detailed għal grounds waqt il-logħbiet tal-football jikkonċerna primarjament iż-żamma tal-Bon Ordni fil-grounds infushom. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaqbel li l-kontroll ta` kif jiġu pparkjati l-karozzi barra l-ground hu x-xogħol ta` car park attendant u mhux tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #14844 Sitting 270 2000-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ta' Qali — Centenary Stadium

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-fehma tal-pulizija biex dik it-triq li hemm quddiem is-Centenary Stadium f'Ta' Qali, titneħħilha n-No Parking Sign? Ma jaħsibx li din hija triq wiesgħa biżżejjed u hija ukoll one way biex ma jkunx hemm tfixkil jekk dan iseħħ? X'inhi r-raġuni li twaħħlu No Parking Signs f'dan il-post? X'utilita' hemm? Għaliex fl-istess post qed jingħataw ċitazzjonijiet fuq il-parking meta jkun hemm logħob tal-leagues iż-żgħar bejn it-Tnejn u s-Sibt u mhux fil-weekend?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tieni parti tat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10106.

Qrati — Maġistrati - Seduti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex mill-anqas żewġ maġistrati, Dr Denis Montebello u Dr Consuelo Scerri Herrera, kellhom iħassru s-seduti tagħhom f'dawn l-aħħar jiem? Għaliex ma kienx hemm awli għad-dispożizzjoni tagħhom? Jista' jgħid ukoll għaliex it-Tnejn, 6 ta' Marzu xi maġistrati ma ġewx informati minn qabel li l-pulizija ma kenux se jidhru f'kawżi għaliex kienu xogħol konness maż-żjara tal-President ta' l-Unjoni Ewropea, Romano Prodi? Kemm tħassru seduti minħabba f'hekk? F'każ tas-seduta quddiem il-maġistrat Carol Peralta fl-istess jum li allura saret, x'ġara meta pulizija li suppost xehdu fil-fatt ma kenux preżenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward is-seduti tal-Magistrat Consuelo Scerri Herrera jien infurmat illi l-Magistrat ġiet assenjata awla fejn tisma l-kawżi iżda l-Magistrat li normalment juża din l-awla ta` struzzjonijiet biex is-siġrieta tieghu ma tinfetaħx kemm il-darba ma jkunx hemm xi ħadd mill-istaff tieghu. Peress li dakinhar ħadd minn dan l-istaff ma kien disponibbli l-Magistrat Scerri Herrera ma setghatx tuża l-awla - kaġun ta` ordni ta` Maġistrat ieħor. Nieħu din l-okkazzjoni biex nghid li jien ghidt kemm il-darba kemm lill-ġudikatura kif ukoll lill-amministrazzjoni tal-Qorti li l-Awli m`humiex tal-ġudikatura u ghandhom jintuzaw minn min ghandu bżonnhom. Hu nkredibbli li Magistrat ma jafdax Maġistrat ieħor. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li xhur ilu kont insistejt mal-amministrazzjoni tal-Qorti li tidħol sistema ta` `pre-booking` tal-awli u qatt ma ġejt infurmat li din is-sistema mhix qed taħdem. Konsegwentament, l-amministrazzjoni tkun suppost taf min qabel liema Maġistrati se jaħdmu u tista` tassenja l-awli min qabel. Dwar is-seduta tal-Maġistrat Montebello jien infurmat illi is-seduta ġiet differita ghaliex id-deputat registratur kienet indisposta u l-informazzjoni dwar dan il-fatt ma waslitx ghand l-amministrazzjoni tal-Qorti kmieni bizzejjed biex leħqu saru l-arrangamenti ghal sostitut qabel mal-Magistrat iddiferixxa l-kawzi. Rigward id-domandi dwar il-Pulizija nitlob lill-Onor. Interpellant jaghmilhom lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #14846 Sitting 270 2000-03-22 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti hux qegħdin jikkoperaw u jagħtu xogħol lill-istudenti għalliema li qed jagħmlu teaching practice? Jista' jgħid f'liema skejjel qegħdin, x'suġġett qed jgħallmu u f'liema livell? Kemm minnhom qegħdin għal kors tal-PGCE jew tal-B.Ed?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma żżomx records ta' studenti għalliema li jmorru għat-"teaching practice" fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti. Peress li t-tagħrif mitlub jeħtieġ jinkiseb minn Bord ta' l-Universita li jieħu ħsieb din il-materja, tlabt li ningħata l-informazzjoni biex tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

PTA — Xufiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' xufiera li qed jaħdmu bħala xufiera fuq il-karozzi tal-linja? Kemm-il siegħa suppost jaħdmu fil-ġimgħa? X'inhi l-medja ta' sigħat li jaħdmu fil-ġimgħa? Kemm hija lanqas paga ta' xufier tal-karozzi tal-linja? Kem hu l-ħlas meta xufier jaqbeż is-sigħat permessi mil-liġi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa hemm 2572 individwu li jipposjedu `tag` maħruġa mill-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku li biha jistgħu jsuqu karozza tal-linja, coach, Red Mini Van jew White Window Van. Dwar il-kumplament tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għal `Public Transport Wages Council Wage Regulation Order, 1969` (Avviż Legali Nru. 34 ta` l-1969).

Vetturi — Liċenzji

Question

Matul l-1999, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm sidien li ma ħallsux il-liċenzja għall-vettura tagħhom fiż-żmien stipulat? Kemm-il vettura ġiet irrapportata bħala skrappjati matul l-istess żmien? Kemm-il sid itella' l-qorti għaliex baqa' ma ħallasx il-liċenzja għal vettura tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Rigward l-ewwel u t-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 13252. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija jien infurmat li mhix il-prattika tad-Dipartiment li jtella lis-sidien tal-vetturi il-Qorti għax ma jħallsux il-liċenzja tal-vetturi tagħhom. F`każijiet bħal dawn id-Dipartiment jimxi skond il-proċedura kif spjegata fl-istess risposta tal-mistoqsija parlamentari Nru. 13252.
Leg 9 PQ #14837 Sitting 269 2000-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kontijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14313 dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma, jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienu l-ilmenti li waslu dwar dawn il-kontijiet? Peress li hemm partijiet mill-mistoqsija li ma weġibx għaliha, jikkonferma l-Ministru li: (a) xi kontijiet tnaqqsu b'mod sostanzjali u kemm kien in-numru ta' dawn il-kontijiet; u (b) jista' jgħid b'liema mod il-gvern preżenti irreveda t-tariffi peress li xorta waħda ħafna mill-kontijiet huma ħafna ogħla?

Response (BONNICI, JOSEF)

Twegiba tinghata f`xi Seduta ohra.
Leg 9 PQ #14838 Sitting 269 2000-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Servizzi

Question

Matul l-1999 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena kemm-il persuna barranija wżat is-servizzi tal-isptarijiet Maltin/Għawdxin u kienet rikoverata hemm? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Kemm minnhom intalbu jħallsu għal kura u x'kien l-ammont? Liema huma dawk il-barranin li huma eżenti mill-ħlas għaliex hemm ftehim dwar dan bejn il-Gvern Malti u dak tal-pajjiż tal-persuna partikolari?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni dwar is-sena 1999 ingħatat fir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 12772 f'seduta numru 226. Dwar l-ewwel xahrejn tas-sena 2000 il-figuri kienu: Sptar Numru ta` Pazjenti Somma li ntalbu Somma li jħallsu (LM) ħallsu (LM) -------------------------------------------- ------------------- San Luqa Informazzjoni għadha qed tinġabar Boffa 4 310.30 178 Monte 4 Kollha eżenti Karmeli mill-ħlas Mal-lista ta` pajjiżi li tajt f'Mistoqsija Parlamentari Numru 12772 irid jiżdied il-Brazil. Il-barranin li huma eżenti mill-ħlas għaliex hemm ftehim dwar dan bejn il-Gvern Malti u pajjiżhom huma persuni mir-Renju Unit u mill-Awstralja.

VRT test

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 14317, jista' l-Ministru jgħid jekk mill-4230 vettura li weħlu mill-VRT test mindu ġiet introdotta, kemm reġgħu għamluh u kemm kien hemm li xorta m'għaddewx? X'jiġri meta vettura ma tgħaddix minn dan it-test għal aktar minn darba?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzi u t-Testijiet ma jżommx din it-tip ta' statistika. Jekk vettura ma tgħaddix mill-'Vehicle Roadworthiness Test' tista` terġa tagħmel 'test' ieħor sakemm tgħaddi.
Leg 9 PQ #14840 Sitting 269 2000-03-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħwejjeġ b'ditti foloz

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel xahrejn kemm inqabdu ħwejjeġ, żraben, eċċ ta' marka msemmija li fil-fatt kienu ta' marka falza? X'kienu l-oġġetti li nqabdu? F'liema kwantitajiet? Ta' liema marka kienu ikkuppjati? Fejn inqabdu? X'passi ttieħdu kontra dawk li nqabdu? X'sar mill-oġġetti li nqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għal Jannar u Frar tas-sena 2000, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-oġġetti kollha li jidhru fit-Tabella qegħdin fil-pussess tal-Pulizija ħlief għas-sigaretti li ġew sekwestrati mill-Maġistrat Inkwirenti.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijet li għalihom il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qed tiġbor informazzjoni dwar in-natura u l-ammont ta' benefiċċji li qed jieħdu dawk li jirreġistraw għax-xogħol u l-familji tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qed titlob din l-informazzjoni sabiex tkun f'pożizzjoni aħjar biex tgħin lill-klijenti tagħha b'servizzi ta' opportunitajiet ta' xogħol u skemi ġodda ta' xogħol u taħriġ li jistgħu jiġu żviluppati fil-ġejjieni.
Leg 9 PQ #14826 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Schools library service

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kemm persuni jaħdmu fl-ischools library service? Fiex jikkonsisti dan is-servizz? Kemm jinvolvi xogħol? Hemm biżżejjed persuni biex jagħmlu dan ix-xogħol? Kemm huwa meqjus li min imexxi dan ix-xogħol għandu bżonn ta' persuni biex ix-xogħol isir kif mixtieq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan is-servizz beda fl-1976 u fil-preżent hemm żewġ persuni jaħdmu. Fost is-servizzi li jingħataw hemm: 1) Għajnuna lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni sabiex, kif isemmi l-kurrikulu minimu nazzjonali, jinkoraġġixxi l-użu tal-libreriji bħala parti mill-kampanja kontra l-illitteriżmu. 2) Għajnuna lil skejjel sabiex fejn m'hemmx librerija tinbeda waħda u fejn hemm tkompli tissaħħaħ. 3) Għajnuna biex jgħola l-livell tal-librara permezz ta' korsijiet, anke għall-ġenituri. 4) Għajnuna rigward l-introduzzjoni tal-computers fil-libreriji ta' l-iskejjel. 5) Pariri u għajnuna sabiex tinħoloq data base komuni għall-libreriji lokali kollha biex tikber l-għażla. 6) Jibgħat regolarment listi ta' kotba fl-iskejjel sabiex ikunu jistgħu jinxtraw kotba ġodda għall-libreriji. 7) Għajnuna fil-klassifikazzjoni tal-kotba u materjal ieħor mixtri għall-libreriji. 8) Jislef videos lill-iskejjel. 9) Jorganizza kompetizzjoni annwali għall-iskejjel sekondarji f'forma ta' library quiz bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji tal-Ktieb. 10) Jiftaħ regolarment iċ-Ċentru tiegħu għall-użu ta' l-għalliema kollha, u mhux biss għall-librara. 11) Jippublika l-Manual for School Librarians 12) Jiġbor u janalizza l-istatistika ta' kemm tfal jissellfu kotba. Informat ukoll li s-servizzi msemmija hawn fuq iridu jkunu offruti lill-iskejjel kollha, kemm ta' l-istat kif ukoll tal-knisja u privati. Dan hu xogħol impenjattiv għaliex kull servizz għandu l-follow-up tiegħu li jieħu ħafna ħin. Le, s'issa m'hemmx uffiċjali biżżejjed biex jagħmlu dan ix-xogħol. Fil-business plan għas-snin 2000/2001/2002, hemm talba għall-ħaddiema sabiex dan is-servizz ikun jista` jimxi 'l quddiem. Huwa bżonnjuż li parti kbira mill-istaff ikun kwalifikat fil-librarianship għaliex ħafna mix-xogħol huwa speċjalizzat. In-numru li jidher fil-business plan huwa ta' 4. Huwa mportanti li l-libreriji fl-iskejjel ikunu mgħejjena sabiex ikun sostnut dak li jsemmi l-kurrikulu minimu nazzjonali. Ħafna tfal għandhom bżonn isibu kotba adattati għalihom sabiex iħajruhom jaqraw. Għalhekk ser isir kull sforz biex l-ischool library service ikollu r-riżorsi meħtieġa biex ikun jista` jlaħħaq mal-volum ta' xogħol li għandu u li bħal issa mhux qed ilaħħaq miegħu. Fl-aħħarnett informat li hemm ħafna skejjel li qed jagħmlu użu tajjeb mis-servizzi offruti. Hemm bħonn li nkomplu nibnu fuq dak li twettaq sa llum sabiex nikkumbattu l-illitteriżmu billi nħajru t-tfal iħobbu l-kotba minn meta jkunu żgħar. Dan jista` jsir billi l-book corners fil-kindergartens u l-libreriji fl-iskejjel ikunu fornuti b'kotba tajbin u li jiġbdu l-għajn.
Leg 9 PQ #14827 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fid-dipartiment tal-libreriji u arkivji li ngħataw promozzjoni fl-1999? Min huma? Min minnhom ġie mċaqlaq lejn post ieħor differenti minn dak li kellu qabel il-promozzjoni? Fejn intbagħat? Għaliex kien hemm min iċċaqlaq u kien hemm min ma ċċaqlaqx?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-1999 kien hemm 16-il persuna fid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji li ngħataw promozzjoni. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella li turi min huma dawn il-persuni.
Leg 9 PQ #14829 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni

Question

Jista' l-Ministru: (i) jagħti dettalji dwar in-numru ta' mpjegati li, għal fini tat-taxxa, jirreġistraw li għandhom xogħol part-time barra x-xogħol fulltime tagħhom? (ii) Kemm hemm impjegati li jirreġistraw biss xogħol part-time? Kemm minn dawn separatament f'(i) u (ii) jiddikjaraw dħul ta' Lm4,000, Lm5,000 jew aktar u dan mix-xogħol part-time biss?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-OnorevoliInterpellant li matul l-1998 kien hemm 9,612-il persuna li ibbenefikaw mir-rata speċjali tal-15 fil-mija fuq xogħol `part-time`. Minbarra l-impjieg `full-time` tagħhom, 9,243 minnhom għamlu xogħol `part-time` b`impjieg filwaqt li 369 għamlu xogħol `part-time` għal rashom. Minn dawn : 9,456 iddikjaraw dħul sa Lm4,000 mix-xogħol `part-time` biss. 83 iddikjaraw dħul bejn Lm4,000 u l-Lm5,000 mix-xogħol `part-time` biss. 73 iddikjaraw dħul ta` iżjed minn Lm5,000 mix-xogħol `part-time` biss. Statistika dwar dawk li jagħmlu xogħol `part-time` biss ma tistax tinġabar mid-data li għandu d-dipartiment.
Leg 9 PQ #14830 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Lottu — Rebħ tas-Super 5

Question

Matul l-1999, jista' l-Ministru jgħid kemm intrebħu flus fuq is-Super 5, lottu, lotterija nazzjonali, eċċ, li ma ġewx imsarrfa mill-gukaturi? X'isir minn dawn il-flus? Jista' jagħti d-dettalji għal kull lotterija separatament? Kemm sar xiri ta' biljetti (fi flus) f'kull lotterija matul l-istess żmien?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-interpellanza Nru. 14830 hija kif ġej : Logħba Bejgħ Rebħ mhux Imsarraf Lm Lm Lottu 10,792,214 85,575 Super 5 8,936,090 90,508 Lotterija Nazzjonali 1,386,876 13,100 Tiritombla 457,970 4,703 Lotterija Instantanja 1,093,886 * * Billi l-Lotterija Instantanja hija logħba kontinwa ma hux possibbli li wieħed jasal għalkemm huma l-premjijiet li ma ġrex imsarrfa.
Leg 9 PQ #14819 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Nawtika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li biex tgħallem principles of navigation lill-istudenti (compitence class 3) ta' l-iskola nawtika ntbagħtet persuna li għandha esperjenza tal-baħar iżda mhux ikkwalifikata biex tgħallem, tant li tuża metodi antikwati u mhux effettivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'hu faċli xejn li ssib Master Mariner li hu wkoll ikkwalifikat sabiex jgħallem. Fil-fatt jeżistu diffikultajiet sabiex jinstabu persuni ikkwalifikati fil-qasam ta' l-istudji nawtiċi u li jkunu lesti li jgħallmu. Nirreferi wkoll għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 14822 ta' l-istess interpellant.
Leg 9 PQ #14820 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Nawtika

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex studenti ta' l-iskola nawtika (competence class 3) tilfu korsijiet importanti tal-GMDSS għax waqt il-ġurnata l-faċilitajiet kienu qed jittieħdu minn fizzjali u piloti li suppost jagħmlu l-kors filgħaxija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li filwaqt li huwa minnu li kien hemm xi ġranet fejn il-faċilitajiet ta' l-iskola ġew użati għall-kors organizzat bi sħab bejn l-iskola u l-Awtorita` Marittima, fil-fatt l-istudenti ta' l-iskola nawtika ma tilfux lezzjonijiet minħabba dan il-kors, għaliex il-lezzjonijiet ingħataw f'ħinijiet oħra. Informat ukoll li dan l-arranġament sar mingħajr il-permess tad-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni ta' l-Adulti, u li l-kap ta' l-iskola ġie avżat sabiex jagħti priorita` lill-istudenti ta' l-iskola u ma jagħmilx użu mill-faċilitajiet ta' l-iskola sabiex jorganizza korsijiet privati mingħajr il-permess taż l-istess Dipartiment. Nirreferi wkoll għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 14822 ta' l-istess interpellant.