Jista' l-Ministru jgħid x'sorvelja serja qed issir fil-Biblijoteka biex il-ħaddiema tal-kuntrattur privat li qed jaħdmu biex jinstallaw tagħmir tat-tifi tan-nar, ma jpejpux ħdejn il-kotba u d-dokumenti?
X'sorvelja qed ikun hemm biex b'tant persuni deħlin u ħerġin b'basktijiet ħdejn kotba u dokumenti prezzjużi ma jiġrix li jkun hemm serq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħadd mill-ħaddiema tal-kuntrattur privat li qegħdin jaħdmu biex jinstallaw tagħmir tat-tifi tan-nar, ma jista' jpejjep ħdejn il-kotba u d-dokumenti li hemm fil-Bibljoteka Nazzjonali. Barra minn hekk ħadd ma jdaħħal basktijiet ħdejn kotba u dokumenti prezzjużi fil-Bibljoteka Nazzjonali.
Meta beda x-xogħol skond Tender 179 tat-13.06.97, il-ħaddiema mpjegati fuq dan ix-xogħol kienu ġew mgħarrfin li f'ebda parti tal-Bibljoteka Nazzjonali ma jista' jsir titpjip jew li xi basket jiddaħħal ħdejn kotba u dokumenti prezzjużi, liema aġir jammonta għall-misconduct. Skond l-istess "Tender 179 Article 6.13 Obligations of the Contractor - The Contractor shall, upon the Engineer's written instructions, remove from the works any persons employed by him in the execution of the works who misconducts himself."
Jista' l-Ministru jgħid għaliex se jiġi żarmat il-laboratorju tar-restawr tal-Biblijoteka?
Jista' t-tagħmir, proprjeta' pubblika, ta' dan il-laboratorju jiġi trasferit lejn iċ-ċentru tar-restawr ta' Bighi?
Wara li jiġi żarmat il-Laboratorju tar-restawr tal-Biblijoteka fejn se jiġu restawrati d-dokumenti tal-Biblijoteka?
Mingħajr tagħmir, fejn se jaħdmu l-persuni li hemm bħalissa f'dan il-laboratorju?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif kien ġa indikat fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti, il-Gvern qiegħed jinvesti fit-twaqqif taċ-Ċentru Malti għar-Restawr f'Bighi il-Kalkara, liema ċentru sejjer ikun mill-aktar modern u mgħammar b'apparat sofistikat.
Il-Laboratorju tar-Restawr tal-Bibljoteka mhux sejjer jiżżarma iżda sejjer jingħaqad mal-Laboratorju tar-Restawr tal-Kotba u Karta taċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Dan qiegħed isir sabiex tiġi msaħħa s-sitwazzjoni tar-restawr tal-kotba f'pajjiżna u dana peress li:
a) il-laboratorju tar-restawr tal-kotba jkollu s-support kollu
meħtieġ (u li s'issa kien nieqes għal kollox) tal-laboratorji
l-oħra taċ-Ċentru, kemm dawk tad-djanjostika kif ukoll dawk
tat-tessuti jew ta' l-injam.
b) isir użu aħjar tar-riżorsi u ma jintnefqux flus f'
duplikazzjoni ta' apparat ġa' eżistenti u li ma jintużax
il-ħin kollu.
c) jissaħħu r-riżorsi umani li jaħdmu fil-Laboratorju tal-Karta -
(iċ-Ċentru Malti għar-Restawr iħaddem ġa' żewġ restawraturi
tal-karta kwalifikati mentri l-Laboratorju tal-bibljoteka
iħaddem restawratur kwalifikat wieħed u żewġ Bookbinders).
d) jitneħħa t-telf ta' ħin u inkonvenjent ta' l-iskariġġ
kontinwu ta' staff u studenti bejn il-Belt u Bighi. (bħal
issa l-istudenti taċ-Ċentru Malti għar-Restawr ikollhom
jinqatgħu mill-faċilitajiet ta' Bighi inkluż Librerija,
Internet ul-kuntatt mad-dipartimenti l-oħra biex jagħmlu
jumejn ta' prattika kull Ġimgħa fil-Laboratorju tal-Belt.
Jista' l-Ministru jara li t-tifel, li ismu qed jintbagħat separatament, jingħata l-għajnuna rrakkmandata mill-istatementing board fit-22 ta' Ottubru, 1999 biex ikollu għajnuna kontinwa fl-iskola? Jista' jgħid kif dan it-tifel jista' jaqsam facilitator ma' tifel li jinsab fi blokk ieħor ta' l-iskola primarja ta' Marsaxlokk?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-deċiżjoni ta' l-'Istatementing Board' hija li t-tifel imsemmi jeħtieġ 'shared classroom support' preferibilment fl-istess klassi. Madanakollu, fil-klassi ta' dan it-tifel m'hemmx tfal oħra li jeħtieġu "shared help".
Informat ukoll li t-tifel jattendi l-iskola nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis biss, peress li l-ġranet l-oħra jiġifieri nhar ta' Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa jattendi l-'Eden Foundation'.
Fl-aħħarnett informat li l-omm ġiet offruta facilitator il-ħin kollu filgħodu nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis u facilitator 'shared' ma' tifel ieħor fi klassi oħra wara nofsinhar.
Tlabt l-uffiċċjali tiegħi biex ikomplu jsegwu l-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi problema biex ix-xewqa tal-ġenituri - dettalji qed jintbagħtu separatament - tkun milqugħha biex binhom ikun jista' jattendi l-iskola regolarment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dak li qed ikun mitlub mill-ġenituri huwa ta' natura speċjalizzata u ma jidħolx fid-dmirijiet ta' facilitator. L-Onor. Membru japprezza d-diffikulta` biex din it-talba tiġi milqugħa.
Jista' l-Ministru jara tistax tinħareġ ordni lill-għalliema li jkunu qed jagħmlu xogħol ta' superviżjoni waqt l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC eċċ, li se jibdew fi ftit ġimgħat biex jiżgura li studenti ma jidħlux fis-sala ta' l-eżamijiet bil-mobile phone?
Japprezza li numru kbir ta' studenti bħalissa għandhom mobile phones u jkunu jistgħu jużawhom illegalment?
Għaliex minn issa ma tinħariġx ċirkolari lill-kapijiet kollha biex tinġibed l-attenzjoni ta' l-istudenti dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kanditati jistgħu idaħħlu magħhom fil-kamra ta' l-eżami dawk l-affarijiet bżonjużi u permessi mill-eżaminaturi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-eżami biss, u, il-"mobile phones" huma projbiti.
Tlabt lill-MATSEC Board sabiex jiżguraw li l-Kandidati jkunu espressament preklużi milli jdaħħlu "mobile phones" fil-kamra ta' l-eżami.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-miżati fl-iskejjel kollha indipendenti li bħalissa qed jitħallsu minn ġenituri tagħhom għal studenti li jattendu fihom? Jista' jagħti informazzjoni għal kull kategorija fis-sena, kindergarten, primarja, sekondarja u sixth form?
Il-miżata f'kull każ tinkludi biss ħlas għal-lezzjonijiet jew jinkludu xi affarijiet bħal ikel eċċ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fl-elezzjonijiet għal kunsilli lokali tal-11 ta' Marzu, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali?
Jista' jelenka kemm intnefaq fid-diversi kategoriji bħal ħlas tal-kummissarji elettorali, staff amministrattiv ieħor, trasport, overtime konness mal-elezzjoni eċċ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-elezzjonijiet tal-11 ta' Marzu, tista' l-Kummissjoni Elettorali tagħti dettalji u dan lokalita' b'lokalita', dwar kemm-il persuna ngħatat il-ġurament għaliex, għal xi raġuni, ma setgħetx tivvota?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-numru ta' votanti lokalita b'lokalita, li ħadu ġurament/dikjarazzjoni solenni u talbu l-għajnuna ta' l-Assistenti Kummissjonarji Elettorali għax għal xi raġuni ma setgħux jivvotaw, kien kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi dwar l-ilmenti ta' bullying fis-sitt klassi tal-primarja tal-Baħrija?
Jista' t-tifel li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qed ikun vittma ta' bullying jingħata għajnuna bħala counselling eċċ... biex jegħleb il-problemi psikoloġiċi li qed jiġu kkaġunati lilu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-każ kien u għadu qed jiġi trattat fil-livell ta' l-iskola indikata. Bil-kunsens tal-ġenituri, it-tifel għandu jiġi referut lill-Guidance and Counselling Unit biex isir xogħol kemm miegħu bħala vittma u ma' oħrajn li jistgħu huma nvoluti fil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid liema rziezet għandhom dritt joperaw fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar? F'kull każ liema huwa l-indirizz ta' l-irziezet? F'kull każ x'permessi hemm għat-trobbija ta' l-annimali u b'liema kwantita'?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex inkunu iktar preċiżi nitolbu jsegwi r-risposta tiegħi għall-mistoqsija parlamentari numru 14513.
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena kemm attenda l-għalliem tal-Franċiż tal-klassi IIB ta' l-iskola sekondarja subien Vinċenzo Borg ta' Birkirkara?
Jikkonferma l-Ministru li f'din il-klassi ħadd ma għadda mill-Franċiż fl-eżamijiet ta' nofs is-sena? X'se jsir biex l-istudenti jirkupraw dawn ix-xhur li tilfu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema ndikata attendiet l-iskola regolarment ħlief għal ġurnata f'Ottubru, ħamest ijiem f'Novembru u 11-il ġurnata f'Jannar u Frar meta sarilha intervent kirurġiku. L-istudenti tal-klassi msemmija tilfu b'kollox 13-il lezzjoni tal-Franċiż. Għall-Franċiż, l-istudenti tal-klassi IIB jingħaqdu ma' dawk tal-klassi IIC. Mill-grupp ta' 15-il student għadda student wieħed. Informat li minn meta marret lura wara l-operazzjoni, waqt il-lezzjonijiet tagħha, l-għalliema qiegħda tagħmel il-materjal li ma kienx sar waqt li hi kienet nieqsa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel primarji tal-gvern u kindergartens li għandhom magħhom facilitators, kindergarten assistants? Kemm hemm fejn l-għajnuna hija one-to-one, u kemm hemm fejn din hija shared?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Primarji u Kindergarten tal-Gvern hemm 430 tfal bi bżonnijiet speċjali li għandhom magħhom facilitator. Minn dawn, 250 għandhom għajnuna one-to-one, filwaqt li 180 għandhom shared help.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'għamlet matul din is-sena skolastika l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar dawk it-tfal li sal-lum huma mċaħħda mid-dritt tagħhom li jattendu l-iskola għaliex huma bla għajuna ta' facilitator?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' taħdem mill-qrib mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni bi tlett modi:
a) billi rappreżentant tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni huwa membru kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Eżekuttiv tagħha:
b) il-Kummissjoni għandha rappreżentanza permezz taċ-Chairman u d-Direttur tagħha fuq il-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva; u
c) permezz ta' kuntatti formali u informali bejn uffiċjali taż-żewġ naħat.
Il-Kummissjoni wżat it-tlett modi biex taħdem ħalli kull student b'diżabilita' jkollu s-sapport neċessarju biex hu (jew hi) jkun jista' jieħu l-edukazzjoni tiegħu li għandu dritt għaliha inkluż is-sapport ta' facilitator meta dan ikun meħtieġ. Il-mezz l-aktar użat għal dan il-għan kien il-kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva li kull darba li ltaqa' ddiskuta fil-fond din it-tema tant li kien hemm żmien meta kull student li kellu bżonn facilitator kien ingħatalu.
Sfortunatament dan il-Kumitat issa ilu żmien relattivament twil ma jiltaqa' u l-Kummissjoni għamlet diversi rappreżentazzjonijiet biex dan il-Kumitat jerġa jiltaqa'.
Il-Kummissjoni ser tkompli taħdem biex il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jagħmel dak kollu possibbli biex jassumi r-responsabilitajiet kollha tiegħu ma' kull student b'diżabilita'. Hi ser tagħmel dan billi tuża l-għodda kollha disponibbli inkluż is-saħħa tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs pero' anke fil-limitazzjonijiet li l-Kummissjoni stess għandha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li bħalissa mhux jattendu skola regolarment għax mhumiex jingħataw l-għajnuna meħtieġa minħabba l-bżonnijiet speċjali tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm sebat itfal fil-Kindergarten u ieħor fil-Primarja li mhumiex jattendu skola għaliex għad m'għandhomx l-għajnuna meħtieġa.
Informat ukoll li hemm erbat itfal oħra li għadhom ma ġewx assessjati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat tal-Kumitat Nazzjonali għat-twettieq tal-Kurrikulu Nazzjonali fl-iskejjel?
Minn min hu ffirmat dan il-kumitat? Kemm-il darba ltaqa' ma' kapijiet ta' skejjel tal-Knisja u dawk indipendenti dwar it-twettieq tal-kurrikulu? Jista' jgħid jekk dan il-kumitat identifikax lil dawk l-iskejjel li m'għandhomx xi suġġetti li għandhom jiġu mgħallma minn Settembru li ġej? X'se jsir f'dan il-każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kumitat Nazzjonali għat-Twettiq tal-Kurrikulu ltaqa' sitt darbiet.
Il-Kumitat huwa ffurmat minn:
Prof. Kenneth Wain - Fakulta` ta' l-Edukazzjoni
(Chairperson)
Mr Charles Mizzi - Direttur Ġenerali (Edukazzjoni)
Ms Carmelina Debono - Direttur (Operations)
Ms Mary Vella - Direttur tal-Kurrikulu
Dr Carmel Borġ - Fakulta` ta' l-Edukazzjoni
Dr Ronald Sultana - Fakulta` ta' l-Edukazzjoni
Dr Christopher Bezzina - Fakulta` ta' l-Edukazzjoni
Mr John Bencini - Malta Union of Teachers
Mr Francis Borg - Assoċjazzjoni Kunsilli Skolastiċi
Bro Savior Gatt - Rappreżentant Skejjel tal-Knisja
Mr Ivan DeBrincat - Rappreżentant Skejjel Indipendenti
Dr Tony Macelli - Konsulent tal-Ministru
(Segretarju tal-Kumitat)
Il-Kumitat se jiltaqa' mal-Kapijiet u Assistenti Kapijiet ta' l-iskejjel kollha ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti fl-ewwel ġimgħa ta' April.
Mhux fit-terms of reference ta' dan il-Kumitat li jagħmel l-eżerċizzju indikat fl-aħħar żewġ mistoqsijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena skolastika ġewx irrapportati studenti fl-iskejjel li: (a) kienu taħt l-effett tad-droga; u (b) kienu fil-pussess tad-droga?
Dawn kienu subien jew bniet? X'għajnuna tingħata mid-dipartiment lil dawn l-istudenti u l-familji tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma ġewx rappurtati studenti fl-iskejjel matul din is-sena skolastika li (a) kienu taħt l-effet tad-droga, u (b) kienu fil-pussess tad-droga.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika kemm ġew irrapportati studenti tfajliet li saru jew se jsiru ommijiet?
Kemm kellha żmien l-iżgħar u l-akbar studenta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena skolastika, 61 tfajla ġew irrappurtati li saru jew se jsiru ommijiet. L-iżgħar studenta kellha 13-il sena. L-akbar studenta li tattendi l-programm kellha 18-il sena u l-akbar studenti li tattendi għall-counselling kellha 23 sena.
Issa li parti mill-Isptar Monte Carmeli ġiet ddikjarata bħala estensjoni tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, jista' l-Ministru jgħid kif jiġi deċiż liema priġunieri jintbagħtu hemm? Kemm hemm priġunieri f'dan il-post bħalissa?
Dawn huma kollha l-ħabs b'sentenza tal-qorti jew għad irid jiġi deċiż il-każ tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li f`dik il-parti ta` l-Isptar Monte Carmeli li, skond Avviż Legali 29 ta` l-2000 ġiet dikjarata bħala parti mill-ħabs, il-priġunieri jintbagħtu fuq parir mediku kif kien isir qabel ma ġie ppublikat l-imsemmi Avviż.
Ninsab infurmat ukoll li fl-14 ta` Marzu, 2000, kien hemm 5 priġunieri f`din it-taqsima li kollha għadhom jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiz mill-Qorti.
Jista' l-Ministru jara li jsiru spezzjonijiet fir-razzett ta' Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar biex jiġi vverifikat jekk hux qed joħloq problemi tas-saħħa u jġene għall-ġirien?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li spezzjonijiet fil-farm indikat f`Triq San Ġorg, San Pawl il-Baħar, isiru fuq bażi regolari mill-ispettur tad-distrett. L-aħħar spezzjoni saret fis-17 ta` Marzu 2000 u l-istat ta` igene kien wieħed sodisfaċenti.
L-irwejjaħ kienu minimi w ma rriżultaw l-ebda problemi tas-saħħa u igene għall-ġirien.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk fil-fatt l-għalliema li saret riferenza għliha f'mistoqsija parlamentari numru 14384, hijiex tidħol regolarment jew reġgħetx bdiet tkun assenti regolarment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema msemmija ilha nieqsa mit-13 ta' Marzu.