Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet il-ħidma ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fit-tfassil ta' pjan għat-traffiku f'Tas-Sliema?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proposti mħejjija s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Kif intqal diġa` pubblikament xi ġimgħat ilu, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar mhux se tikkonsidra aktar il-proposta oriġinali li kienet tiddevja t-traffiku mill-periferija u tidderiġih fil-parti ċentrali. Dik il-proposta kienet biss waħda esplorattiva. Sadanittant jien infurmat li fil-Pjan Lokali li ser joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika dan ix-xahar, ser ikun hemm il-policy ġenerali li tippromovi u tħeġġeġ lill-Kunsill Lokali ta` tas-Sliema biex jikkunsidra titjieb fis-sistema preżenti a bażi ta` numru ta` kriterji.
Xi spezzjonijiet saru s'issa minn uffiċjali nkarigati mill-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol biex jiġi stabbilit jekk hemmx xi kimika ta' periklu għas-saħħa ta' dawk li jużaw l-iskola sekondarja Sir Temi Zammit ta' l-Imtarfa, liema kimika qed tintuża fit-tkabbir tal-faqqiegħ taħt l-iskola?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Saret spezzjoni għall-għarrieda fl-istabbiliment imsemmi, kif ukoll saret laqgħa biex tinġabar informazzjoni mingħand l-amministraturi tal-iskola. Il-każ għadu qed ikun investigat. L-amministraturi kienu mitluba jinfurmaw lill-ispetturi tas-saħħa u s-sigurta' hekk kif jindunaw b'xi riħa li tista' tkun ġejja mill-post imsemmi jew jekk ikun hemm xi ħadd li jsofri xi sintomi.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-lista sħiħa ta' dawk li s'issa għallmu lill-istudenti fiċ-Ċentru ta' l-Istudji tar-Restawr mindu nfetaħ?
Jista' f'kull każ jgħid x'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' l-għalliem u jekk dawn humiex għoljin biżżejjed biex il-korsijiet li għamlu s'issa jkunu ta' livell universitarju?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-prospectus u kopja tas-sillabi ta' l-istudji li qed isiru fil-korsijiet differenti taċ-Ċentru ta' l-Istudji tar-Restawr?
Jista' wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-timetables tal-korsijiet differenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru t-tiswijiet meħtieġa fil-bini ta' l-iskola Fra Diego Bonanno tal-Marsa biex ma tibqax bis-saqaf iqattar u bil-ġir u l-ġebel nieżel?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li qed isiru t-tħejjijiet biex kemm jista' jkun ix-xogħol meħtieġ isir fis-Sajf li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-lift għall-iskola Fra Diego Bonanno tal-Marsa ilu minn Ottubru 1999 jistenna fil-bitħa biex jitwaħħal? Qed issir ħsara lil dan l-apparat mir-riħ u x-xemx? Meta se jitwaħħal il-lift?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta l-Unit għall-Aċċessibilita` tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija tat-Taqsima tax-Xogħlijiet rat il-possibilita` ta' l-istallazzjoni ta' "lift" fil-Kumpless Skolastiku tal-Marsa, ma kkunsidratx il-fattur tas-"supply" adegwat ta' l-elettriku li hemm bżonn fl-istess Kumpless.
Bl-intervent tat-Taqsima Bini ta' Skejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, waqt li kienet qiegħda tagħmel "survey" tas-"supply" ta' l-elettriku fl-iskejjel in konnessjoni ma' l-introduzzjoni tal-"computers" fil-Klassijiet 5 u 6 tal-Primarja u fis-Sekondarji, ġiet a konoxxenza ta' dan il-problema.
Fil-fatt b'ittra datata 15 ta' Marzu 1999 il-Korporazzjoni EneMalta ntalbet biex tipprovdi s-"supply" meħtieġ. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni b'ittra datata 26 ta' Lulju 1999 ġiet informata li biex il-Korporazzjoni EneMalta taqdi l-ħtiġijiet ta' l-elettriku ta' l-erba' skejjel f'dan il-Kumpless, kien meħtieġ il-bini ta' "sub-station".
Għaldaqstant id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fit-12 ta' Ottubru 1999 issttomettiet din l-applikazzjoni għall-bini lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u ħallset lill-Korporazzjoni EneMalta għat-tagħmir tas-"sub-station".
La darba joħroġ il-permess għall-bini tas-"sub-station" u din tinbena, il-Korporazzjoni EneMalta tqiegħed is-"switchgear" meħtieġ fiha u jsiru l-alterazzjonijiet strutturali fejn sejjer jitqiegħed il-"lift" u l-istess "lift" ikun jista' jiġi nstallat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-istudji tal-gvern biex jiġi stmat x'effett għandu fuq il-ġenituri l-ħlas tal-miżati fl-iskejjel indipendenti?
Kemm-il laqgħa saret bejn il-Ministru u/jew uffiċjali tiegħu u l-kapijiet ta' dawn l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa saru żewġ laqgħat mal-mexxejja ta' l-iskejjel indipendenti. Matul din il-laqgħa ġew diskussi punti ta' interess komuni. L-istħarriġ tas-sitwazzjoni qiegħed fil-fażi tal-bidu.
Jista' l-Minsitru jgħid għaliex il-ġudikanti ma ġewx informati minn qabel li l-pulizija ma jkunux jistgħu jattendu għal uħud mis-seduti tal-qorti fis-6 ta' Marzu, meta kien hawn Malta il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Romano Prodi?
X'inhi l-proċedura meta, minħabba xi ħaġa bħal żjara statali, numru ta' pulizija ma jkunux jistgħu jattendu l-qorti u tiġi nformata l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kif hija l-prassi f`okkażżjonijiet bħal dawn, l-uffiċjal prosekuturi ħadu ħsieb jinfurmaw minn qabel lill-Maġistrati sedenti f`kawżi li l-Pulizija ma setgħux jattendu minħabba li kienu impenjati fuq xogħol ieħor b`konnessjoni maż-żjara li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti l-figuri tal-pazjenti barranin li wżaw l-Isptar San Luqa, fl-ewwel xahrejn tas-sena u l-ħlas li sar skond kif mitlub fil-mistoqsija parlamentari numru 14838?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta` pazjenti barranin li użaw l-Isptar San Luqa fl-ewwel xahrejn ta` dawn 157 persuna kienu eżenti mill-ħlas.
348 pazjenti intalbu jħallsu s-somma ta` LM 49889. Tħallsu s-issa LM21266.
Fid-dawl tas-sejħa mill-President tal-Federazzjoni ta' l-Industriji li hemm bżonn li ma' l-Unjoni Ewropea jiġi negozjat pakkett li jgħin fil-ħolqien ta' l-impjiegi u titqajjem l-ekonomija lokali, x'pożizzjoni konkreta se jieħu l-gvern Malti fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat pakkett b'dawn l-elementi?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onerevoli Interpellant li l-Gvern qed jikkonsulta mal-Federazzjoni ta' l-Industriji u mal-korpi kostitwiti l-ohra kollha fuq in-negozjati għas-sħubija ta 'Malta fl-Unjoni Europeja, biex b'hekk jassigura li l-pakkett li jiġi nnegozjat hu fl-aħjar interessi ta' Malta. Dan qed isir fi ħdan il- Malta-EU Steering and Action Committee fejn il-Partit Laburista għadu jista jinnomina r-rappreżentant tiegħu jekk irid.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju min-naħa tal-Ministeru dwar kif il-miżuri mħabbra fil-budget 2000 irriżultaw fi tnaqqis fis-salarji ta' l-impjegati fil-qasam edukattiv?
Jekk sar dan l-istudju, jista' jgħid b'kemm naqas is-salarju għal kull skala differenti ta' impjegati milquta?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru l-prattika f'Malta s'issa hi li l-effett ta' xi miżuri li jitħabbru fil-Budget jiġi evalwat minn mekkaniżmu stabbilit li jkejjel l-inflazzjoni a'bażi ta' Household Budgetary Survey, li jiġi aġġornat minn żmien għal żmien, u skond ir-riżultat jiġi stabbilit kumpens għall-għoli tal-ħajja b'Ordni Nazzjonali.
Meta l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qed tagħti permess biex jitwaħħal apparat għat-trażmissjoni tas-servizz tal-mobile fl-inħawi residenzjali, qed tqis l-impatt fuq is-saħħa tar-residenti minħabba tniġġiż radju-attiv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qed tikkonsulta mad-Dipartiment tas-Saħħa waqt l-ipproċessar ta` applikazzjonijiet għat-tip ta` żvilupp li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Dan minkejja li ma teżistix informazzjoni konklussiva dwar l-impatt imsemmi fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet lokali tas-saħħa għamlux xi riċerka jew infurmawx irwieħhom dwar pajjiżi oħra fejn awtoritajiet simili rrikmandaw li kumpanniji li joffru s-servizz tal-mobile phone ma tħallewx iwaħħlu apparat għat-trażmissjoni fl-inħawi residenzjali minħabba r-riskju tal-kanċer minn tniġġis radju-attiv?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-apparat użat għat-trasmissjoni tas-servizz tal-mobile phones ma jinvolvix materjal-radiu-attiv.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema skejjel tal-gvern ingħataw permessi biex kumpanniji li joffru jew beħsiebhom joffru s-servizz tal-mobile phone iwaħħlu s-sistemi ta' trażmizzjoni tagħhom?
Qabel jingħataw dawn il-permessi, l-awtoritajiet edukattivi nfurmaw irwieħhom li f'pajjiżi oħra l-kumpanniji ma tħallewx iwaħħlu apparat simili fl-iskejjel minħabba r-riskju tal-kanċer mir-radju attivita?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif dwar din il-Mistoqsija għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu mill-Ministeru biex iwassal lill-kapijiet tal-kumpless edukattiv fejn hemm l-iskola primarja u l-iskola sekondarja (Fra Diego Bonanno) fil-Marsa biex jaqsmu bejniethom l-użu tas-sala bi qbil?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsilli Skolastiċi u l-Kapijiet ta' l-erba' skejjel fil-kumpless li jagħmlu użu mis-sala, cioe` Primary A, Primary B, Fra Diegu Bonanno u FX Attard (fejn tinsab is-sala), qatt ma rnexxielhom jaslu għal ftehim dwar kif għandu jinqasam l-użu, l-manteniment u l-amministrazzjoni tas-sala. Id-Diviżjoni kienet interveniet diversi drabi, bla suċċess, biex twassalhom għal ftehim. Tlabt lid-Diviżjoni biex tieħu l-inkarigu li tifformola ftehim li permezz tiegħu l-iskejjel kollha konċernati jibbenefikaw u jaqsmu l-ispejjeż tal-manteniment tas-sala.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu matul din is-sena skolastika mill-Ministeru biex issir pressjoni fuq dawk li jmexxu l-power station u l-industriji li f'dawn l-iskejjel primarji u sekondarji tal-Marsa biex jittaffa t-tniġġis fl-inħawi għax ċerti ġranet l-istudenti u l-istaff ma jkunux jistgħu jieħdu nifs?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull meta, matul din is-sena skolastika, l-awtoritajiet ta' l-iskejjel statali fil-Marsa rrapportaw li hemm tniġġis mill-power station u l-industriji ta' l-inħawi, dejjem mar fuq il-post l-Uffiċjal inkarigat mis-Saħħa u s-Sigurta`, li flimkien ma' l-awtoritajiet skolastiċi, dejjem għamel rappreżentazzjonijiet ma' l-awtoritajiet konċernati biex l-inkonvenjent jiġi kkontrollat mill-aktar fis possibli.
Fil-każ tal-power station, id-Diviżjoni għamlet talba lid-Diviżjoni ta' l-Ambjent biex tinstab soluzzjoni permanenti għad-dħaħen li jipproduċi dan l-impjant.
Jista' l-Ministru jgħid minn mindu reġgħet daħlet il-VAT kemm intalbu refunds mit-turisti li jkunu xtraw oġġetti f'Malta u jkunu siefru bihom? Jista' jagħti l-figuri għall-ewwel xahrejn ta' din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lil-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar talbiet għal ħlas lura tal-VAT lill-persuni li ma jkunux residenti f`Malta fuq oġġetti li jkunu xtraw f`Malta, huwa kif ġej :
Perjodu Numru ta` Applikazzjonijiet Ammont Mitlub
Għal Ħlas Lura
Mill-1 ta` Lulju 1999 3,103 Lm176,931.20
(meta bdiet l-Iskema)
sad-29 ta` Frar 2000
Bejn l-1 ta` Jannar u 327 Lm13,726.97
d-29 ta` Frar 2000
Jista' l-Ministru jgħid minn mindu l-VAT ġiet imposta fuq petrol, diesel, eċċ. fl-aħħar budget kemm kien hemm talbiet għal rifużjoni tat-taxxa minn kumpanniji? X'inhu t-total ta' flus involut s'issa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub minnu ma jistax jingħata peress li fid-denunzji tat-taxxa, t-talbiet għal refużjoni tal-VAT fuq xiri ta` petrol u diesel minn persuni reġistrati, inkluż kumpanniji, mhumiex separati minn talbietal refużjoni fuq xiri jew spejjeż oħra.
Jikkonferma l-Ministru li f'laqgħa li saret fit-22 ta' Marzu, bejn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u uffiċjali ta' skejjel tal-Knisja u indipendenti intqal li l-kurrikulu nazzjonali mhux se jiddaħħal kollu kemm hu fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss?
Jista' jgħid liema huma dawk il-partijiet li se jkunu obbligatorji minn Settembru li ġej?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma saret ebda laqgħa fit-22 ta' Marzu, bejn uffiċjali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u uffiċjali ta' skejjel tal-Knisja u indipendenti.
L-Steering Committee għat-Twettiq tal-Kurrikulu se jistabilixxi linji gwida dwar twettiq tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali u l-fażijiet differenti tiegħu. Fil-bini ta' dawn il-linji gwida se jintuża wkoll kwestjonarju li se jwieġbu l-iskejjel kollha fis-setturi primarji u sekondarji, ta' l-istat, tal-knisja u indipendenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Ministeru u d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni matul din is-sena skolastika biex jiġi żgurat li l-kimika li qed tintuża għat-tkabbir tal-faqqiegħ taħt l-iskola sekondarja ta' l-Imtarfa hix qed tkun ta' periklu għall-istudenti u għall-istaff?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-awtoritajiet ta' l-Iskola u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħadu dawn il-passi:
1. talbu lill-Polution Control Unit sabiex tinvestiga rwejjaħ
li joħorġu ta' spiss minn bokok li jagħtu mill-post taħt
l-art fejn jitkabbar il-faqqiegħ;
2. ġew spustjati l-klassijiet minn dak il-blokk affettwat;
3. laqgħat mas-sid tal-farm li minn naħa tiegħu ressaq il-
proposti tiegħu;
4. ġabu lill-Occupational Health and Safety li żaru l-
iskola u l-farm;
Il-Polution Control Unit u l-Occupational Health and Safety huma mistennija li jagħmlu l-proposti tagħhom sabiex jiġi deżiż x'passi għandhom jittieħdu fuq din il-problema.