Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tal-ministeru għar-riżoluzzjoni numru 1, li qed tintbagħat separatament, ta' Din l-Art Ħelwa li kkundanat l-intervent drastiku fuq ġewwa ta' St. James Cavalier?
Xogħol simili ieħor fuq bini storiku se jkompli jsegwi l-linja li fuq ġewwa jista' jitħarbat sakemm il-faċċata u barra tinżamm kif inhi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bidliet u l-interventi li saru fuq ġewwa ta' St. James Cavalier kienu biss dawk assolutament neċessarji biex jagħmlu l-post kompatibbli ma' l-użu tiegħu bħala Ċentru ta' l-Arti. Dan ix-xogħol sar kollu skond il-permessi li l-Gvern huwa obbligat li jġib mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u li effettivament ġab u x-xogħol kien kollu segwit mill-istess Awtorita'.
Nixtieq nassigura lill-Onorevoli Interpellant li kull xogħol fuq bini storiku li jsir mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet isir skond l-etika u t-teknika tal-prinċipji għar-restawr.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-djar ta' l-anzjani li bħalissa għandhom il-liċenzja joperaw f'pajjiżna?
Matul din is-sena kemm-il darba u meta saru spezzjonijiet mill-awtoritajiet u f'liema djar ta' l-anzjani biex jiġi żgurat livell tajjeb ta' servizz lill-anzjani u li qed jinżammu f'ambjent uman u dinjituż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-liċenzji għad-djar ta' l-anzjani għas-sena 2000 qed jiġu pproċessati. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista fejn jidhru l-postijiet kollha li kienu liċenzjati biex joperaw bħala djar residenzjali għall-anzjani, sal-31 ta' Diċembru 1999.
Kull dar tiġi spezzjonata ta' l-anqas darba f'sena b'konnessjoni mat-tiġdid tal-liċenzja. Minn żmien għall-żmien isiru spezzjonijiet f'dawn id-djar fejn ikunu nstabu nuqqasijiet sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Gvern ġewx implementati. Isiru spezzjonijiet ukoll meta jkun hemm xi rapport/insinwazzjonijiet ta' kura inadegwata. Isiru wkoll spezzjonijiet regolari biex ikun aċċertat livell ta' iġene fil-kċina.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li se jidħlu fis-seħħ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet unanimi tas-senat ta' l-Universita' (laqgħa: 13 ta' Jannar 2000):
1) "Proficiency in English" tiddaħħal f'xi forma jew oħra bħala suġġett fl-eżamijiet tal-matrikola?
2) Systems of knowledge ma jibqax suġġett obbligatorju għaċ-ċertifikat tal-matrikola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemmx data preċiża għal meta jiddaħħlu fis-seħħ iż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija. Il-Ministeru għadu qed jinsisti għal konsiderazzjoni aħjar tal-kwestjoni mill-MATSEC Board.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet il-ħidma ta' l-Institute of Public Administration and Management mindu twaqqaf sal-lum? Kemm organizza attivitajiet għall-membri tas-servizz pubbliku? Kemm attendew membri tas-servizz pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li, mindu twaqqaf, l-Institute of Public Administration and Management fassal u tella, flimkien ma l-Staff Development Organisation ta' l-Uffiċċju tiegħi, modular programme immirat lejn kapijiet ġodda fis-Servizz Pubbliku.
B'kollox itellgħu żewġ modules minn Novembru tas-sena l-oħra 'l hawn u li għalihom attendew 30 Kap ta' dipartiment. It-tielet u l-aħħar module se jittella f'Mejju li ġej.
L-Institute qed iħejji wkoll biex, f'Ottubru ta' din is-sena, jibda l-kors Diploma fl-Amministrazzjoni Pubblika.
Mill-lat ta' pubblikazzjonijiet l-Institute lesta bibljografija annotata ta' l-Amministrazzjoni Pubblika f'Malta. Jonqos biss l-editing ta' din il-bibljografija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret VAT mill-kunsilli lokali kollha ta' Malta u Għawdex? Jista' jagħti l-ammont totali kif ukoll kunsill b'kunsill, jagħti wkoll fuq xiex tħallset il-VAT mill-kunsilli?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Att ta` l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-attivitajiet tal-Kunsilli Lokali mwaqqfa skond l-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali li jkunu qed jaġixxu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet lilhom mogħtija bil-liġi ma għandhomx jitqiesu li jkunu attivitajiet ekonomiċi ħlief meta u sa` dak il-limitu kif hemm provdut fl-Ewwel Skeda li tinsab ma` l-Att. F`din l-Ewwel Skeda m`hemm imsemmija ebda attivita` li tappartjeni għall-Kunsilli Lokali. Taħt l-Att ta` l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-ebda Kunsill Lokali ma ġabar u ħallas VAT.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999 kemm inġabret VAT minn skejjel tal-gvern għal xogħlijiet li saru fihom jew servizzi li taw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Att tal-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud, il-provvista ta` edukazzjoni minn skola tal-Gvern hija eżenti bil-kreditu.
Matul l-1999, l-ammont ta` VAT li nġabar minn skejjel tal-Gvern fuq provvista ta` oġġetti jew servizzi taxxabbli kif iddikjarat minnhom kien ta` Lm131.62c.
Is-sistema bl-ebda mod ma tiġbor informazzjoni dwar l-ħlas tal-VAT skond min ikun ħallasha.
Jista' l-Ministru jgħid x'sens jagħmel li jittieħdu nies tal-Bibljoteka mħarrġa fir-restawr tal-kotba lejn iċ-ċentru ta' studji għar-restawr f'Bighi meta r-restawr tal-kotba u r-restawr tal-karta huma differenti minn xulxin u huma speċjalizzazzjoni separati?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif ġie spjegat fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 15168 u 15351, iċ-Ċentru Malti għar-Restawr twaqqaf biex joffri kemm servizz ta' restawr kif ukoll Istitut għall-Istudji fil-Konservazzjoni u Restawr. Kif joħroġ ċar mit-tweġiba għall-mistoqsija numru 15168, iċ-Ċentru sejjer ikollu laboratorju u dipartiment sħiħ iddedikat għax-xogħol tar-restawr kemm tal-kotba kif ukoll tal-karta. Għaldaqstant, in-nies imħarrġa fir-Restawr tal-Kotba li jittieħdu mill-Bibljoteka lejn iċ-Ċentru tar-Restawr jistgħu wkoll jaħdmu fuq ir-restawr tal-kotba fil-laboratorju nazzjonali li twaqqaf fiċ-Ċentru ta' Bighi. Id-diversi raġunijiet oħra għalfejn dan jagħmel aktar sens milli jibqgħu fejn huma ingħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 15168.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15018, tista' l-problema tiġi diskussa u riżolta fil-Kumitat ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva, anke fid-dawl ta' l-esperjenza pożittiva ta' dan il-każ li għalissa ġie riżolt, għax inzerta li fl-iskola primarja tan-Naxxar hemm nurses li lesti jagħmlu u huma mħarrġa biex jagħmlu dak meħtieġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva jieħu nota dwar il-każ imsemmi meta jkun opportun.
Jista' l-Ministru jgħid tistax tintlaqa' t-talba ta' dawk il-ġenituri ta' tfal autistic li l-autism tiġi rikonoxxuta bħala kondizzjoni li tintitolahom għal ċerti mediċini għax bħalissa qed ikollhom "jigdbu" u jgħidu li t-tfal għandhom l-epilepsija biex jieħu l-istess mediċina?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jilqa' t-talba fir-Riżoluzzjoni 4, Din l-Art Ħelwa li qed tintbagħat separatament, biex isir u jixxandar rapport dwar is-sitwazzjoni ta' l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni u t-tempji neolitiċi?
Meta se jiftaħ l-ipoġew?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-rapport imsemmi fil-fatt sar u qed jiġi konsidrat. Nikkonsidra wkoll il-pubblikazzjoni tiegħu fil-mument opportun.
Kif kelli l-opportunita` nfisser il-bieraħ qed nistenna li jiġi finalizzat xi xogħol ieħor biex imbagħad tiġi deċiża d-data tal-ftuħ mill-ġdid ta' l-Ipoġew.
Universita — Studenti taċ-ċentru ta' l-istudji għar-restawr
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma saret s'issa ma' l-Universita' ta' Malta biex tirrikonoxxi akkademikament bħala grad ta' baċċelerat l-istudji li qed jagħmlu l-istudenti taċ-Ċentru ta' l-istudji tar-Restawr?
Kemm-il darba s'issa r-rikonoxximent akkademiku ta' l-istudji ta' dan iċ-ċentru ġie diskuss u jekk kienx hemm deċiżjonijiet dwaru fil-kunsill u fis-senat ta' l-Universita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa l-Universita` għandha proposta mill-Kap taċ-Ċentru ta' l-istudji tar-Restawr għal rigward tal-possibilita` li b'kollaborazzjoni ta' l-Universita` ikun offrut degree fis-suġġett. Il-proposta hija attivament taħt konsiderazzjoni.
Il-prospectus għal dan il-kors diġa' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid ma' liema istituzzjonijiet internazzjonali għandu xi ftehim, xi kuntratt, xi protocol, iċ-Ċentru ta' l-Istudji tar-Restawr?
Liema istituzzjonijiet internazzjonali jirrikonoxxu l-istudji u ċ-ċertifikazzjoni taċ-Ċentru ta' l-Istudju tar-Restawr?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-domanda ta' l-Onor. Membru tirreferi għaċ-Ċentru ta' l-Istudji tar-Restawr. Ta' min jispjega li fl-1999, twaqqaf iċ-Ċentru Malti għar-Restawr bħala Ċentru b'żewġ għanijiet prinċipali: 1) li jagħmel xogħol ta' restawr f'diversi setturi u 2) li jingħata tagħlim fir-Restawr lil studenti Maltin u barranin. Dan it-tagħlim jingħata minn dik it-taqsima taċ-Ċentru li tieħu ħsieb l-istudji akkademiċi liema taqsima tissejjah "l-Istitut għall-Istudji fil-Konservazzjoni u Restawr".
Informat li ċ-Ċentru Malti għar-Restawr għandu kuntatti ta' diversi tipi ma' bosta istituzzjonijiet barranin. Informat ukoll li meta ċ-Ċentru Malti għar-Restawr jagħmel ftehim ma' istituzzjoni barranija dan jista' jkopri kemm kwistjonijiet ta' tagħlim kif ukoll kwalunkwe forma ta' għajnuna teknika li tista' tingħata. Dan il-ftehim jista' jkun kemm formali kif ukoll informali.
Meta twaqqaf fl-1999 iċ-Ċentru Malti għar-Restawr beda mill-ewwel ko-operazzjoni stretta ma' wieħed mill-aqwa Ċentri tal-Gvern Taljan, l-Istituto Centrale per il Restauro (ICR) ta' Ruma. L-esperti ta' l-ICR ġew Malta kemm il-darba, għenu biex jitfassal il-programm ta' l-Istudji sabiex dan ikun kompatibbli u rikonoxxut mill-ICR u saħansitra l-provi għall-eżami tad-dħul taċ-Ċentru Malti għar-Restawr huma mibgħuta mill-ICR. Tlieta mill-Governors taċ-Ċentru Malti għar-Restawr huma fil-fatt co-opted wara nominazzjoni mill-ICR. Jeżisti wkoll abbozz ta' ftehim formali bejn l-ICR u ċ-Ċentru Malti għar-Restawr iżda dan s'issa ma ġiex iffirmat minħabba l-marda twila (minn Mejju 1999) u l-mewt riċenti (f'Marzu 2000) tad-Direttur ta' l-ICR, il-Professur Michele Cordaro. Informat li dan l-abbozz jinkludi wkoll ir-rikonoxximent formali mill-ICR tal-kwalifiċi mogħtija miċ-Ċentru Malti għar-Restawr u li bħal issa għaddejjin trattattivi biex dan l-abbozz jiġi ffirmat matul il-ġimgħat li ġejjin.
Mistenni li l-abbozz li jiġi ffirmat ma' l-ICR jintuża bħala l-mudell tal-ftehim formali li ċ-Ċentru Malti għar-Restawr bi ħsiebu jagħmel maż-żewġ Ċentri tar-restawr oħra statali, jiġifieri ċ-Centro per la Patologia del Libro ta' Ruma u l'Opificio delle Pietre Dure ta' Firenze. Iċ-Ċentru Malti diġa' irċieva l-għajnuna u l-ko-operazzjoni ta' dawn iż-żewġ ċentri li kkolaboraw kemm fl-għażla tar-restawraturi li jaħdmu fiċ-Ċentru Malti kif ukoll fit-tfassil tal-programm ta' l-istudi fis-setturi tat-tessuti, kotba u karta.
Xi ftehim jew rikonoxximent (s'issa informali iżda li hemm pjan li jiġi formalizzat) jeżisti wkoll minn diversi istituti oħra li ġa' aċċettaw li jibgħatu studenti biex jitgħallmu Malta kif ukoll li jieħdu studenti Maltin għal perjodu ta' taħriġ. Dawn jinkludu:
1. IFROA - Institut de Formation de restaurateurs d'oeuvres
d'art - France
2. ICN - Netherlands Institute for Cultural Heritage
3. Abegg-Stiftung - Switzerland
4. CESVIP - Centro Sviluppo Imprednitoria Piacentina, Area
Cons. Beni Culturali, Piacenza, Italia
5. Royal Armouries, Leeds, U.K.
6. Courtauld Institute, London, U.K.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-allowances li qed jieħdu bħalissa l-imħallfin u l-maġistrati? X'inhu l-ammont f'kull każ u x'inhuma r-raġunijiet li għalihom jingħataw l-allowances?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull gudikant, barra s-salarju rispettiv tieghu bhala Imhallef jew Magistrat, huwa intitolat ghal dawn l-Allowances:
l. Allowance ghall-ispejjez (li ma titqiesx ghal finijiet ta` pensjoni) ta` Lm3,5OO fis-sena.
2. Allowance ohra (li ma titqiesx ghal-finijiet ta` pensjoni) ekwivalenti ghal l5% tas-salarju ta` Imhallef jew Magistrat skond l-kaz. Din l-allowance hia moghtija minflok l-bonus u beneficcji ohra li jgawdu persuni li jokkupaw karigi gholja fis-Servizz Civili u li qeghdin iservu b` `performance agreements`.
Jista' l-Ministru jgħid kif tkun is-sitwazzjoni ta' l-impjegati tal-gvern li jintbagħtu jaħdmu fiċ-Ċentru ta' studju tar-Restawr ta' Bighi li mhuwiex dipartiment tal-gvern, f'dak li għandu x'jaqsam ma' salarji, promozzjonijiet u drittijiet tal-pensjoni u snin fis-servizz pubbliku għall-komputazzjoni tal-pensjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa ċ-Ċentru Malti għar-Restawr għadu ma impjega miegħu ebda impjegat tal-Gvern, u l-impjegati tal-Gvern li qed jagħtu servizz hemm qed jagħmluh bħala parti mix-xogħol tagħhom.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea li qed titqassam fl-iskejjel? F'liema skejjel tal-gvern saru s'issa laqgħat dwar l-Unjoni Ewropea? Min tkellem f'dawn il-laqgħat?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi linji gwida dwar ir-rati li għandhom jiċċarġjaw il-kapijiet ta' l-iskejjel peress li hemm sitwazzjonijiet fejn dawn ir-rati tant huma għoljin u projbittivi li qed jiskoraġġixxu inizjattivi kulturali u jmorru kontra l-politika dikjarata ta' skejjel bħala ċentri tal-komunita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa qatt ma ġew stabbiliti linji gwida f'dan il-qasam u hija kompetenza tal-Kunsilli Skolastiċi li jiddeċiedu kemm ikunu r-rati ta' kera ta' faċilitajiet ta' l-iskejjel. Naqbel ma' l-Onor. Membru li l-kwestjoni għandha tiġi mistħarrġa u ser nibda billi nitkellem ma' l-awtortiajiet fid-Diviżjoni u ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi.
Dipartiment tal-Mużewijiet — Barrieri - Ġebel Ċiantar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-rakkmandazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Mużewijiet dwar il-barrieri fl-inħawi ta' Ġebel Ċiantar li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tat permess għal xogħol ta' tħaffir fihom dan l-aħħar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet ma kienx f'pożizzjoni li jagħti ebda rakkomandazzjoni lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar rigward il-każ tal-barriera ta' Ġebel Ċiantar.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna konkreta ngħatat s'issa l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mindu ħareġ r-rapport ta' l-istatementing board xahrejn ilu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-każ imsemmi qed joħloq preċedent dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna barranija. Dan għaliex l-Istatementing Board irrakkomanda s-servizz ta' "remedial teacher" għall-persuna konċernata, meta l-istess Statementing Board jaf li r-riżorsi disponibbli f'dan il-qasam illimitaw is-servizz għal tfal ta' eta` ta' seba' snin. Fil fatt il-persuna indikata għandha tnax-il sena.
Fid-dawl ta' l-impressjoni li ngħatat dan l-aħħar fil-ġurnal "The Times" ta' assenteiżmu rampanti minn dawk li jgħallmu fl-Universita', x'passi ttieħdu: (1) mill-ministeru; (2) mill-universita' nnifisha biex jiġi vverifikat jekk dik l-impressjoni hijiex fattwali jew le u fil-każ li hi fattwali x'passi mmedjati qed jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Universita` mitluba tivverifika irribattiet din l-impressjoni u sostniet li l-akkuża ta' assenteiżmu rampanti mhix qrib il-verita`. Bħal kull istituzzjoni oħra ta' din ix-xorta, okkażjonalment kien hemm każijiet fejn lectures jiġu posposti minħabba raġunijiet ta' mard jew minħabba impenji oħra leġittimi tal-lecturers. F'okkażjonijiet bħal dawn, fejn ikun possibbli l-lecture jingħata f'ġurnata oħra. L-Universita` tuża l-mekkaniżmu tagħha biex tiġbed l-attenzjoni u tieħu passi fil-każ ta' nuqqasijiet.
Jista' l-Ministru jara li tittieħed deċiżjoni biex fl-iskola St. Bernardette B ta' San Ġwann tibda ssir repeater class għal dawk li jixtiequ jerġgħu jagħmlu l-eżami tal-Junior Lyceum, li jattendu f'din l-iskola u li s'issa biex jagħmlu dan qed ikollhom imorru l-iskola ta' San Ġiljan?
Jikkonsidra li r-repeater class issir f'San Gwann fid-dawl li dawk li jkollhom imorru San Ġiljan qed ikollhom ibiddlu l-ambjent, ikollhom jagħmlu uniformi ġdida għal sena biss u jkollhom bżonn provvista ta' trasport?
Jistgħu l-ġenituri jiġu nformati min issa bid-deċiżjoni u mhux f'Settembru li ġej kif qalulhom mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Kelli l-opportunita` niddiskuti din il-kwestjoni mal-Kap ta' l-Iskola xi xahrejn ilu u fissirtilha li għandha tinstab soluzzjoni biex it-talba ta' l-istudenti u l-ġenituri tintlaqa'. Informat li d-deċiżjoni li ssir repeater class fi skola tittieħed wara li jkun ħareġ ir-riżultat tal-Junior Lyceum u ssir talba mill-ġenituri biex uliedhom jirrepetu s-sitt sena tal-Primarja.
Informat ukoll li jiġi ikkunsidrat in-numru tat-tfal li jitolbu biex jirrepetu l-klassi Yr 6 u jekk fl-iskola jkunx hemm klassi vojta biex tkun tista' tilqagħhom.